Mro. Paul Schembri – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Mro. Paul Schembri

Mro. Paul Schembri 2017-12-31T20:19:56+00:00

MroPaulSchembri
Mro Paul Schembri MISM MIWM

Kien propju 30 sena ilu li s-Surmast tagħna Mro Paul Schembri ħa f’idejħ it-tmexxija tal-Banda Sant’ Andrija wara li rtira min din il-kariga Mro Anton Muscat Azzopardi. Nistgħu ngħidu li l-għażla tas-Surmast Paul Schembri kienet waħda awtomatika. Huwa iben l-istess Soċjeta’ tagħna, b’esperjenza kbira bħala solist mal-Banda tagħna kif ukoll baned oħra madwar Malta. Min jiftakar lis-Surmast Schembri jdoqq żgur jgħidlek li huwa kien l-aqwa Euphonium solist ta’ żmienu. Matul is-snin is-Surmast Schembri għoġbu jirregala lil Banda diversi siltiet mużikali bl-aħħar waħda tkun l-Poema Sagra – Sant’ Andrija, kapulavur ieħor f’ġieħl-Appostlu Sant’ Andrija padrun tas-Soċjeta’ u ta’ Ħal Luqa. Propju l-profil tiegħu hawn taħt jagħti ħarsa lejn il-karriera mużikali tas-surmast tagħna matul dawn l-aħħar 30 sena.

Is-Surmast Paul Schembri twieled Ħal Luqa nhar it-13 ta’ Frar 1931, iben Ġużeppi Schembri u Maria Carmela Costa.

Il-Ġibda tiegħu lejn il-mużika kienet waħda ereditarja. Il-bużnannu kien Baritonu jkanta fit-Tejatru Rjal. In-nannu Vincenzo Cosra kien il-kuġin tas-surmast Costa, li kien magħruf għaż-żmien twil li għamel bħala Maestro di Cappella tal-Bażilika ta’ Sant’ Elena ta’ B’Kara. Missier is-surmast kien ukoll vjolinista. Iz-ziju tas-surmast, Giuseppe Costa kien għal żmien twil klarinettist prim mal-Banda Sant’ Andrija. Tnejn minn ħutu, kif ukoll il-kuġin tiegħu Ġużeppi u Indri Tanti, kienu kollha jdoqqu mal-Banda Sant’ Andrija. Ġużeppi Tanti kien għamel ukoll xi żmien bħala klarinett solo mal-Banda Sant’ Andrija.

Ta’ sitt snin kien diġa beda juri l-interess tiegħu fil-mużika, tant li ma kienx ifalli li ta’ kull ġimgħa jattendi ma’ zijuh għall-kunċert tal-banda li kien isir taħt id-direzzjoni tas-surmast Antonio Muscat Azzopardi. Dan l-entużjażmu wassal sabiex ta’ tnax-il sena ħareġ idoqq għall-ewwel darba mal-Banda Sant’ Andrija. Il-karriera mużikali tiegħu mal-banda bdieha permezz ta’ l-Althorn iżda wara ftit taż-żmien is-surmast Muscat Azzopardi ħajru sabiex ibiddel l-istrument għal Euphonium. Wara ħmistax-il ġurnata ta’ studju bla ehda, is-surmast irritorna għall-kuncerti tal-banda, din id-darba bl-Euphonium.

Minn hawnhekk ‘il quddiem qatt ma ħares lura tant li kien ta’ kuljum jagħmel ammont sostanzjali ta’ ħin jistudja l-istrument. Dan il-fatt kien ukoll innutat mis-surmast Muscat Azzopardi tant li wara ftit xhur dan ħajjar lis-surmast Schembri sabiex idoqq il-kunċert għall-Euphonium, Il Sospiro dell’Anima ta’ G.B. Frosali. Dan il-kuncert indaqq fil-Pjazza quddiem il-Knisja ta’ Ħal Luqa u kien intlaqa’ tajjeb ħafna minn dawk preżenti. Wara dan is-suċċess ma damx wisq ma sar is-solista tal-banda Sant’ Andrija. Wara ftit taż-żmien sar ukoll solista tal-Banda King’s Own tal-Belt Valletta. Il-karriera mużikali tiegħu bħala bandist damet għal 35 sena sħaħ fejn waqaf meta sar surmast direttur tal-Banda Sant’ Andrija

Minbarra l-impenn bandistiku s-surmast Schembri studja wkoll it-tejorija, l-armonija u l-kontrapunt. Dan l-istudju bdieh taħt id-direzzjoni tas-surmast Antonio Muscat Azzopardi u wara komplieħ għand il-Professur Henry Galea. Barra dan Paul Schembri studja wkoll il-kompożizzjoni. Ma dan kollu ma’ jistax jonqos l-impenn personali tiegħu biex ikompli javvanza fil-kamp mużikali.

L-ewwel kompożizzjonijiet tiegħu kienu jikkonsistu f’marċi allegri. L-ewwel marċ miktub mis-surmast Schembri jismu “St. Andrew’s” u dan kien miktub fl-1961. Minn dak inhar ‘l hawn qatt ma ħares lura u tul dan iż-żmien kiteb xejn anqas minn mitejn marċ.

Hawnhekk ta’ min isemmi li minħabba l-impenji professjonali tiegħu ta’ Accountant u Financial Controller mhux dejjem kien ilaħħaq mad-domanda li kellu għall-marċi miktuba minnu. Fatt kurjuż fil-kitba tal-marċi li kkompona matul iż-żmien, kien li kemm-il darba kien jikteb marċ f’perjodu ta’ weekend , jippreparah sabiex ikun jonqsu biss li jiġi kkupjat għall-banda.

