Mro. Tommaso Galea (1829 – 1893) – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Mro. Tommaso Galea (1829 – 1893)

///Mro. Tommaso Galea (1829 – 1893)
Mro. Tommaso Galea (1829 – 1893) 2017-12-31T20:25:15+00:00

MroTommasoGaleaIs-surmast Tommaso Galea twieled fil-parroċċa ta’ San Duminku, il-Belt Valletta
nhar il-21 ta’ Diċembru 1829. Kien iben Lorenzo u Gratia Saison u kien it-tmien
wild fost 9 aħwa. Tommaso kien fil-fatt ir-raba’ isem li ngħata fil-magħmudija
tiegħu, iżda kif ta’ spiss kien jiġri f’dak iż-żmien huwa kien magħruf b’dan l-isem
aktar mill-isem proprju tiegħu ta’ Giuseppe (1). Ir-residenza tal-familja Galea
kienet f’fond numru 24, Strada San Nicola fil-Belt Valletta (2). Fil-fatt din
it-triq tinsab eżattament fuq in-naħa ta’ wara tal-Kunvent ta’ San Duminku.

Minn eta’ żgħira jidher li dan il-persuna kien diġa beda jitgħallem il-mużika
tant li ta’ 18-il sena, meta dan ingaġġa fl-armata kien arrwolat bis-sengħa ta’
mużiċista. Fl-eta’ adoloxxenti tiegħu ftit li xejn instabet informazzjoni dwar
dan il-persuna u għaldaqstant ma tantx hemm x’wieħed jgħid dwar it-trobbija
tiegħu.

Il-fattizzi tiegħu huma definiti bi prominenza fil-kuntratt tiegħu ta’
ngaġġament. Fil-fatt huwa kien twil 5 piedi u pulzier, b’għajnejn ċari, xagħar
kannella u ta’ karnaġġjon ċar (3). Dan kollu jirriżulta fi bniedem ta’ statura
medja, tipika mediterranja ta’ l-epoka, fejn it-taħlit bejn razez kien wisq
anqas milli wieħed isib illum.

L-akbar sors ta’ informazzjoni dwaru fil-fatt tinstab fir-reġistri militari tar-riġment
li huwa ddedika l-parti kbira ta’ ħajtu fih. Fil-fatt huwa serva perjodu ta’ 35
sena 9 xhur u nofs fil- 1st Regiment, Royal Malta Fencibles li aktar tard bidel
ismu għal Royal Malta Fencibles Artillery.

Fil-fatt Mro.Galea ffirma l-ingaġġament tiegħu nhar il-31 t’Ottubru 1849, fl-eta’
ta’ 18-il sena għal perjodu ta’ 10 snin. In-numru tas-servizz li ngħata kien
“1144” li fil-perjodu msemmi kien ukoll jikkorrispondi man-numru tar-reġistru ta’
l-ingaġġamenti. Beda l-perjodu militari tiegħu bħala Private jew fi kliem
sempliċi suldat regolari. Dam f’dan ir-rwol għal perjodu qasir ta’ 41 ġurnata
biss, bejn il-31 t’Ottubru 1849 u l-10 ta’ Diċembru 1849 (4).

Peress li s-surmast Galea ingaġġa bis-sengħa ta’ mużiċist, dan kien promoss
għall-kariga ta’ drummer jew aħjar bandist fl-armata. Huwa serva f’din il-kariga
bejn il-11 ta’ Diċembru 1849 u l-21 ta’ Novembru 1858, jiġifieri għal perjodu ta’
kważi 9 snin sħaħ.

Nhar it-22 ta’ Novembru 1858 huwa ngħata l-promozzjoni ta’ Kaporal fir-riġment
li huwa kien iservi. F’din il-kariga dam biss ġurnata waħda għaliex l-għada, 23
ta’ Novembru 1958 huwa ngħata l-inkarigu ta’ Band Sergeant, jew aħjar surmast
tal-banda fl-armata. Dam f’din il-kariga sakemm spiċċalu l-kuntratt ta’
ngaġġament tiegħu, jiġifieri sa l-25 ta’ Lulju 1862 (5).

Nhar is-26 ta’ Lulju 1862 s-surmast Tommaso Galea reġa’ ġedded il-kuntratt fl-armata
għal terminu ieħor ta’ 11-il sena fejn baqa’ jokkupa l-kariga ta’ surmast
tal-banda (6). Minn 11-il sena huwa spiċċa sabiex għamel kważi 19-il sena f’dan
il-kuntratt. Iżda għalkemm kellu biżżejjed servizz sabiex jirtira bil-penzjoni
ta’ l-armata Ingliża huwa aċċetta li jestendi l-kuntratt tiegħu, bl-estensjoni
tiegħu tibda tgħodd mill-1 ta’ Lulju 1881. Huwa baqa jokkupa l-kariga ta’
surmast direttur ta’ l-armata sa nhar il-21 t’Awissu 1885 (7).

