Messaġġ mill-President Raymond Zammit – Jannar 2008

///Messaġġ mill-President Raymond Zammit – Jannar 2008
Messaġġ mill-President Raymond Zammit – Jannar 2008 2018-01-01T01:21:14+00:00

Ħbieb,

Sa minn l-ewwel snin tagħha, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija dejjem kellha rabta sħiħa mal-Patrun tar-raħal tagħna Sant’ Andrija, xiehda ta’ dan hu l-istess isem u l-arma tagħha, żewġ privileġġi li ma tgawdi ebda għaqda oħra fir-raħal, u bir-raġun għaliex l-għeruq ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija jagħmluha l-aktar għaqda anzjana f’Ħal Luqa.

Matul is-snin, f’aktar minn okkażjoni waħda din l-għaqda fakkret xi anniversarju, pero l-aktar wieħed sinifikattiv hu dak tas-sena 1933, meta fakkret għeluq il-50 sena tagħha u biex ikun issiġilat dan l-anniversarju kienet ġiet irregalata bandalora li għadha miżmuma b’għozza kbira fil-każin tagħha. F’dawk is-snin, jiġifieri s-snin 30, f’Ħal Luqa, ebda għaqda mużikali oħra ma fakkret xi anniversarju tagħha. F’dawk is-snin ċertament li kien għad fadal nisa u rġiel li kienu għadhom jiftakru t-twaqqif ta’ l-għaqdiet mużikali u meta tfakkar dak l-anniversarju ebda polemika ma kienet inqalgħet, kuntlarju għal dak li ġara fis-snin ta’ wara jiġifieri fis-snin 50.

Din is-sena qed infakkru għeluq il-125 Sena ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, 125 Sena minn meta kienet uffiċċjalment reġistrata b’dak l-isem f’ġieħ Sant’ Andrija, b’Giuseppe Micallef bħala l-President u Mro. Tommaso Galea bħala s-surmast direttur tagħha.

Bħalma sar meta tfakkru anniversarji oħra, dan l-anniversarju qed jingħata l-importanza kollha li tixraqlu u b’wiċċna minn quddiem nistgħu ngħidu li l-bidu ta’ dawn l-attivitajiet kienu eċċellenti. Bi pjaċir u unur dawn infetħu mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Arċisqof Pawl Cremona li wara li nagħta merħba kbira u ntlaqa’ bid-daqq ta’ l-Innu Pontifiku minn numru ta’ bandisti, huwa kien mistieden jinawgura l-logo uffiċjali ta’ dan l-Anniversarju, li kien iddisinjat mill-artist Richard J Caruana. Wara l-E.T Mons Arċisqof ġedded il-Konsagrazzjoni tas-Soċjeta’ lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu u l-Qalb bla tebgħa ta’ Marija. Din kienet okkażjoni ferm sabiħa li tat bidu għall-attivitajiet li se jfakkru it-twaqqif ta’ l-ewwel għaqda mużikali f’Ħal Luqa. Din iż-żjara fil-fatt seħħet wara li l-kumitat kien talab lill-W.Rev. Kappillan lura f’Ġunju biex jistieden lill-Eċċellenza tiegħu sabiex iżur il-każin tagħna u jġedded il-Konsagrazzjoni tas-soċjeta’, liema konsagrazzjoni kienet seħħet fl-1952. Dak iż-żmien ma kienx possibli minħabba mpenji oħra li kellu l-Arċisqof pero x-xewqa tagħna seħħet f’Novembru. Minn qalbi u f’isem sħabi nirringrazzja lill-Kappillan u lill-Viċi għall-għajnuna tagħhom u għall-mod kif organizzaw iż-żjara ta’ l-Arċisqof fir-raħal tagħna.

F’dawn il-jiem tqassam lill-familji Ħalluqin kollha Kalendarju għas-sena 2008, liema kalendarju hu tifkira ta’ dan l-avveniment u juri diversi pitturi fuq il-ħajja ta’ l-Appostlu Sant’ Andrija li din s-soċjeta għandha. Lejlet il-bidu tas-sena mbagħad kienet organizzata serata għall-membri li fiha tajna bidu ghas-sena 2008. Mad-daqq ta’ nofs il-lejl inxtghel l-annu kommemorattiv li nħadem minn membri ta’ l-istess soċjeta’. Dan juri s-sena 1883 fuq naħa, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra l-annu jibda mis-sena 1883 u jaqleb sena wara l-oħra sa ma jasal fis-sena 2008. Parti oħra minn dan l-annu turi n-numru ta’ snin mill-1 sal-125 li jaqilbu simultarjament ma’ l-annu. Sintendi s-sena ntlaqghet ukoll bi ħruq tan-nar maħdum mid-dilettanti tagħna.

