Mro. Michael Pulis BMus, A(Mus)LCM, ALCM – Assistent Surmast
Mro Michael Pulis twieled Ħal-Luqa fl-4 ta’ Gunju ta’ 1973 u huwa iben Nicholas u Jane nee Spiteri. Nistgħu ngħidu illi Michael ġej minn familja mużikali, fejn fost l-oħrajn insibu lil kuġin ta’ missieru, il-famuż “Maestro di Cappella” Mro. Carmelo Callus (FLCM, LRSM) u lil Mro. Epiphanio Pulis għalliem tal-mużika.
Mro. Pulis beda l-istudji mużikali mal-Banda Sant’Andrija taħt is-supervizjoni tas-Sur Carmelo Baldacchino, u fl-1986 ħareġ idoqq il-kurunetta. Huwa jdoqq ma’ diversi orkestri tal-knisja, kif ukoll ma’ diversi baned Maltin. Huwa kompla jistudja l-prattika ta’ l-istrument ma’ l-ex-solista tal-RMA u tal-Banda Sant’ Andrija, is- Sur John Calleja. Fl-1991, huwa beda jokkupa l-pożizzjoni ta’ solista mal-Banda Sant’Andrija, liema pozizzjoni għadu jokkupa sal-lum. Mro Pulis huwa ukoll għalliem tas-sezzjoni tar-ram mal-Banda Sant’ Andrija u l-Banda Beland taż-Żejtun.
Mro. Pulis okkupa għal diversi snin il-pożizzjoni ta’ solista ma’ diversi baned madwar Malta. Fost diversi xogħolijiet mużikali, huwa daqq bħala solista l-famuż kunċert “Carnevale di Venezia” fl-1995 mal-Banda Sant’Andrija.
Michael kompla bl-istudji mużikali tiegħu, kemm fil-prattika ta’ l-istrument mas-Surmast Roderick Bugeja (FLCM), kif ukoll fit-tejorija, l-armonija u kuntrapunt ma’ diversi Surmastrijiet: Mro. Raymond Fenech (FLCM), Mro. Carmelo Callus (FLCM, LRSM) u ma’ Mro Raymond Sciberras (FLCM). Fl-2000, Michael irnexxielu jikseb id-Diploma fil-prattika ta’ l-istrument ALCM mill-London College of Music, fil-waqt illi fl-2002, huwa kiseb l-A(Mus)LCM diploma fit-teorija tal-mużika mill-istess kulleġġ. Minbarra dawn id-diplomi, Michael għamel kors ta’ Bacellerat fil-Muzika ma’ Fairfax University ta’ l-Istati Uniti, fejn huwa ffoka l-istudji tieghu fuq it-tagħlim tal-mużika. Huwa ggradwa bid-degree ta’ Bachelor of Music (BMus) fl-2003.
Minbarra l-istudji tiegħu fil-prattika u t-teorija tal-Mużika, Mro. Pulis qiegħed ukoll jistudja d-Direzzjoni taħt is-supervizjoni tas-Surmast Direttur ċelebri Mro. Joseph Sammut. Minbarra dan, huwa qed jattendi kors li jwassal għad-Diploma ta’ Specjalizzazzjoni fid-Direzzjoni tal-Banda ma’ l-Istituto Superiore Europeo Bandistico ġewwa Trento , l-Italja taħt is-supervizjoni ta’ Diretturi ta’ fama internazzjonali.
Fost il-kompożizjonijiet tiegħu, insibu marċi brijjużi, funebri u arranġamenti għall-banda ta’ xogħolijiet, kemm klassiċi , semi-klassiċi u moderni.
Minbarra li Mro. Pulis huwa l-Assistent Surmast tal-Banda Sant’Andrija, huwa qiegħed jikkopa l-kariga ta’ Surmast Direttur tal-Banda Stella Maris tas-Sliema kif ukoll Assistent Surmast tal-Banda Beland taż-Żejtun.