30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida (1977-2007) – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida (1977-2007)

//30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida (1977-2007)
30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida (1977-2007) 2018-01-06T23:52:30+00:00

Fl-ewwel t’Ottubru, tletin sena ilu, jiġifieri fl-1977, ir-raħal tagħna kien protagonista ta’ okkażjoni ta’ importanza nazzjonali, għaliex dakinhar ġiet inawgurata r-runway il-ġdida fil-mitjar ta’ Ħal Luqa. Wara ħafna snin ta’ ippjanar u xogħol, il-mitjar ingħata ħajja ġdida billi nġieb fuq klassi internazzjonali f’dik li hija struttura għall-inżul u tlugħ ta’ l-ajruplani.

Biex niftehmu sew, ir-runway hija dik it-triq wiesgħa u twila ġol-mitjar li l-ajruplan juża’ għar-rankatura tiegħu biex jinqata’ mill-art, u meta jinżel ħelu ħelu fuqha fit-tmiem tal-vjaġġ tieghu. L-ewwel mitjar li nbena kien dak ta’ Ħal-FarlIi nfetaħ fis-16 ta’ Jannar ta’ l-1923. Billi dan il-mitjar kien mgħobbi bix-xogħol militari, inħass li kellu jinbena ieħor biex jaqdi t-traffiku ċivili li kien dejjem qed jiżdied. Bħala sit għal dan ta’ l-aħħar kienet intgħażlet il-pjanura ta’ taħt l-Imdina, jiġifieri f’ Ta’ Vnezja, magħrufa aħjar bħala Ta’ Qali. Dan kien wieħed mis-suġġerimenti li Sir Alan Cobham ippreżenta f’rapport dettaljat lill-Kunsill tal-Gvern imħejji waqt żjara tiegħu fi gżiritna bejn Diċembru 1927 u Jannar 1928.

Sfortunatament, Ta’ Qali ma tantx irnexxa bħala ajruport ċivili minħabba li l-wiċċ tiegħu, magħmul minn ħamrija u ħaxix maqtugħ baxx, kien jinfaqa’ bl-ilma kull darba li jagħmel għargħar, b’konsegwenza li jkollu jingħalaq għal ġranet sħaħ, jekk mhux ukoll ġimgħat. B’hekk fl-1938 ingħata bidu għal xogħol kbir fuq mitjar ġdid viċin Ħal Luqa li kellu jservi bħala ċentru għat-trasport ċivili mill-aktar modern. Minflok il-wesgħa kbira ta’ ħamrija u ħaxix kif kellhom iż-żewġ ajruporti l-oħra, f’Ħal Luqa inbniet sistema ta’ runways b’wiċċ iebes, fejn saffi ta’ żrar u ġebel żgħir ġew ikkompressati u miksijin b’żewġ pulzieri u nofs ( 65 mm ) qatran.

L-orjentazzjoni u t-tul ta’ dawn ir-runways oriġinali kien hekk : 14/32 – 960 metru ; 06/24 – 900 metru ; 00/18 – 732 metru. FIt. Lt. George Burgess, li kellu jibqa’ msemmi bħala wieħed mill-bdoti tal-famużi “Faith, Hope and Charity”, wettaq l-ewwel inżul bi prova b’ajruplan f’dan il-mitjar f’Ġunju ta’ l-1939. Fir-Rebbiegħa tas-sena ta’ wara, l-operazzjonijiet ċivili għaddew minn Ta’ Qali għal Ħal Luqa. L-aktar li kienu qed jużaw il-faċilitajiet ta’ Malta kienu kumpanniji Taljani, u għalhekk, minħabba t-tensjoni dejjem tikber bejn l-Ingilterra u dak il-pajjiż, fl-ewwel t’April dan il-mitjar ġie kkummissjonat bħala Stazzjon tal-Qawwa ta’ l-Ajru Ingliza – “RAF Station Luqa”.

Il-ġrajjiet li għadda minnhom dan il-mitjar fil-gwerra li faqqgħet fl-10 ta’ Ġunju 1940 illum jaf bihom kulħadd – mhux il-Ħalluqin biss, jew il-Maltin kollha, iżda tista’ tgħid instemgħu ma’ kull rokna tad-dinja. Għalhekk ser nikkonċentra biss fuq l-iżvilupp tar-runways u kif dan wassal għall-ġrajja li bdejna biha.

