Messagg mill-President – Jannar 2009

///Messagg mill-President – Jannar 2009
Messagg mill-President – Jannar 2009 2017-12-31T19:01:30+00:00

Ħbieb,

Għall-grazzja t’Alla bdejna sena oħra u fost il-ħafna reżoluzzjonijiet li nagħmlu, ilkoll kemm aħna n]arsu ‘l quddiem bit-tama li din is-sena tkun aħjar minn din li għadha kif intemmet u ġġib magħha ħwejjeġ sbieħ li jkomplu jimlewna b’kuraġġ u jimlew lil ħajjitna b’ferħ u sodisfazzjon.

 

Is-sena 2008 kienet sena mistennija ferm mill-Għaqda tagħna u li kienet ser iġġib magħha diversi sfidi diffiċli, u esperjenzi ġodda għal ħafna minna, iżda illum propoju fi tmiemha, nħarsu lura u b’sodisfazzjon kbir nistqarr li l-2008 kienet is-sena li għall-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ġabet sodisfazzjon kbir u li ser tibqa’ miktuba b’ittri tad-deheb għal dak kollu li wettaqna b’tant ħidma u dedikazzjoni mill-membri u partitarji numerużi tagħha. L-2008 kienet sena memorabbli li matulha l-Għaqda tagħna għolliet isimha, isem Ħal Luqa u mlietna b’enerġija u entużjażmu ġdid!

 

Fost id-diversi avvenimenti li seħħew fi ħdan l-Għaqda tagħna, insemmi t-tnedija tal-ktieb, L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija; Twelidha u Ġrajjietha ta’ l-awtur Jesmond Grech, u b’hekk issa ż-żewġ għaqdiet mużikali Ħalluqin ippubblikaw il-ġrajjiet tagħhom f’żewġ volumi estensivi minn awturi stabbiliti u indipendenti tal-fiduċja tagħhom. F’dawn il-kotba l-awturi preżentawlna l-fatti kif riċerkati u kif sabuhom dokumentati, fid-detall mistħoqq. Illum dawn il-kotba huma sors indispensabbli għal kulmin jixtieq isir jaf dwar l-istorja ta’ l-għaqdiet mużikali Ħalluqin u l-ġrajjiet mużikali li seħħew matul is-snin sa mis-sena 1878. Tkun irresponsabbilta kbira jekk issa nippruvaw nagħtu verżjonijiet differenti mill-fatti kif miktuba minn dawn l-awturi li b’ħila kbira wasslulna dak li sabu f’dokumenti u sorsi oħra. Il-fatti huma dawk li huma u dwar il-bidu, li tant kien diskuss, jidher li issa b’mod dirett jew indirett hemm qbil u fiż-żewġ kotba nsibu riferriment għall-ewwel formazzjoni mużikali li kien hawn f’Ħal Luqa bl-isem ta’ La Stella u s-sena 1878. Kif għidt diga ma n]ossx li hu kompitu tiegħi li nikteb dwar dan is-suġġett u jkun aħjar li wieħed jirreferi għall-ktieb ta’ Jesmond Grech li b’tant professjonalita analizza u waslillna l-fatti kif ippreżentaw ruħhom matul is-snin fid-diversi dokumenti li ltaqgħa magħhom.

Ċertament li l-2008 għall-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ġiet fi tmiemha bl-aktar mod dinjitu\ u ċelebri bil-Kunċert Sinfoniku ġewwa t-teatru nazzjonali, t-Teatru Manoel, li l-membri, l-Ħalluqin u d-dilettanti minn kull rokna ta’ Malta mlew kull rokna tiegħu, kunċert li għal darb’oħra wera l-istatura u l-kobor tal-banda tagħna u l-versitalita u l-kapaċita professjonali tal-maħbub surmast Mro Paul Schembri. Il-kliem ta’ tifħir u nkurraġament għadu jaslilna sal-lum minn diversi dilettanti u mużikanti li kienu preżenti. Żgur li l-Kunċert Sinfoniku flimkien ma’ l-Akkademja Mużikali fil-knisja parrokkjali f’April, kif ukoll il-kunċert kommemorattiv f’Ġunju, għollew isem il-banda tagħna u isem is-Soċjeta’. Meta taqra l-istorja glorjuża ta’ din il-banda flimkien ma’ dak li għamlet matul is-sena li għaddiet, ma jibqa’ ebda dubju, jekk qatt kien hemm, li l-Banda Sant’Andrija kienet u għadha fost l-aqwa baned fil-gżejjer Maltin li dejjem għamlet unur lil Ħal Luqa u ‘l Ħalluqin, bħalma għamlu l-mużikanti u s-surmastrijiet li tħarġu fi ħdanha.

