Mro. Salvatore Azzopardi (1892-1976) – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Mro. Salvatore Azzopardi (1892-1976)

///Mro. Salvatore Azzopardi (1892-1976)
Mro. Salvatore Azzopardi (1892-1976) 2017-12-31T20:20:35+00:00

Mro Salvatore Azzopardi twieled Ħal Luqa fil21 ta’ Jannar 1892 min Ġużeppi u Martina nee Bondin. Wara li ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu, kompla jistudja sakemm sar għalliem. Hu żżewweġ lil Franġiska Farrugia fl-1920 u kellhom sebat itfal.

Kien ħabib kbir ta’ Vincenzo Caruana Spiteri, minkejja d-differenza żgħira fl-eta’ ta’ bejniethom; dan għax it-tnejn kienu għalliema. X’aktarx li l-ewwel tagħlim mużikali ħadu fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija flimkien ma’ Vincenzo. Fil-ktieb ta’ l-istorja ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija li kien stampat fl-1952, insibu li żewġ soċi mużiċisti, Vincenzo Caruana Spiteri u Salvatore Azzopardi, taw l-għajnuna tagħhom lil Mro Antonio Miruzzi sabiex tkun riformata l-banda fl-1915.

Mro Vincenzo Caruana Spiteri kien surmast ta’ l-Orkestra La Stella tal-Gudja u f’ritratt li għadna nsibu ta’ din l-orkestra, flimkien miegħu naraw lil Mro Salvatore Azzopardi. Meta fl-1921, Mro Caruana Spiteri ħalla Ħal Luqa biex mar bħala head teacher Ta’ Sannat, Għawdex, it-tmexxija ta’ din l-orkestra għaddiet f’idejn Mro Azzopardi li dam sas-sena 1926. Bejn l-1942 u l-1947 kien surmast tal-Banda San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq. Barra minn dan, bħal Mro Caruana Spiteri, kien ukoll organist fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Luqa.

Mro Salvatore Azzopardi miet fl-1976, fl-għomor ta’ 84 sena.

Ir-ritratt qed juri lil Orkestra La Stella tal-Gudja fl-1921. Is-Surmast Vincenzo Caruana Spiteri jidher fin-nofs fl-ewwel filliera b’qalziet abjad. Ħdejħ fuq in-naħa tal-lemin jidher Mro Salvatore Azzopardi. Forsi wieħed jikkumenta li dan huwa ritratt ta’ tifkira fejn dawn iż-żewġt iħbieb qed jgħaddu t-tmexxija tal-orkestra min id għal oħra. Propju fl-1921 Mro Caruana Spiteri mar jgħallem Għawdex

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.