Messaġġ mill-President Raymond Zammit – L-Ewwel Messaġġ

///Messaġġ mill-President Raymond Zammit – L-Ewwel Messaġġ
Messaġġ mill-President Raymond Zammit – L-Ewwel Messaġġ 2017-12-31T19:07:10+00:00

Merħba u nirringrazzjakom li qegħdin f’dan is-sit uffiċċjali ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, sit professjonali u attrajenti, li fuq kollox qiegħed ikun aġġornat frekwentament sabiex jingħata tagħrif dwar din l-għaqda tagħna, Wara dan is-sit hemm il-ħidma kontinwa ta’ grupp ta’ nies immexija minn Andrei Zammit il-moħħ wara dan is-sit, flimkien ma’ Bernard Cutajar u Antoine Muscat. Minn qalbi nirringrazzjhom.

Fi ftit tal-ġranet oħra se nkunu qegħdin niċċelebraw l-akbar ġrajja tagħna l-Insara, l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu. Bħal fis-snin li għaddew il-membri qegħdin iħejju program ta’ attivitajiet għal dawn il-ġranet. Il-Banda Sant’ Andrija ser tipparteċipa f’dawn l-attivitajiet u konvint li l-bandisti tagħna taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Paul Schembri ser jesegwixxu programmi ta’ mużika sagra li żgur ser jintlaqgħu tajjeb. It-tħijjijiet għall-wirja ‘Miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju’ jinsabu fl-aqwa tagħhom, li din is-sena ser tkun fuq skala akbar grazzi għall-impenn u l-inizjattiva tal-membri żgħażagħ u l-għajnuna ta’ diversi membri oħra.

F’temp ta’ ftit xhur oħra nkunu qegħdin niċċelebraw il-festa Titulari ad unur Sant’ Andrija, u minkejja d-diversi attivitajiet ta’ matul is-sena, l-qofol ta’ l-attivita kollha jintleħaq f’dawk il-jiem. Il-preparazzjonijiet jinfirxu tul is-sena kollha u bħal fis-snin l-oħra din is-sena rat xogħol kbir mid-diversi sezzjonijiet, fosthom xogħol ġdid mid-dilettanti ta’ l-armar. Minkejja xi diffikultajiet li nqalgħu aktar kmieni din is-sena fil-kumpless tal-kamra tan-nar, għal grazzja t’Alla l-konsegwenzi kienu ftit li xejn u llum nistqarr li kollox reġa’ ġie għan-normal, grazzi dejjem għall-ħidma tal-membri tagħna, il-licencee u d-dilettanti tan-nar.

Minkejja dawn l-attivitajiet kollha l-Kumitat Ċentrali dejjem ikun lest li jisfrutta kull opportunita li jiltaqgħa magħha u hekk fi ftit tax-xhur oħra l-Għaqda tagħna ser tkun is-sid ta’ propjeta b’potenzjal ta’ żvilupp, li tmiss mal-każin tagħna. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-membri kollha li għamlulna kuraġġ biex nieħdu dan il-pass u nirringrazzja lil dawk kollha li diga qegħdin jagħtu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom.

Wara dawn is-snin kollha l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija għada lejali lejn il-prinċipji tagħha u membri fil-kumitat, bandisti, dilettanti tan-nar u ta’ l-armar, żgħażagħ u nisa, lkoll f’għaqda waħda sena wara sena, jaħdmu għal dan il-għan,. Ebda kliem ta’ tifħir mhu biżżejjed biex nirringrazzja lil dawn il-membri u partitarji li fil-ħin liberu tagħhom jaħdmu sabiex l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija tkompli tkattar il-wirt mużikali u kulturali fir-raħal tagħna u fuq kollox l-imħabba lejn Sant’ Andrija Patrun tagħna.

Nixtieq li minn hawn inwassal l-istedina tiegħi u ta’ sħabi sabiex matul il-ġranet sbieħ li ġejjin inti u l-familja tiegħek tattendi għall-programm mużikali fl-okkazjoni tal-ftuħ tal-wirja ‘Miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju’ u tiġi żżur il-wirja fil-każin tagħna. Nieħu l-okkazjoni wkoll sabiex f’isem sħabi nixtieqilkom il-Għid it-Tajjeb.

Ray Zammit
President

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.