Mro. Antonio Muscat Azzopardi (1932-1978)

///Mro. Antonio Muscat Azzopardi (1932-1978)
Mro. Antonio Muscat Azzopardi (1932-1978) 2017-12-31T20:15:49+00:00

MroAntonioMuscatAzzopardi
ĦAJTU

Anton Muscat Azzopardi kien iben Wenzu u Emilja. Kien twieled fit-23 ta’ Awissu 1903 fil-Belt Pinto Ħal Qormi, u miet f’jum il-Kunċizzjoni tal-1979. Kellu 76 sena. Fi tfulitu marda qalila żammitu erba’ snin fis-soda sa kważi wasslitu f’xifer il-qabar. Ta’ 11-il sena narawħ jistudja fl-Istitut ta’ San Ġużepp fejn il-Freres kienu jagħllmu għal bidu li ġew Malta.

F’dak iż-żmien il-banda ta’ l-Istitut ta’ San Ġużepp kienet immexxija mis-Surmast Carmelo Abela Scolaro li mingħandu ż-żagħżugħ Anton Muscat Azzopardi ħa l-ewwel lezzjonijiet mużikali. Huwa kompla l-istudju għand is-Surmast Manuel Spiteri, il-Band Master ta’ l-R.M.A. Studja l-armonija għand il-kompożitur Ġuże’ Abdilla u l-professur Pawlino Vassallo. Għamel ukoll seba’ snin studju għand il-kompożitur Carlo Diacono. Hu kien għalliem tal-mużika fil-Liceo tal-Ħamrun u l-Belt Valletta.

KARRIERA MAL-BANED MALTIN

F’Settembru 1932 is-Surmast Anton Muscat Azzopardi sar Surmast Direttur tal-Banda Sant’ Andrija. Kienet il-festa tal-Madonna tal-Karmnu ta’ 1932 li kienet tiġi ċċelebrata fi Knisja żgħira ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu f’tarf ir-raħal. F’din l-okkażjoni kienet iddoqq il-banda ta’ l-Istitut ta’ San Ġużepp.

F’dak iż-żmien din il-Banda kellha Surmast Direttur liż-żagħżugħ Anton Muscat Azzopardi. Peress li l-kumitat tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kellu r-riżenja tas-Surmast Direttur, is-Surmast Spiteri, kien qiegħed ifittex surmast. Meta xi membri tal-Kumitat raw lis-surmast Anton Muscat Azzopardi, jidderieġi ‘l-Banda ta’ l-Istitut dawn mill-ewwel ammirawħ u ġie pproponut bħala surmast tal-Banda Sant’ Andrija.
Kien il-Ħadd is-27 ta’ Novembru, 1932, meta kellu biss 29 sena li dderieġa l-Banda Sant’ Andrija għall-ewwel darba. Dan kien biss il-bidu tal-karriera twila ta’ 46 sena.

Ta’ min jgħid li malli ħa t-tmexxija tal-banda, kellu jaħseb u jipprepara għall-programm li kellu jfakkar il-50 sena tal-Banda, il-Ġubilew tad-Deheb tal-każin. Tella’ program mużikali fejn fost kollox daqq Sinfonia Zampa ta’ Harold, Selection ta’ Wagner u Selection mit-Traviata ta’ Verdi. Dan il-programm ingħoġob ħafna u dawk kollha preżenti kellhom kliem ta’ tifħir għad-direzzjoni ta’ dan is-surmast żagħżugħ. Dan il-programm kien il-bidu tal-karriera tiegħu ta’ direttur ma’ ħafna baned Maltin.

Fl-1933 sae Direttur tal-Banda Sliema u fl-1935 ħa taħt idejħ il-Banda Queen’s Own ta’ l-Isla. Meta miet is-Surmast Lorenzo Gonzi, Anton Muscat Azzopardi ħa f’idejħ il-Banda tar-Riformatorju.

Fl-1939 sar Surmast Direttur tal-Banda Stella Maris ta’ tas-Sliema. Fl-istess sena sar ukoll Surmast Direttur tal-Banda l-Isle Adam tar-Rabat u baqa’ Surmast Direttur ma’ din il-banda kif ukoll mal-Banda Sant’ Andrija sakemm ippermettilu saħħtu.

Fl-1947 waqqaf il-Banda tal-Gżira u fl-1950 ġie magħżul Direttur tal-Banda San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Huwa kien ukoll surmast tal-banda ta’ Santa Venera u dderiġa ħafna baned oħra bħala Surmast Sostitut. Fi żmien li l-Banda King’s Own kienet taħt is-Surmast Gobet, Mro Anton Muscat Azzopardi kien is-sostitut tiegħu u kemm-il darba idderieġa lil din il-banda.

Dan is-surmast kien mexxa ħafna drabi orkestri fil-knejjes fosthom fil-knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. Fil-Knisja ta’ Sant Antnin Għawdex u fil-Knisja ta’ Ġieżu r-Rabat. Anton Muscat Azzopardi kien ukoll direttur ta’ ħafna korijiet fosthom dak tal-Knisja ta’ Ġieżu r-Rabat.

