Mro. Espedito Deguara, A.Mus.L.C.M- (1904-1994) – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Mro. Espedito Deguara, A.Mus.L.C.M- (1904-1994)

///Mro. Espedito Deguara, A.Mus.L.C.M- (1904-1994)
Mro. Espedito Deguara, A.Mus.L.C.M- (1904-1994) 2017-12-31T20:24:29+00:00

Nhar il-Gimgħa, 7 ta’ Jannar, 1994, tħabbret il-mewt tas-Surmast Espedito Deguara, Membru Onorarju ta’ l-Għaqda tagħna
.
Espeditu Deguara twieled iż-Żejtun fil-25 ta’ Lulju, 1904, minn Marija nee Vella u Salvu Deguara, li kien mużicista. Huwa beda jitgħallem il-klarinett mingħand missieru Salvu. Studja wkoll il-kurunetta u kompla jitħarreġ taħt is-surmast Ġuże Cassar, li kien Direttur ta’ l-orkestra Santa Katerina taż-Żejtun. Kien is-surmast Cassar li nkoraġġih biex jagħmel kors fl-armonija, kompożizzjoni u kontrapunt. Fis-sena 1933, miet is-surmast Cassar, u s-Surmast Deguara nħatar Direttur tal-Orkestra taż-Żejtun, fejn dam 11-il sena.

Barra mill-kompożizzjoni, is-surmast Deguara tgħallem ukoll il-pjanu għand is-Surmast Carmelo Pace. Espedito Deguara kiseb id-diploma A.Mus.L.C.M.

Fl-1944, Mro. Deguara inħatar Direttur tal-Orkestra Santa Katerina taż-Żurrieq wara li rriżenja s-surmast Ferdinandu Falzon. Fl-1945, Deguara waqqaf l-Orkestra Santa Marija fil-każin King George V tal-Imqabba. F’Novembru tas-sena 1946, Deguara wettaq il-ħolma ta’ diversi membri tas-Soċjeta Mużikali Santa Katerina taż-Żurrieq meta biddel l-Orkestra Mużikali Santa Katerina f’Banda. Huwa dam Surmast Direttur ta’ din il-banda sa’ 1-1986, meta bagħat ir-riżenja tiegħu fl-eta ta’ 82 sena.

Fost il-kompożizzjonijiet tiegħu nsibu mużika sagra għall-vuċijiet u l-orgni, għall-vuċijiet u l-orkestra, responsorji tal-Ġimgħa l-Kbira, innijiet, marċi brijjużi, marċi funebri, sinfonia, fantasia u xogħlijiet oħra

Minkejja li ħajjet is-Surmast Deguara kienet kwazi dedikata kollha kemm hi għall-Banda Santa Katerina taż-Zurrieq, kellu wkoll post f’qalbu għall-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, u dan ġie rikonoxxut lilu meta fl-1983 inħatar bħala Membru Onorarju ta’ l-Għaqda Mużikali tagħna, nomina li huwa aċċetta b’ferħ kbir. Is-surmast Deguara kellu l-unur jidderieġi l-Banda Sant’ Andrija f’okkażjoni waħda… fil-festi ċentenarji tal-Għaqda Muzikali Sant’ Andrija fl-1983. F’dik l-okkażjoni huwa ħabbat il-marċ li hu stess kien irregala lill-banda Sant’ Andrija għal dawn il-festi ċentenarji.

Fost il-mużika li s-surmast Deguara irregala lill-Għaqda tagħna insibu erba’ responsorji tal-Ġimgħa l-Kbira: Plange, Astiterunt, Jerusalem, u Sepulto Domino, li tnejn minnhom indaqqu wkoll fl-1994 fl-okkażjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, bħala tislima lil dan is-surmast. Insibu wkoll marċi brijjużi fosthom: 1883-1983, Bethsaida u oħrajn.

Mro Deguara kellu għal qalbu wkoll il-Festa ta’ Sant’ Andrija. Kont taraħ minn gimgħat qabel jipprepara l-armar għal Triq il-Karmnu. Erħilu jiġri maż-żgħażagħ, jissorvelja fuqhom biex jarmaw sew, u xi għajta minn tiegħu ma kienetx tonqos; iżda fl-aħħar mill-aħħar, Triq il-Karmnu tkun waħda mill-isbaħ toroq armati għall-festa ta’ Sant’ Andrija.

Bil-mewt tas-surmast Espedito Deguara,l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija tilfet wieħed mill-ammiraturi u benefatturi tagħha

Agħtih 0 Mulej, il-Mistrieħ ta’ Dejjem

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.