SENA ĠDIDA W AKTAR ĦIDMA GĦALL-GĦAQDA MUŻIKALI SANT’ANDRIJA A.D. 1883 – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

SENA ĠDIDA W AKTAR ĦIDMA GĦALL-GĦAQDA MUŻIKALI SANT’ANDRIJA A.D. 1883

///SENA ĠDIDA W AKTAR ĦIDMA GĦALL-GĦAQDA MUŻIKALI SANT’ANDRIJA A.D. 1883
SENA ĠDIDA W AKTAR ĦIDMA GĦALL-GĦAQDA MUŻIKALI SANT’ANDRIJA A.D. 1883 2017-12-31T20:48:36+00:00

Bdejna sena ġdida u lkoll kemm aħna nagħmlu ħafna reżoluzzjonijiet u nintlew b’tamiet ġodda filwaqt li nawguraw lil xulxin li jkollna sena li ġġibilna magħha saħħa, hena u suċċess. U dan hu li nawgura minn qalbi lilkom ilkoll u lill-familji tagħkom. Kull jum li jgħaddi jsir storja u ħarsitna trid tkun dejjem ‘il quddiem filwaqt li mill-passat nitgħallmu biex il-ġejjieni nagħmluh aħjar, għalina u għal uliedna. Wara l-esperjenza sabiħa li l-parroċċa tagħna għaddiet minnha s-sena l-oħra, meta fakkarna għeluq it-375 Sena mit-Twaqqif tagħha, matul din is-sena ser inkunu qed infakkru għeluq l-1950 Sena mill-Martirju tal-Appostlu Patrun Tagħna Sant’Andrija u d-Dħul Tiegħu fil-Glorja tas-Sema. Konvint li din l-esperjenza li ser ngħixu ser tkun esperjenza oħra sabiħa u tkun isbaħ jekk l-għaqdiet kollha tal-parroċċa flimkien mal-membri tagħhom u l-parruċċani nġenerali jkunu mħeġġa jinvolvu ruħhom aktar u jingħataw l-ispazzju xieraq sabiex verament ilkoll flimkien inħossuna familja waħda taħt il-ħarsien ta’ Sant’Andrija. Għandna naħdmu aktar flimkien u nfittxu dak li jista’ jressaqna aktar lejn xulxin, m’għandniex nibżgħu ngħidu dak li hu ħażin u flimkien naħdmu sabiex intejbuh. Ir-raħal, il-parroċċa jridu jiffaċċjaw l-isfidi tal-mument u rridu naħdmu flimkien biex ngħelbuhom. Ir-raħal, il-parroċċa m’huma monopolju ta’ ħadd u nkunu qed niżbaljaw bl-ikrah jekk aħna li aħna responsabbli fit-tmexxija tal-għaqdiet, tal-parroċċa u ta’ Ħal Luqa ma nfittxux li nagħtu spazzju lil kulħadd, għax ħadd mhu ‘l fuq aktar minn ħaddieħor.