Minkejja t-taqtigħa bla ħniena li kienet għaddejja, l-ewwel estensjoni tar-runways saret fl-1942. Kien deher ċar li għalkemm kienu jeżistu erba’ runways, tnejn kienu dawk li jintużaw l-aktar ta’ spiss. Waħda kienet 24/06, jiġifieri dik li minn-naħa ta’ Wied il-Knejjes tagħti għall-ġenb ta’ l-Imqabba; l-oħra kienet 14/32 li tibda minn Ħal-Farruġ u tagħti għal ħdejn it-Terminal il-qadim. Ta’ l-ewwel ittawlet fuq in-naħa ta’ l-Imqabba għal total ta’ 1317 -il metru waqt li l-oħra ttawwlet b’200 metru fid-direzzjoni tal-Gudja. M’ghaddietx sena, u ż-żewġ runways reġgħu ttawlu fl-istess direzzjonijiet, 24/06 saret 1793 metru u 14/32 saret 1623 metru. Dawn kienu wesgħin 50 metru, u magħhom inbnew ukoll taxiways, jiġifieri trejqiet fil-ġnub biex filwaqt li ajruplani jkunu mexjin bil-mod lejn jew minn dawn ir-runways, ajruplani oħra jkunu jistgħu jitilgħu u jinżlu bla xkiel.

Ħofor magħmula minn bombi li kienu jaqgħu waqt xi ħbit qawwi fuq dan il-mitjar, kienu jridu jiġu mimlija minnufih. It-tiswijiet mgħaġġla ta’ dak iż-żmien beda joħroġ fil-beraħ, bi xquq u qsim fil-wiċċ wara l-gwerra, speċjalment meta l-ajruplani kienu qegħdin dejjem jikbru fid-daqs u l-piż. FI-1952, ir-runway 24/06 ingħalqet biex tiġi studjata sew is-sitwazzjoni u nstab li madwar 35 fil-mija tagħha kienet difettuża. Wara li ġiet irranġata, l-istess xogħol sar fuq ir-runway l-oħra, 14/32, fl-1953 u fis-sentejn ta’ wara ingħatat attenzjoni għat-taxiways. Fl-istess żmien inbnew ukoll għadd kbir ta’ hard-standings, speci ta’ postijiet fejn jipparkjaw l-ajruplani, billi mtlew numru ta’ barrieri fiz-zona ta’ fejn illum hemm it-torri tal-kontroll.

Kienu għaddew biss ftit snin u l-ajruplan kiber anke fil-prestazzjoni tiegħu; kien jeħtieġ tul aktar għat-tlugħ u nżul. 24/06 intgħażlet bħala l-aktar runway favorevoli biex terġa’ tiġi mtawla, u fl-1961 ġiet estiża sa’ Ta’ Kandja b’tul totali ta’ 2378 metru. Magħha nbniet taxiway wiesgħa 18-il metru li mit-tarf tar-runway fuq in-naħa Ta’ Kandja kienet twassal f’park ġdid ( Park No.4, fejn illum isir l-Air Show ta’ kull sena). Tista’ tgħid li l-aħħar xogħol li sar fuq ir-runways taħt il-Forza ta’ l-Ajru Ingliża kien ir-rinfurzar ta’ biċċiet kbar tal-wiċċ li beda fl-1966 u baqa’ sejjer sa’ 1-1971.

Kien jidher ċar li dan it-traqqigħ ma setax ikompli għal dejjem, u bin-numru ta’ ajruplani tal-passiġġieri dejjem jikber inħass il-bżonn ta’ estensjoni bil-għaqal tal-mitjar. Biżżejjed wieħed jara ftit in-numru ta’ passiġġieri li kienu għaddejjin minnu, li minn 27,532 fl-1963 qabeż għal 167,160 fl-1971. Iċ-ċifri kienu juru li sa 1-1977 dan il-volum kellu jirdoppja u jisplodi għal madwar miljun ruħ fl-1990. Għalhekk il-pjan kien jaħseb biex jinbena ajruport ġdid fuq in-naħa tal-Gudja, b’Terminal u runway twila biżżejjed biex takkomoda anki l-Jumbo Jets.

