SENA OĦRA TA’ĦIDMA GĦALL-GĦAQDA MUŻIKALI SANT’ANDRIJA A.D. 1883

///SENA OĦRA TA’ĦIDMA GĦALL-GĦAQDA MUŻIKALI SANT’ANDRIJA A.D. 1883
SENA OĦRA TA’ĦIDMA GĦALL-GĦAQDA MUŻIKALI SANT’ANDRIJA A.D. 1883 2018-01-01T01:22:36+00:00

Ħbieb,

Għall-grazzja t’Alla bdejna sena oħra u sinċerament nawgura lil kulhadd li din tkun aħjar minn dik ta’ qabilha u jkollkom dak kollu li tixitequ, fuq kollox saħħa. Matul l-2010 fil-parroċċa tagħna fakkarna l-1950 Sena mill-Martirju ta’ Sant’Andrija Appostlu b’diversi avvenimenti bil-parteċipazzjoni tal-Ħalluqin kollha. Għall-Għaqda Mużikali Sant’Andrija s-sena li għadha kif intemmet kienet sena ferm impenjattiva b’diversi attivitajiet bil-qofol jkunu l-Festa Titulari u Liturġika ta’ Sant’Andrija.

Kif għamlet matul is-sena li għaddiet u fis-snin ta’qabel, l-Għaqda tagħna hi preparata li matul din is-sena taqdi u tonora l-obbligi kollha tagħha u tieħu inizijattivi ġodda sabiex tkompli tkattar il-kultura u tkompli tagħti servizz lill-Ħalluqin. Dan dejjem għamlitu bla qatt ma nħbiet wara xi paraventu u bla ma qatt rikbet fuq il-karru ta’ ħaddieħor. L-Għaqda tagħna minn dejjem kienet minn ta’ quddiem sabiex iżżid u tkabbar l-attivita’ kulturali fir-raħal tagħna, u jkun ta’ dispjaċir meta tara li għaqdiet u entitajiet oħra ma jagħmlux l-istess.

Matul is-sena li għaddiet, rajna l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali u l-Iskola Primarja li flimkien f’Jum Ħal Luqa organiżżaw attivitajiet fl-iskola u involvew iż-żewġ għaqdiet mużikali tar-raħal. Mill-banda l-oħra kuntrarju għal dak li kien qed jiġri matul dawn l-aħħar snin, l-aspett mużikali bis-sehem tal-banda tħalla barra. Minkejja dan il-banda tagħna, l-Banda Sant’Andrija taħt id-direzzjoni tal-bravu surmast Mro Paul Sċhembi, kienet impenjata ferm b’diversi programmi u servizzi fir-raħal u f’irħula oħra madwar ġżiritan. Tajjeb li niftakru fis-servizz tal-Ġimgħa l-Kbira u li minkejja li f’Ħal Luqa bħal f’ħafna postijiet oħra nqata’ d-dawl il-banda tagħna xorta waħda kompliet bis-servizz tagħha għas-sodisfazzjon ta’ kulhadd. Għaldaqstant nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil dawk kollha li f’dak il-mument hekk diffiċli offrew l-għajnuna tagħhom sabiex il-banda setgħet tkompli ddoqq. Il-Programm Mużikali li għamlet il-banda fil-festa kien wieħed impenjattiv u din id-darba, għall-ewwel darba f’Ħal Luqa, bil-parteċipazzjoni tas-sezzjoni piroteknika li bix-xogħol tagħha akkumpanjat waħda mis-siltiet mużikali. Ċertament li din is-silta kienet il-qofol tal-programm u ntlaqgħet ferm tajjeb minn dawk kollha li ħonqu l-pjazza f’dik l-okkażjoni. Prosit kbira lis-surmast, bandisti u dawk li ħadu ħsieb ix-xogħol pirotekniku. Servizz ieħor li wettqet il-banda f’Ħal Luqa kien il-programm annwali ta’ Jum il-Milied, u tajjeb li nfakkru li kienet il-Banda Sant’Andrija li esegwiet l-ewwel darba programm fil-jiem sbieħ tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Dan il-programm hu appuntament annwali u l-Għaqda tagħna tagħmel minn kollox sabiex iżżid mal-attivitajiet li tagħmel ta’ kull sena mingħajr ma tnaqqas xejn. Insemmi wkoll il-parteċipazzjoni tal-Banda fl-okkażjoni tal-Festival tal-Inbid f’Montekristo. Bħalissa l-Banda għaddeja bi preparamenti sabiex tesegwixxi x-xogħol mużikali ġdid ta’ Mro Paul Sċhembri, ‘Indri; l-Ewwel li Emmen’, xogħol impenjattiv ħafna. Ċertament li l-qofol tal-attivita mużikali hi l-iskola tal-mużika li tagħti l-ewwel tagħlim lit-tfal u żgħażagħ sabiex eventwalment jingħaqdu bħala bandisti mal-banda tagħna, grazzi mill-qalb lill-għalliema u lill-ġenituri li jafdaw lit-tfal tagħhom f’idejna sabiex nagħtuhom dan it-tagħlim.