Kif għidt qabel kull jum li jgħaddi bl-avvenimenti kollha li jkunu seħħew, jsir storja. Hekk illum niktbu u ngħidu li fil-25 ta’ Diċembru 2009 il-Banda Sant’Andrija għamlet programm mużikali f’Misraħ il-Knisja. Jekk pero llum nikteb li l-Banda Sant’Andrija għamlet programm mużikali nhar il-Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru 2009 f’Misraħ il-Knisja Ħal Luqa, intom li qed taqraw tgiddbuni u bir-raġun tgħidu li dak li ktibt mhux veru. Fil-festa ta’ Sant’Andrija 2009 fakkarna għeluq il-50 sena mill-inawgurazzjoni tal-Planċier artistiku tal-Banda Sant’Andrija fis-sena 1959. Fortunatament illum magħna għad għandna nies li ħadmu f’dan il-planċier u oħrajn li jiftakru dak l-avveniment u ħafna aktar li semgħu b’dak l-avveniment minn dawk li jiftakruh. Nistaqsi, li kieku b’mod irresponsabbli fis-sena 2009 għidna li se nfakkru l-55 sena mill-inawgurazzjoni ta’ dan il-planċier, konna niġu mgiddba minn dawk li kienu l-protagonisti f’dak l-avveniment u minn dawk kollha li jiftakru x’kien sar 50 sena ilu. Jiġifieri illum ma nistgħux nigdbu dwar dak li seħħ 50 sena ilu għax in-nies għadhom jiftakru x’kien seħħ. Mela bl-istess raġunament, meta l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ċċelebrat għeluq il-50 sena mit-twaqqif tagħha fis-sena 1933 u idokumentat dak l-avveniment bl-għoti ta’ bandalora artistika u b’festi li saħansitra nkiteb dwarhom f’gazetta lokali, kien hawn nisa u rġiel li kienu jiftakru x’kien ġara 50 sena qabel, jiġifieri fis-sena 1883. Ċertament li dakinhar ma setgħetx tigdeb u ċ-ċelebrazzjoni tal-50 Anniversarju hu s-siġil li jikkonferma li l-ewwel formazzjoni mużikali f’Ħal Luqa, La Stella fil-mument opportun ġiet mgħammda b’isem il-Patrun tar-raħal bħala Societa’ Filarmonica San Andrea kif għadha magħrufa sal-lum, fis-sena 1883.

L-50 Anniversarju fis-sena 1933 barra li kien dokumentat, kien dejjem imfakkar f’kull pubblikazzjoni uffiċjali li ħarġet l-Għaqda matul is-snin, fosthom fl-1952, fl-1983 u riċentament fl-2008. Dan juri l-KONSISTENZA li l-Għaqda tagħna dejjem żammet dwar is-sena tat-twaqqif tagħha. Mhux l-iskop tiegħi li f’dan il-messaġġ nkompli dwar dan is-suġġett, pero ħassejt li kien il-mument opportun li nwassal dan il-fatt meta għadu frisk f’moħħ kulħadd l-50 Anniversarju tal-planċier li fakkarna matul is-sena li għaddiet.

Nista’ ngħid li bil-bidu tas-sena l-ġdida ġiet fi tmiemha sena li matulha l-Għaqda Mużikali Sant’Andrija kompliet timpenja ruħha u tkabbar ir-reputazzjoni u s-suċċessi tagħha. Il-festa ta’ Sant’Andrija kienet suċċess enormi grazzi għall-ħidma tal-membri tagħna fid-diversi sezzjonijiet, li lkoll flimkien ħdimna sabiex naraw il-festa tkompli tikber u jekk kien hemm xi nuqqasijiet, dan, kif jafu l-awtoritajiet ċivili u ekleżjastiċi li magħhom niltaqgħu qabel kull festa, ma kienx kaġun ta’ nuqqas ta’ rieda tajba min-naħa ta’ l-Għaqda tagħna, anzi aħna dejjem fittixna u sħaqqna li dak li mhux daqshekk sewwa għandna nirrangawh u dejjem tajna kull opportunita u qatt ma ostakolajna anki lis-Soċjeta’ l-oħra, sabiex il-festa tkompli tikber. Sfortunatament għad hawn min il-partit u l-fanatiżmu għadu jiġri bih u ma jħallihx jirraġuna.

Qabel u wara l-festa l-Banda kellha diversi mpenji b’suċċess f’festi fi rħula oħra sakemm, bħal kull sena, wasal l-impenn ta’ Novembru fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ Sant’Andrija. Il-Kunċert Sinfoniku fit-Teatru Metanoia kien suċċess ieħor kbir għall-Banda Sant’Andrija, grazzi għall-impenn tas-surmast bravu tagħna Mro Paul Schembri, l-bandisti tagħna u l-Kummissjoni Banda. L-attendenza tal-Ħalluqin u ta’ diversi nies minn irħula oħra kienet tajba ħafna u lkoll esprimew sodisfazzjon kbir u kellhom kliem ta’ tifħir. L-aħħar impenn tal-Banda għas-sena 2009 kien f’Jum il-Milied fejn il-Banda esegwiet diversi siltiet mużikali addatati għal dan il-jum.

