Messaġġ mill-President Raymond Zammit – Gimgha Mqaddsa 2006 – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Messaġġ mill-President Raymond Zammit – Gimgha Mqaddsa 2006

///Messaġġ mill-President Raymond Zammit – Gimgha Mqaddsa 2006
Messaġġ mill-President Raymond Zammit – Gimgha Mqaddsa 2006 2017-12-31T19:02:16+00:00

Ftit tal-ġranet ilu fil-messaġġ tiegħi semmejt li bħal fis-snin li għaddew il-membri kienu qegħdin iħejju programm ta’ attivitajiet għal matul il-granet tal-Gimgha Mqaddsa. Issa li dawn l-attivitajiet għaddew nistgħu nħarsu lura u b’sodisfazzjon ngħidu li l-isforzi li saru taw il-frott tagħhom. Naħseb li lkoll naqblu li l-atmosfera li kienet tirrenja fir-raħal tagħna kienet waħda unika. In-numru kbir ta’ nies li ġew fir-raħal tagħna kien wieħed impressjonanti u l-‘coverage’ li tat il-‘media’ lill-attivitajiet li saru fir-raħal tagħna kien eċċezjonali.

Dawn l-attivitajiet, li ttelgħa l-għaqda tagħna għandhom l-għan li jkattru u jesponu l-wirt kulturali li jħaddan ir-raħal tagħna u n-nies tiegħu. Il-wirja ‘Miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju’ issa daħlet sewwa fil-kalendarju kulturali tas-soċjeta u tal-lokalita tagħna. Din l-inizjattiva u inizjattivi oħra simili qed jagħtu identita lir-raħal tagħna u għandhom ikunu inkurraġiti u sostnuti, l-ewwel u qabel kollox minna l-Ħalluqin. L-wirja ta’ din is-sena żgur li offrit lil kulmin żarha esperjenza unika. Marbut mal-wirja ta’ din is-sena kellna avveniment ieħor li hu ta’ mportanza kbira għar-raħal tagħna, l-ftuħ tax-xelter ta’ żmien it-tieni gwerra dinija li l-entratura prinċipali tiegħu hi propju minn ġol-każin tagħna.

Illum 60 sena wara li dan ingħalaq, il-membri żgżażagħ ta’ l-għaqda tagħna, sforz l-entużjazmu u l-enerġija li għandhom u konxji minn dak li qed jiġri f’lokalitajiet oħra, twebblu li dan il-post hemm bżonn li jkun utilizzat u miftuħ sabiex jitgawda mill-poplu ta’ Ħal Luqa. U hekk bdiet it-triq sabiex fil-ġranet li għaddew seta’ jitgawda dan il-wirt storiku. Ix-xogħol inbeda wara li nġiebu l-permessi neċessarji. Pero biex tuża post irid ikun f’kunduzzjoni li tista’ tuzaħ. Għaldaqstant inkun qed nonqos bil-wisq jekk f’isem il-Ħalluqin kollha, ma nirringrazzjax lill-membri ħabbrieka ta’ l-għaqda tagħna li għal siegħat twal, kultant f’periklu, ħadmu bis-sħiħ sabiex minn post mgħarraq b’madwar żewġ piedi ilma, kollu tjun u mudlam, jittrasformawħ u jirrijabilitawħ f’post li setgħu iżuruħ eluf ta’ nies. Grazzi u prosit meritatament imur liċ-Chairperson tas-Sezzjoni Żgħażagħ u l-membri.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.