Sezzjoni li kienet ferm impenjata matul is-sena li spiċċat u xejn anqas f’din is-sena li bdejna hi dik piroteknika. L-Għaqda tagħna tagħti s-sapport kollu neċessarju u possibli lil din is-sezzjoni u fuq kollox tagħmel minn kollox sabiex il-kumpless fejn jinħadem dan ix-xogħol ikun wieħed li joffri saħħa u sigurta massima possibli lid-dilettanti. Tajjeb li nfakkar li din is-sezzjoni pparteċipat fil-programm televiżiv, ‘Nar: Nies, Arti u Realta’ li matulu kulhadd seta’ jara l-kumpless tan-nar tagħna u x-xogħol li jagħmlu dawn in-nies b’tant sagrifiċċju. Prosit u grazzi lil dawn in-nies, kemm dawk li jaħdmu x-xogħol tal-ajru u anki dawk li jaħdmu x-xogħol tan-nar tal-art b’tant dedikazzjoni, u li x-xogħol tagħhom jkompli jsebbaħ u jkabbar il-festa tal-Patrun tagħna Sant’Andrija, mhux biss iżda anki f’festi oħra. Grazzi fuq kollox lil-licencee tal-kumpless. Nista’ nassigurakom li din is-sezzjoni matul din is-sena ser tieħu diversi inizjattivi li ċertament ser jissarfu f’sodisfazzjon kbir għal dawn in-nies u għall-Għaqda tagħna.

Ċertament li lkoll taqblu li l-armar li għandha l-Għaqda tagħna hu wieħed mfaħħar minn kulhadd u fost l-aktar artistiku f’pajjiżna. Matul dawn l-aħħar snin dan l-armar qed ikun rinovat ftit ftit u qed ikun irrikit aktar billi l-iskultura tiegħu qed tkun indurata b’folji tad-deheb ta’ 18-il karat. Sa issa diġa tlesta l-planċier u l-pedestall ta’ Sant’Andrija u hu ppjanat li matul din is-sena jitkompla xogħol ieħor simili fuq l-armar l-ieħor. Dan ix-xogħol qed isir kollu mill-voluntiera ta’ din is-sezzjoni filwaqt li d-deheb qed ikun irregalat minn ammiratur. L-armar tal-Għaqda tagħna żgur li se jkun fost l-aktar artistiku, rik u majestuż f’pajjiżna. Barra dan ix-xogħol din is-sezzjoni mgħejjuna minn dik piroteknika sezzjoni nar tal-art qed tieħu ħsieb li dejjem itejjeb il-maħżen u l-workshop tagħha sabiex jkun hemm aktar kumdita u post fejn jintrefa u jinħadem ix-xogħol.

Flimkien ma’ dawn is-sezzjonijiet ma nistax ma nsemmix liż-żgħażagħ u lin-nisa. Dawn bl-attivita’ tagħhom qed ikomplu jgħinu lill-Għaqda tagħna fl-attivitajiet tagħha. Tajjeb li nsemmi li s-sezzjoni żgħażagħ matul is-sena li għaddiet kienet impenjata f’diversi attivitajiet fosthom dawk tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Milied u ħadet ħsieb li jsir armar biex tisebbaħ il-faċċata tal-każin tagħna fil-jiem tal-festa. Filwaqt li nirringrazzja lil dawn iż-żgħażagħ nappella sabiex aktar żgħażagħ partitarji tal-Għaqda tagħna jersqu u jingħaqdu ma’ oħrajn sabiex tkompli tisaħħah din is-sezzjoni li tant hi indispensabbli għall-progress u l-futur tal-Għaqda tagħna. Mill-banda l-oħra s-sezzjoni nisa wkoll tat kontibut kbir fosthom fejn jidħol fund raising u f’attivitajiet soċjali u kulturali. Għal din is-sezzjoni li kienet l-ewwel waħda li twaqqfet fir-raħal tagħna, din is-sena hi sena partikulari għaliex ser tkun qed tfakkar it-30 Sena mit-twaqqif tagħha: 1881-2011, snin li matulhom rajna diversi nisa jipparteċipaw u jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-Għaqda tagħna. Minn qalbi nawguralhom ħafna aktar snin ta’ ħidma u ħafna suċċessi.