Bi pjaċir nistqarr li dawn l-attivitajiet li saru sa issa jixhdu l-impenn tal-memebri tagħna u s-suċċess u l-organiżazzjoni eċċelenti tagħhom huma mera ta’ dak li għandha ppjanat din l-għaqda għal matul din is-sena hekk speċjali. Il-konkorrenza u l-kliem ta’ tifhir jimlewna b’kuraġġ u huma xiehda tal-popolarita li għadha tgawdi din l-għaqda mal-Ħalluqin kollha.

Barra dawn l-attivitajiet b’rabta mal-125 Sena, ma naqsux attivitajiet oħra tul dawn l-aħħar xahrejn li żgur ma kienux jagħmlu għajb lil dawk li diġa semmejt. Żgur li l-Kunċert Vokali u Strumentali li għamlet il-banda fil-25 ta’ Novembru, 2007 għadu f’moħħ n-numru kbir ta’ Ħalluqin u barranin li mlew it-Teatru Metanoia. Kien programm varjat u mpenjattiv fejn fih għal darb’ oħra kien prominenti t-talent mużikali Ħalluqi kemm f’dik li hi kompożizzjoni, direzzjoni, kif ukoll fl-eżekuzzjoni tas-siltiet mużikali mis-solisti. Il-banda żammet ukoll l-impenn tagħha nhar il-Milied filgħodu bi programm leġġer ta’ ‘Carols’, marċi militari u siltiet oħra marbuta ma’ żmien il-milied.

F’Novembru fl-okkazjoni tal-festa liturġika ta’ Sant’ Andrija kelli l-unur li f’isem l-Għaqda tagħna tajt intervista diretta fuq Rabio BBC Scotland b’rabta ma’ St. Andrew’s Day li tkun iċċelebrata bil-kbir fl-Iskozzja. Din fuq kollox kienet xiehda tal-popolarita li din l-Għaqda tgawdi mhux biss f’pajjiżna iżda anke f’pajjiżi oħra, u permezz ta’ dik l-intervista l-popolarita tagħha qed tkompli tikber, b’numru sabieħ ta’ emails li qed nirċievu.

Barra dan kollu nsemmi wkoll l-attivitajiet l-oħra fosthom, l-ikla orgnaizzata għall-bandisti, sezzjonijiet u benefatturi f’Novembru, l-ikla tal-milied u l-party tat-tfal, kif ukoll l-armar tal-faċċata għal żmien il-milied u l-presepju artistiku li nħadem fis-sotterran tal-każin miż-żgħażagħ immexxija minn Charles Attard.

Dawk kollha li kienu preżenti għal dawn l-attivitajiet żgur li rrejalizzaw kemm ħidma u mpenn kienu jinvolvu u għal daqstant nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu u stinkaw b’sagrifiċċji personali sabiex dawn l-attivitajiet kienu kollha suċċess u denji ta’ din l-Għaqda hekk kbira u popolari.

Issa ħarsitna tmur ‘il quddiem lejn l-attivitajiet l-oħra li għandna ppjanati fix-xhur li ġejjin u li jibqgħu sejrin sa Novmebru 2008. Flimkien ma’ sħabi tal-kumitat u s-sezzjonijiet qed naħdmu sabiex dawn ikunu suċċess u jagħmlu unur lill-Għaqda tagħna u lil Ħal Luqa, fuq kollox li jkunu attivitajiet li fihom tispikka l-oriġinalita u l-kapaċita tal-membri fih ħdan l-għaqda tagħna u jgħollu isem Ħal Luqa.

Minn qalbi nirringrazzja lil kulħadd u nawguralkom ilkoll sena mill-isbaħ taħt il-ħarsien ta’ l-Appostlu Patrun tagħna Sant’ Andrija.

Ray Zammit
President

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.