 

M’ għandix għalfejn nerġa’ nagħmel resume ta’ dak kollu li sar matul l-2008, iżda nkun qed nonqos jekk bl-akbar sinċerita ma nirringrazzjax bl-aktar mod qawwi lil dawk kollha li b’mod jew ieħor taw il-kontribut tagħhom sabiex fakkarna għeluq il-130 sena mit-twaqqif ta’ La Stella, l-ewwel formazzjoni mużikali f’Ħal Luqa u li wara fl-1883, 125 sena ilu twaqqfet uffiċċjalment bħala Għaqda Mużikali Sant’Andrija, l-għaqda tal-Patrun Sant’Andrija u tal-Ħalluqin.

 

L-2008 issa hija parti mill-istorja u ħarsitna issa tmur ‘il quddiem għal dak li ġej. Matul is-sena 2009 se nkunu qed infakkru diversi avvenimenti speċjali oħra bl-aktar wieħed importanti hu Għeluq it-375 Sena mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ Ħal Luqa ddedikata lill-Appostlu Sant’Andrija. L-Għaqda tagħna żgur li ser tagħti s-sehem tagħha kollu possibli u kif ġa rajna, diġa tellgħet xi attivitajiet marbuta ma’ dan l-anniversarju, il-marċ nhar il-festa liturġika ta’ Sant’Andrija fit-30 ta’ Novembru, kif ukoll l-attivitajiet marbuta mal-jiem sbieħ tal-Milied. Barra dan matul din is-sena l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ser tiċċelebra diversi anniversarji oħra; il-50 Sena mill-inawgurazzjoni tal-planċier artistiku tal-Banda, l-eqdem wieħed f’Ħal Luqa u wieħed minn tal-bidu tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin; 40 sena minn meta Palazz Bethsaida sar propjeta tagħna; 40 sena minn meta ntemmet l-impożizzjoni mill-awtoritajiet ċivili u l-marċi mill-Banda Sant’Andrija bidlu r-rotta u bdew jispiċċaw minn Pjazza Sant’Andrija u g]al Pjazza tal-Knisja u 30 sena mill-wasla fostna ta’ l-istatwa artistika ta’ Sant’Andrija xogħol l-istatwarju Għawdxi Michael Camilleri Cauchi.

 

Fi ftit tal-jiem oħra jasal ukoll fi tmiemu t-terminu ta’ sentejn tal-kumitat tat-tmexxija ta’ l-Għaqda u tinżamm il-laqgħa ġenerali annwali u jinħatru uffiċċjali u membri ġodda tal-kumitat għat-tmexxija għas-sena li ġejja. Nonqos jekk ma nirringrazzjax lil sħabi kollha, s-segretarju, l-kaxxier, il-membri tal-kumitat, kif ukoll lill-kummissjoni 125 Sena għall-ħidma mpenjattiva li wettqu tul l-inkarigu tagħhom u dejjem ħadmu għall-ġid ta’ l-Għaqda tagħna. Nirringrazzjhom ta’ l-appoġġ kontinwu u xejn anqas lill-membri kollha li dejjem urew fiduċja sħiħa fija u dejjem sibt l-appoġġ tagħhom sabiex flimkien magħquda taħt il-ħarsien ta’ missierna l-Appostlu Sant’Andrija wettaqna bl-akbar sodisfazzjon dak li pjanajna għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd. L-appell tiegħi hu sabiex kulmin jista’ jgħin jersaq ‘il quddiem u jippreżenta ruħu sabiex magħquda flimkien nkomplu naħdmu u b’ħarsitna ‘l quddiem nkomplu ngħelbu sfidi ġodda u niktbu paġni glorjużi ġodda fl-istorja ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija.

 

Fl-aħħar nieħu l-okkażjoni sabiex nappella lil dawk il-membri kollha u individwi li għadhom ma kisbux kopja tal-ktieb ta’ l-istorja ta’ l-Għaqda sabiex jagħmlu dan u daqstant ieħor jakkwistaw kopji tas-cds li ħriġna matul din is-sena, fosthom tal-marċi funebri, marċi briju\i, ġabra ta’ kompożizzjonijiet tas-surmast Paul Schembri sabiex fakkarna għeluq it-30 sena tiegħu bħala Surmast Direttur, ta’ l-Akkademja Mużikali u dalwaqt tal-Kun`ert Sinfoniku, \gur li dawn ser jibqgħu rikordju mill-isbaħ tas-sena 2008 u li jimlewna b’sodisfazzjon u kuraġġ ġdid.

Nagħlaq dan il-messaġġ tieg]i billi f’ismi u f’isem sħabi nawgura ‘l kulħadd sena ġdida mimlija risq u hena, filwaqt li nappella sabiex isir sforz ġenwin u kollettiv biex dak li hu tajjeb intejbuh u fejn mhux daqshekk tajjeb nirsistu, nwarrbu l-interessi personali u naħdmu sabiex nagħmluh tajjeb bil-koperazzjoni ta’ kulħadd u nkun qed nagħtu l-isbaħ rigal lill-parroċċa tag]na f’din is-sena hekk speċjali.

 

Grazzi u tislijiet,

Raymond Zammit

President

Għaqda Mużikali Sant’ Andrija

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.