Fir-repertorju tas-surmast Schembri nsibu wkoll diversi kompożizzjonijiet oħra li jikkonsistu f’mużika klassika, mużika sinfonika, overtures, fantasia, sonatina, sinfojetta, rapsodija, valzi, mu]ika moderna, mużika tradizzjonali, mużika sagra, innijiet li jinkludu wkoll lirika miktuba minnu stess, marci funebri, kif ukoll mużika da ballo.

Fost dawn il-kompożizzjonijiet, tispikka ħafna l-Fantasia Centenaria, li nkitbet fl-1982 għall-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, li kien ġie ċċelebrat fl-1983.

Din il-Fantasia ġiet sottomessa għall-kompetizzjoni ta’ mużika serja li saret f’Londra fl-1982 stess u rebħet id- Diploma of Merit for Best Composition. Il-ġurija f’din il-kompetizzjoni kienet preseduta mill-magħruf Dr. Andrew Lloyd Webber li kellu kliem ta’ tifħir u nkoraġġiment għal din il-kompożizzjoni.

Kompożizzjoni oħra notevoli fir-repertorju tas-surmast Schembri hija s-Sinfonija Chiara li ġiet miktuba fl-1988 għall okkażjoni ta’ għeluq l-10 snin bħala surmast direttur tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Din il-kompożizzjoni kienet ukoll intgħażlet sabiex tkun test piece f’kompetizzjoni tal-baned li kellha ssir f’Malta stess.

L-aħħar kompożizzjoni li kkompona hija s-Suite “Bethsaida” li tikkonsisti f’żewġ; movimenti u Finale. L-ewwel movement huwa spirat mill-anniversarju t’għeluq il-120 sena mit-twaqqif ta’ l-Għaqda. It-tieni movement jiċċelebra l-25 anniversarju tal-kompożitur bħala direttur ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Il-Finale li jibqa għaddej mit-tieni movement huwa dedikat għall-unur “Ġieħ Ħal Luqa” li ngħata s-surmast Paul Schembri fl-2002.

Is-surmast Schembri għamel żmien twil fir-reġiment tar-Royal Engineers. Matul dan iż-żmien huwa ħa l-opportunita’ sabiex għamel diversi korsijiet fosthom dak mużikali. Kien jattendi li skola ta’ l-Army f’Beacon House. Huwa speċjalizza l-istudji tiegħu fil-mużika, Accountancy u Management. Wara dan il-perjodu ta’ studju huwa kien ottjena l-First Class Certificate mill-Army Ingliża. Wara dan il-perjodu ta’ studju huwa kompla jispeċjalizza l-istudji tiegħu fl-Universita’ ta’ Malta fejn kiseb żewġ diplomi (MISM, MIWM) fil-Management.

Fil-Karriera mużikali tas-surmast Schembri msibu li huwa dderieġa diversi baned kemm barranin kif ukoll Maltin. Minbarra l-Għaqda Mu]ikali Sant’ Andrija u l-Banda Vittoriosana San Lawrenz tal-Birgu, li tagħhom għadu surmast direttur, huwa kien wkoll surmast direttur tal-Banda Santa Marija tal-Qrendi, il-Banda Melita ta’ l-Imsida kif ukoll ir-Royal Airforce Band ta’ Malta. Ma’ dawn huwa dderieġa diversi baned Ingliżi u Skoċċiżi fil-perjodu li għamel mar-Royal Engineers Regiment. Fil-fatt meta l-Banda Scoċċiża Musselbrough Trades Brass Band għamlet tour ġewwa Malta fl-1982 kien mistieden sabiex jidderieġi din il-banda huwa stess kemm idum Malta tul dan it-tour. Fil-fatt għal dan il-għan kien mar l-Iskozja fil-perjodu ta’ qabel sabiex jidderieġi wkoll il-provi qabel dawn ġew Malta. Minbarra dawn il-baned li ssemmew hawn fuq, huwa dderieġa wkoll baned oħrajn fuq bażi temporanja. Fost dawn insibu l-Banda Duke of Connought’s Own ta’ B’Kara, u l-Banda Kristu Re ta’ Raħal Ġdid.
Diversi minn dawn il-baned ħatru lis-surmast Schembri bħala Surmast Onorarju tas-soċjeta’ tagħhom bħala rikonoxximent tas-servizzi tiegħu.

Tul dan iż-żmien kollu attiv fil-qasam mużikali ta’ pajjiżna, s-surmast Schembri ma jistax jonqos li għandu diversi memorji sbieħ. Fost dawn ta’ min wieħed isemmi d-diversi drabi li dderieġa kemm fit-Tejatru Manoel, ġewwa l-Belt Valletta, kif ukoll diversi tejatri oħra madwar il-pajjiż. Is-surmast Schembri għandu memorji speċjali tal-programm mużikali li kien idderieġa fl-okkażjoni tal-festi ċentenarji ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija , fl-1983. memorja sabiħa oħra li għandu s-surmast Schembri hija tal-kunċert sinfoniku li ttella’ fl-okkażjoni tal-Millenju l-Ġdid fis-sala Sir Temi Żammit ta’ l-Universita’ nhar is-17 ta’ Frar 2001. Ma jistax jonqos li l-aktar memorja sabiħa tas-surmast Schembri ikun propju l-Kunċert f’għeluq il-25 Anniversarju fid-direzzjoni tal-Banda Sant’ Andrija, nhar is-Sibt 29 ta’ Novembru 2003, kif ukoll reċentament l-Akkademja – Al Martire San Andrea Apostolo mtellgħa fil-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Luqa nhar is-Sibt 19 t’April 2008 fejn s-surmast rregala lil Banda Sant’ Andrija kompożizzjoni ġdida l-Poema Sagra Sant’ Andrija.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.