GĦEX GĦALL-MUŻIKA

Is-Surmast Anton Muscat Azzopardi kien jgħix għall-mużika. Hu kien dejjem jaħdem fuq li jaħdem biex ixerred it-tagħlim tal-mużika. Kellu għal qalbu wkoll il-każin u l-banda ta’ Sant’ Andrija għaliex kien jaf sew li fost is-soċji tal-każin u mal-bandisti kif ukoll mal-poplu Luqi kien maħbub u rispettat sewwa.

It-Tieni Gwerra Dinjija ġabet żmien diffiċli għall-ħajja fir-raħal ta’ Ħal Luqa. Dun Ġużepp Micallef, li kont niltaqa’ miegħu matul ix-xhur tas-sajf fil-Librerija Pubblika tal-Belt, darba qalli li għal-Luqin kien żmien meta kienu jaħsbu li kollox kien mitluf. Raw djar imwaqqgħin. Raw il-knisja ħerba. Raw il-mewt fit-toroq u fid-djar. Batew il-ġuħ. F’din l-atmosfera s-surmast Anton Muscat Azzopardi ħass id-dmir li jkompli l-ħidma fil-qasam tal-mużika. Hu kompla jasal Ħal Luqa biex jgħallem il-mużika liż-żgħażagħ fil-każin ta’ Sant’ Andrija. Ħafna xogħlijiet kien jagħmilhom mingħajr ebda rimunerazzjoni.
MroAntonioMuscatAzzopardibust

Kulħadd kien jirrispettaħ u dan jixhdu l-funeral li sarlu r-Rabat u Ħal Luqa fid-9 ta’ Diċembru 1979. Propju f’għeluq il-20 sena mit-telfa tiegħu fl-1999 inkixef bust tiegħu fil-każin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, xogħol l-iskultur Anton Agius, b’turija ta’ ġieħ u rispett lejn dan is-surmast, li tant ħabb lil din l-għaqda u ‘l membri tagħha.

IT-TAGĦLIM TAL-VUĊI

Is-Surmast Anton Muscat Azzopardi kien ukoll magħruf għat-tagħlim tal-kant. Biex wieħed ikanta bħala sopran u tenur irid jitgħallem u s-surmast Anton Muscat Azzopardi kien jaf jgħallem u jiżviluppa dawk it-talenti li kellhom l-istudenti tiegħu.

Tista’ tgħid li l-aqwa kantanti liriċi għaddew xi żmien f’lezzjonijiet tas-Surmast Anton Muscat Azzopardi. Insemmu tlieta mill-aqwa kantanti li ħakmu x-xena lirika fis-seklu 20, it-tenur Oreste Chircop, it-tenur Paul Axiaq u s-sopran Hilda Tabone.

ARTI MUŻIKALI

Meta wieħed isib ruħu fit-tmexxija ta’ xi banda jew baned jipprepara xi program ikollu x-xewqa li jikkomponi xi marċ jew jagħmel xi arranġament għall-banda. Għalhekk mhux ħaġa stramba li s-Surmast Anton Muscat Azzopardi kellu okkażjoni tad-deheb li jsemma x-xogħlijiet tiegħu fil-pubbliku.

Naruralment l-aktar li kienu fortunati kienu l-Luqin u r-Rabtin billi dawn kellhom ix-xorti li jkollhom is-surmast Anton Muscat Azzopardi bħala surmast ta’ waħda mill-baned tagħhom.

Is-Surmast Muscat Azzopardi kien iddedikat għall-Arti Mużikali u narawħ ħafna drabi joffri s-servizzi tiegħu fil-kunċerti u eżekuzzjonijiet tal-opri li kienu jsiru mill-maltin f’diversi teatri. Fost l-oħrajn kien ta għajnuna kbira għas-surmast Carmel Pace.

Wieħed jista’ jsemmi xi xogħlijiet tas-Surmast Anton Muscat Azzopardi, fosthom ‘Marija’, xogħol li nstema’ għall-ewwel darba nhar il-Ħadd 6 ta’ Lulju 1952. Indaqq mill-banda Queen’s Own ta’ l-Isla. Mexxa l-banda s-surmast Anton Muscat Azzopardi stess.

Barra l-arranġamenti ta’ mużika klassika għall-banda, huwa ħalla wkoll kompożizzjonijiet oħra mużikali nħalma huma innijiet popolari u kantati fuq versi ta’ Dun Frans Camilleri u Dr George Żammit, fosthom l-arranġament għall-Banda tal-Kantat lill-Appostlu Sant’ Andrija ta’ Mro Paolo Vella , 1952.

RERERENZI

Pierre Pace Gauci – Is-Surmast Anton Muscat Azzopardi
Programm tal-festa ta’ Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant’ Andrija Luqa 1992
J. C Camilleri – Ġurnal ‘Il-Mument’ tal-Ħadd 24 t’Awwissu 2003
Programm tal-festa ta’ Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant’ Andrija Luqa 2004.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.