Matul iż-żmien li huwa serva fl-armata s-surmast Galea kien rikonoxxut diversi
drabi għal kondotta tajba. Fost dawn kien dekorat bil-midalja għall-Long Service
and Good Conduct fl-1 ta’ Novembru 1876 (8). Ma din il-midalja huwa ngħata £5
bħala rigal tas-servizz tiegħu. Matul il-karriera tiegħu huwa ngħata ż-żieda
seba’ darbiet bħala rikonoxximent tal-kondotta tajba tiegħu. L-aħħar żieda
fis-salarju tiegħu kienet fl-1 t’April 1885 u din kienet ta’ sitt xelini.

Fil-perjodu kollu tiegħu fl-armata jiġifieri ta’ kważi 36 sena huwa għamel kważi
27 sena minnhom bħala surmast direttur tal-banda tar-riġment tiegħu. Biss din
il-karriera mużikali hekk twila ma kinitx biżżejjed għaliex bejn l-1856 u s-sena
tal-mewt tiegħu, 1893, fil-ħajja ċivili tiegħu huwa kien ukoll involut kemm
f’tagħlim kif ukoll fid-direzzjoni ta’ diversi baned madwar Malta.

Fl-1858 insibu li s-surmast Galea jgħallem it-tejorija u l-prattika mużikali
ġewwa l-Birgu f’dar imlaqqma l- Inkontro fi Strada Palazzo Antico del
Governatore, illum Triq il-Lhud (9). Eventwalment twaqqfet banda bl-isem ta’ La
Vittoriosa f’xi żmien qrib l-1863 taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Andrea Grima u
imlaqqma bħala l-“Banda ta’ Ljun”. Aktar ‘il quddiem, fl-1873 insibu lis-surmast
Galea jidderieġi l-istess banda mużikali f’żewġ programmi separati ġewwa l-Furjana
u f’tal-Pieta’ (10). Hawnhekk ma jidhirx li dan qatt fil-fatt kien surmast ta’
din il-banda iżda l-probabbilita’ hi li permezz tal-konnessjonijiet tiegħu
fil-fażi formatorja tagħha kienu jużaw is-servizzi tiegħu meta s-surmast
direttur kien ikun indispost.

Tommaso Galea kien ukoll l-ewwel surmast ta’ l-ewwel banda mużikali ġewwa l-Isla,
bl-isem ta’ La Senglea, fl-1865 (11). Din il-banda daqqet l-ewwel darba
pubblikament fl-Isla fil-Ġimgħa l-Kbira ta’ l-1865 u kienet għamlet żmien ukoll
tieħu sehem attiv fl-attivitajiet li kien ikun hemm ġewwa din il-belt, sakemm
bil-mod il-mod sfaxxat għaliex spiċċat mingħajr bandisti. Fil-fatt jingħad li l-bandisti
ftit ftit kollha kemm huma spiċċaw ingaġġaw fil-flotta Ingliża. Dan huwa aktar
probabbli meta wieħed iqis li s-surmast Galea kien tant dedikat għas-servizz
tiegħu ġewwa l-armata. Dwar din il-banda nafu wkoll li kienet tieħu sehem
fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Belt Valletta fil-perjodu ta’ bejn 1865 u
l-1874 (12). Dan kien possibbli għaliex fil-Belt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira
kienet issir nhar Ħamis ix-Xirka jiġifieri ġurnata qabel.

Is-surmast Galea hu magħruf li kien joqgħod għal perjodu twil ġewwa Birkirkara.
Id-data ta’ meta għamel dan għadha mhix magħrufa, biss jeżistu diversi dokumenti
dwar l-attivitajiet li kien involut fihom matul iż-żminijiet.

Insibu li f’nofs is-snin 50 huwa kien l-organista tal-Kolleġġjata ta’ Sant’
Elena f’B’Kara. F’dan il-perjodu huwa kien ikkompona l-mużika ta’ l-innu korali
Optata lux solemnibus għat-tridijiet tal-festa ta’ Sant’ Elena, fuq kliem ta’
Dun Ġużepp Zammit ( magħruf bħala Brighella ).

Ġewwa B’Kara huwa kien ukoll il-fundatur ta’ l-ewwel banda Karkariża li kienet
iġġib l-isem ta’ Societa’ Filarmonica Santa Elena (13). Dan kien fl-1865, iżda
il-preparamenti għat-twaqqif ta’ din il-banda kienu bdew xi snin qabel fejn huwa
stess kien involut fit-tagħlim ta’ l-ewwel bandisti ta’ din il-banda. Huwa baqa’
surmast direttur ta’ din il-banda sakemm miet fl-1893. Lejn l-aħħar ta’ ħajtu
kienu diversi dawk li oġġezzjonaw li dan ikompli għaliex saħħtu kienet battiet
bil-bosta u kienu ħafna dawk li tilfu l-entużjażmu u telqu minn ma din il-banda,
tant li kaġun ta’ dan twaqqfet banda oħra ġewwa l-istess raħal.