Barra l-impenji tal-Banda, matul l-aħħar xhur tas-sena saru diversi attivitajiet soċjali fil-każin li kollha kienu suċċess grazzi għall-voluntiera. Bħalma ilu jsir issa għal ħafna snin, iż-żgħażagħ tal-Għaqda reġgħu ħadu ħsieb li jaħdmu presepju artistiku fil-każin u ntramat il-faċċata fejn anki żdidu xi dekorazzjonijiet. Kien ipubblikat il-Kalendarju 2010, li din id-darba fih ġabra ta’ ritratti antiki fuq Ħal Luqa li ħafna minnhom kienu stampati għall-ewwel darba. Dan kien rigal lill-Ħalluqin kollha u nista’ ngħid li kien suċċess enormi mhux biss fir-raħal tagħna, iżda anki barra r-raħal.

Inizjattiva ġdida fir-raħal tagħna ttieħdet mis-Sezzjoni żgħażagħ, bit-twaqqif ta’ klabb fi ħdan l-Għaqda għat-tfal bl-isem Star Kids. Dan ġie mniedi fl-aħħar tas-sena u r-respons hu wieħed tajjeb. L-għan hu li jkunu organizzati diversi attivitajiet għal tfal bejn it-3 snin u l-11-il sena ġewwa l-każin u anki attivitajiet oħra barra l-każin. Ċertament li din l-inizjattiva jistħoqqilha kull apoġġ u tifħir u j’Alla ħafna tfal jinkitbu f’dan il-klabb.

Max-xahar ta’ Jannar hi marbuta l-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ l-Għaqda u l-għażla ta’ Kumitat Eżekuttiv ġdid għal sena ġdida. L-Għaqda tagħna hi miftuħa għal kulħadd u speċjalment il-membri huma mħeġġa li jersqu u jipparteċipaw f’din il-laqgħa hekk importanti. Dawk li jħossu li jistgħu jikkontribwixxu fil-Kumitat għandhom jagħmlu dan, l-Għaqda tagħna mhi monopolju ta’ ħadd u kull kariga, anki dik tiegħi bħala president, tista’ tkun kontestata u ħadd ma jokkupa kariga fil-kumitat anki dik ta’ president, mingħajr l-approvazzjoni tal-maġġoranza b’vot sigriet, anki jekk il-kariga ma tkunx kontestata. Dan juri s-serjeta u l-integrita li fuqha hi mibnija din l-Għaqda tagħna, integrita li aħna obligati li nkomplu nħarsu u nġibu ‘l quddiem b’dak kollu li nagħmlu.

Konvint li l-kumitat il-ġdid ser ikompli jaħdem sabiex l-Għaqda u l-Banda tagħna jkomplu mixja ‘l quddiem u jagħmlu unur lir-raħal tag]na. Konvint ukoll li se jfittex bħalma għamlu l-uffiċjali u l-membri fil-kumitati sa mit-twaqqif tagħha, li filwaqt li jħarsu l-interessi ta’ din l-Għaqda, b’mod oġġettiv jfittxu l-interessi u l-ġid tar-raħal u tal-Ħalluqin. Minn qalbi nirringrazzja lill-benefatturi w ammiraturi, lill-membri kollha għall-ħidma u l-għajununa tagħhom fis-sezzjonijiet kollha, lil Mro Paul Schembri u lill-bandisti u xejn anqas lis-segretarju u lill-kaxxier u l-membri l-oħra fil-kumitat eżekuttiv għax-xogħol kollu li wettqu matul is-sena li għaddiet.

Grazzi lilkom ilkoll u saħħiet
Ray Zammit
President

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.