Mro. Caruana Spiteri

///Mro. Caruana Spiteri
Mro. Caruana Spiteri 2017-12-30T23:20:42+00:00

Is-surmast V. Caruana Spiteri, hekk kien jiffirma, twieled f’Ħal Luqa Malta, nhar l-4 ta’ Mejju 1896. Missieru kien jismu Ġużeppi Caruana u ommu Karmena Spiteri. Hu kien ir-raba’ fost ħames aħwa, żewġ ibniet u tlitt subien. Ġie mgħammed l-għada minn Dun Flavius Grima, li dak iż-żmien kien il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Luqa. Missieru kien bennej, mela kien jaqla’ il-ħobżna ta’ kuljum sew. Vincenzo u ħutu kienu mrobbijin b’ċerta dixxiplina.

Wara li spiċċa l-iskola elementari u sekondarja, ta l-eżami tas-Senior Oxford, u ġie l-ewwel. Miċ-ċertifikati li għandu, u li dawn għadhom jeżistu, nistgħu nikkonkludu li Vincenzo kien bniedem intelliġenti, studjuż u diliġenti. Dejjem biex ikompli jimxi ‘il quddiem fil-karriera tiegħu, kompla jistudja fejn qagħad għall-eżami ta’ Head Teacher. Din id-darba Vincenzo reġa’ ssupera dan l-eżami bl-unuri kollha. Fil-fatt reġa’ għadda lil kulħadd. Meta Vincenzo irċieva l-inkarigu ta’ Head, huwa ġie mibgħut jaqdi dmiru fl-iskola tas- Sannat (Għawdex), fejn baqa’ hemm sa ma miet ħesrem. Dak iż-żmien xejn ma kien faċli li wieħed joqgħod ġej u sejjer Malta, għalhekk is-surmast Caruana mar jgħix is-Sannat

Il-Mużika

Il-“Hobby” tiegħu kienet il-mużika. L-ewwel edukazzjoni mużikali li Vincenzo rċieva kienet ġo raħal twelidu Ħal Luqa, meta hu flimkien maż-żewġ ħutu subien l-oħra, kienu jmorru l-każin tal-Banda Sant’ Andrija jitgħallmu l-mużika. Ħuh Ġann Patist (nsibuh bħala President fi-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija) kien idoqq il-klarinett u l-vjolin, filwaqt li ħuh Indri kien idoqq il-flawt. Hu kien idoqq il-vjolin u l-pjanu u ġieli daqq il-klarinett. Huwa kien kompożitur ta’ melodija u ħlewwa li tpaxxik. Beda jistudja l-armonija u l-kontrapunt għand is-surmast Ġużeppi Abdilla u l-vjolin u l-pjanu għand is-surmast Antonio Pace.

Minkejja li kien joqgħod Għawdex, għas-surmast , Ħal Luqa dejjem baqgħet art twelidu u kien ta’ spiss imur hemm iżur lill-familja tiegħu speċjalment fis-sajf. Ta’ kull sena maltemp jew mhux nhar id-29 ta’ Novembru is-surmast kien imur Ħal Luqa biex l-għada jiċċelebra l-festa ta’ Sant Andrija. Caruana Spiteri ma nesiex il-banda ta’ raħlu. F’Settembru ta’ 1919 irregala lill-Banda Sant’ Andrija Innu Marċ bl-isem ‘Malta Gwerriera’, li għadu jindaqq sa llum fil-fetsa ta’ Sant’ Andrija. F’Marzu 1920 irregala lill-Banda Marċia Funebri bl-isem ‘Ai Caduti della Patria’, tifkira ta’ dawk li tilfu ħajjithom fis-7 ta’ Ġunju 1919. Fid-diskors li għamel Profs Henry Frendo nhar it-Tnejn 22 ta’ Lulju 1996 qabel ma nkixfet il-lapida li tfakkar il-post fejn kien joqgħod Caruana Spiteri, Profs. Frendo kkonkluda lid an il-ġest ta’ Caruana Spiteri juri kemm kellu spirtu patrijottiku. F’Jannar tas-sena 1924, reġa’ rregala lill-Banda Innu ‘Stabat Mater Dolorosa’, kompożizzjoni għall-Banda u kor tat-tfal. Dawn iż-żewġ kompiżizzjonijiet huma ta’ valur mużikali kbir u għadhom jindaqqu fil-festa tal-Ġimgħa l-Kbira.

Hawn taħt tistgħu tisimgħu l-‘Stabat Mater Dolorosa’ kif indaqqet mill-Banda Sant’ Andrija nhar il-Gimgħa l-Kbira tal-2008. Kif ukoll il-marċ ‘Ai Caduti Della Patria’ meħud mic-CD ta’ marċi funebri maħrug fl-2008, bl-isem ta’ Ġesu fuq il-Golgotha.

(Il-video fuq Youtube mhux intier minħabba r-restrizzjoni ta’ 10 minuti għal kull video)

Audio – Stabat Mater Dolorosa – Mro Vincenzo Caruana Spiteri

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.