Fl-1872 huwa kkompona l-ewwel Inno di Gloria a S.Elena Imp. Aug. fuq versi bit-taljan
tal-Kan. Dun Ġwann Bugeja. Dan indaqq għall-ewwel darba nhar lejlet il-festa ta’
Sant’ Elena ta’ l-istess sena. Il-partijiet oriġinali ta’ dan l-Innu jinsabu
fil-Każin tal-Band Duke of Connaught ta’ Birkirkara.

Ir-rabta tiegħu ma’ Birkirkara kompliet tissaħħaħ meta nhar it-22 ta’ Ġunju
1875, ġewwa l-Kolleġġjata ta’ Sant’ Elena huwa żżewweġ lil Teresa Annati bint
Giuseppe Annati u Vincentia Formosa minn B’Kara stess. Ix-xiedha ta’ dan it-tieġ
kienu l-aħwa Honoratio u Publio Cutajar filwaqt li l-funzjoni tmexxiet
mis-saċerdot Giuseppe Charbon (14) (15).

Fl-1883 is-surmast Tommaso Galea inħatar ukoll bħala l-ewwel surmast taċ-Circolo
e Filarmonica S. Andrea, Ħal Luqa. Ma din il-banda huwa għamel perjodu ta’ ħames
snin sa’ l-1888. Ir-raġuni għalfejn spiċċa minn ma’ din il-banda mhix magħrufa,
iżda minn sorsi oħrajn jidher li dan irtira minħabba s-saħħa fiżika tiegħu, tant
li fl-istess perjodu ta’ meta rtira minn surmast ġewwa Ħal Luqa huwa kien qed
ikun issikkat sabiex jirtira mill-istess kariga li kellu mal-Banda Alleanza ta’
Birkirkara. Matul il-perjodu li serva bħala surmast direttur mal-Banda Sant’
Andrija, fl-1886 huwa kkompona l-ewwel innu lil Sant’ Andrija bl-isem ta’ Inno
Al Martire San Andrea Apostolo fuq versi bit-Taljan ta’ xi ħadd mhux magħruf.
Il-partijiet oriġinali ta’ dan l-innu miktub għall-banda jinsabu fis-sede ta’ l-Għaqda
Mużikali Sant’ Andrija (16)(17).

Is-surmast Tommaso Galea jidher li kellu wkoll sehem fit-twaqqif tal-banda
Għaqda Filarmonika Vittoriosa tal-Birgu, illum magħrufa bħala Banda Prince of
Wales. Għal din ir-raġuni huwa kien maħtur Direttur Onorarju ta’ din il-banda
fl-1891. Dan probabbli li ġara minħabba l-konnessjoni tiegħu ma’ l-ewwel surmast
ta’ din il-banda Mro. Ġużeppi Portelli li f’dak il-perjodu kien ukoll id-Direttur
ta’ l-Orkestra ta’ l-Ammirall Ingliż (18).

Is-surmast Tommaso Galea miet ġewwa Birkirkara nhar il-11 ta’ Ġunju 1893 fl-eta’
ta’ 64 sena. Il-quddiesa tal-funeral saret ġewwa Birkirkara stess fil-Bażilika
ta’ Sant’ Elena.

Nota:
Teżisti diskrepanza ta’ sentejn bejn id-data tat-twelid tiegħu u r-reġistru ta’
l-armata. Sabiex ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet u differenzi fid-dati kif
inhuma kkwotati, ħassejt il-ħtieġa li kull data li nikkwota tkun dik oriġinali
dokumentata. Dan ifisser li fejn jinsab kwotat li ta’ 18-il sena, jiġifieri
fl-1849 huwa ngaġġa fl-armata Ingliża fil-verita’ huwa kellu 20 sena, pero xorta
waħda żammejt fidil lejn kif huwa imniżżel fir-reġistri.

Riferenzi:

(1) Ind. 1798-1833, vol. 1827-1833, Knisja S.Duminku, Valletta
(2) Lista Elettorali 1870
(3) Ref.1144 National Archives, Mdina
(4) Ref.1144 National Archives, Mdina
(5) Ref.1144 National Archives, Mdina
(6) Ref.1144 National Archives, Mdina
(7) Ref.1144 2398/8.8.85 National Archives, Mdina
(8) Statement of Services, Ref.1144, National Archives, Mdina
(9) Pġ. 43, Vol.I – Storja tal-Kazini tal-Baned
(10) Pġ. 44, Vol.I – Storja tal-Kazini tal-Baned
(11) Pġ. 67, Vol.I – Storja tal-Kazini tal-Baned
(12) Il-Ġimgha l-Kbira tal-Belt Valletta – Gorg Aquilina OFM
(13) Pġ. 285, Vol.I – Storja tal-Każini tal-Baned
(14) Vol.10, Pġ.199 Parroċċa Sta. Liena B’Kara
(15) Reġ. Pubb. 486/1875
(16) Storja ta’ l-Ewwel Mitt Sena – Għaqda Mużikali Sant’ Andrija
(17) Pġ. 216, Vol.II – Storja tal-Każini tal-Baned
(18) Pġ. 56, Vol.I – Storja tal-Każini tal-Baned

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.