Fost l-attivitajiet li spikkaw matul l-2010 fir-raħal u li kienu fuq inizjattiva tal-Għaqda tagħna nsemmi; l-kunċert tal-Coldplace – UK’s Finest Coldplay Tribute Band li sar fil-ġimgħa ta’ qabel il-festa, kunċert li ġab f’raħalana minn ġewwa l-Ingilterra grupp Inġliż li paxxa lill-eluf ta’ nies minn kull rokna ta’Malta li ħonqu z-zewg pjazzez tar-raħal, kif ukoll il-wirja nazzjonali, Il-Festi: Kwadri mill-Imgħoddi flimkien mal-attivitajiet l-oħra li saru fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika tul l-aħħar ġimgħa ta’ Novembru. Matul dik il-ġimgħa kellna l-unur li nilqgħu fostna lill-Eċċ. Tiegħu l-Ambaxxatur Amerikan Profs Kmieċ u s-sinjura tiegħu, lill-Onor. Prim Ministru Dr Lawrence Gonżi u ‘l-Onor. Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Musċat kif ukoll għad ta’ membri parlamentari, nies distinti u ħafna dilettanti, speċjalment dawk tal-festi. Prosit tassew lil dawk kollha li pparteċipaw f’dawn l-attivitajiet u grazzi kbir lil dawk kollha li ssaportjaw dawn l-inizjattivi u taw l-għajnuna tagħhom. Dawn barra l-inizjattiva l-oħra fostħom l-esebizzjoni fil-Ġimgħa l-Kbira, kif ukoll il-presepju artistiku u l-armar tal-faċċata tal-każin fil-Milied li żgur kienu l-qofol tat-tiżjin li kien hawn fir-raħal tagħna.

Matul is-snin l-Għaqda tagħna dejjem tat l-appoġġ kollu tagħha lil kull għaqda fir-raħal tagħna u dejjem kienet lesta li taħdem id f’id ma’ kulhadd. L-istess dejjem għamlet mal-awtoritajiet ċivili u spiritwali tar-raħal u dejjem kienet minn ta’ quddiem sabiex tappoġja kull inizjattiva u nista’ nassigura lil kulhadd li hekk ser tibqa’ tagħmel. Tkun ħasra u sfortuna għar-raħal tagħna jekk xi għaqda jew awtorita’ tkun inganata u taċċetta li tirkeb fuq xi karru parteġjan. U hu ferm għar jekk jizzefnu t-tfal tagħna li jattendu fl-istituzzjoni statli

Ċertament li s-suċċessi li nkisbu mill-Għaqda tagħna jimlewna b’kuraġġ sabiex inkomplu nieħdu aktar inizjattivi u nsegwu l-pjanijiet li għandna għall-ġejjieni.

Fi ftit tal-ġranet oħra ser tinżamm il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Għaqda tagħna li matulha l-membri jingħataw rendikont amministrattiv u finanzjarju għas-sena li ntemmet u jintalbu jeleġġu l-President, Segretarju, Kaxxier u membri li ser imexxu lill-Għaqda tagħna għas-sena li ġejja. Din is-sena kienet is-seba’ sena tiegħi li matulha kont fdat bil-kariġa ta’ president, snin li matulhom għamilt ħilti kollha sabiex bl-appoġġ u flimkien mas-segretarju, kaxxier u l-membri l-oħra tal-kumita ħdimna b’għan wieħed, dak li nfittxu li nkompli nġibu ‘l quddiem lill-Għaqda tagħna, nkabbru l-festa f’ġieħ il-Patrun tagħna u l-patrimonju kulturali tar-raħal tagħna. Nistqarr li matul is-snin li ilni nvolut fil-kumitat ta’ din l-għaqda, 24 sena, tajt kontribut minn qalbi u matulhom erfajt ir-responsabilta’ anki ta’ kaxxier għal 9 snin u l-għajnuna u r-rispett ta’ sħabi fil-kumitat u l-membri ma naqsu qatt u ta’ dan nħossni onorat u obbligat.

Minn qalbi nixiteq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lis-segretarju Pierre Fava, l-kaxxier George Mifsud u ‘l-membri kollha l-oħra tal-kumitat eżekuttiv, kif ukoll lid-diriġenti tas-sezzjonijiet kollha, lis-surmast u bandisti, ‘l-membri fis-sezzjonijiet kollha, lill-membri, sostenituri, partitarji u lill-Ħalluqin kollha għall-ħidma tagħhom u l-appoġġ kontinwu lill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija u l-Banda tagħha ddedikati lill-Patrun tagħna Sant’Andrija.

Tislijiet u saħħiet

Ray Zammit
President

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.