L-ewwel fażi kien jikkonsisti fl-estensjoni tar-runway 14/32 fid-direzzjoni tal-Gudja. It-tul totali kellu jkun ta’ 3550 metru, li jwassal sa Ħas-Saptan, u għalhekk jinkorpora r-runway li kienet inbniet fi żmien il-gwerra f’Ħal Safi. Mina minn taħt ir-runway il-ġdida żammet ir-rabta tat-triq li minn Ħal-Luqa kienet twassal għal numru ta’ rħula fuq in-naħa l-oħra tal-mitjar, fosthom iż-Żurrieq, l-Imqabba, il-Qrendi u Ħal Safi. Fuq in-naħa tal-Gudja nbena park kbir ( Park No.9) bħala tħejjijja għall-bini tat-Terminal il-ġdid li, pero’ kellu jistenna ħafna aktar snin biex jinbena.

Fis-sajf ta’ l-1977, ix-xogħol fuq din l-ewwel fażi kien kwazi lest u ċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali ġiet iffissata għall-ewwel t’Ottubru. Fis-27 ta’ Settembru, Boeing 720B ( AP-AMJ ) ta’ l-Air Malta għamel l-ewwel inżul bi prova,u wara għamel sensiela ta’ dawriet mal-mitjar, jinżel imiss ir-roti u jerġa’ jitla’.

Għall-okkazjoni taċ-ċerimonja tal-ftuħ ġiet organizzata wirja ta’ titjir spettakolari bit-tim akrobatiku Taljan, “Frecce Tricolori”, bħala mistednin speċjali. Dan it-tim wasal Malta ġurnata qabel, fit-30 ta’ Settembru, u fl-istess ġurnata għamel titjira ta’ prova bl-istess programm li kellu juri l-għada.

30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida

30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida

Kit tistgħu taħsbu, fl-ewwel t’Ottubru, wara nofsinhar f’xemx tisreġ, eluf ta’ Maltin u anke barranin li kienu Malta għall-btala, ħonqu kull rokna madwar ir-runway il-ġdida biex jaraw dan l-ispettaklu, li bħalu konna ilna ma naraw minn Marzu 1970, bil-wirjiet tar-“Red Arrows” fuq Marsamxett u Ta’ Qali. Mistiedna wkoll kien hemm il-Qawwa ta’ l-Ajru Ingliża ( RAF ), li fil-fatt bdiet il-wirja, bil-parteċipazzjoni ta’ Canberra PR7 minn No.13 Squadron, ibbażat f’Malta stess. Konna qed naraw ajruplan li kien diga ilu xi ħamsa u għoxrin sena fis-servizz, iżda li wera kemm għadu fuq tiegħu.

30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida

30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida

Ajruplan ieħor ta’ l-RAF li tela’ warajħ kien Nimrod ta’ NO.203 Squadron. ukoll ibbażat Ħal Luqa, li minkena l-kobor tiegħu offra spettaklu liema bħalu. Iżda żgur li kulħadd kien ġie biex jara għall-ewwel darba tim akrobatiku Taljan juri l-ħila tiegħu fi gżiritna – u ħadd ma ddispjaċiħ b’dak li ra ! Ta’ min jinnota li din kienet waħda mill-aħħar drabi li l-“Frecce Tricolori” tajret il-Fiat G91, għax sena wara biddlet l-ajruplani tagħha u bdiet tuża l-Macchi MB339, it-tip li bih rajnihom darbtejn oħra minn dak iż-żmien. L-ewwel ajruplan ta’ daqs kbir li uża r-runway il-ġdida kien DC-10 ta’ l-Alitalia ( I-DYNU ) fl-istess ġurnata, waqt li l-ewwel Jumbo Jet kien ta’ l-Aer Lingus ( EI-ASI ) fit-22 t’Ottubru 1977.

30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida

30 Sena mill-Ftuħ tar-Runway il-Ġdida

Meta tqis li fl-ewwel 30 sena ta’ l-użu tal-mitjar ta’ Ħal-Luqa, ir-runways kienu ttawwlu kemm-il darba, m’hemmx għax tiskanta li fl-aħħar tletin sena minn mindu nfetħet ir-runway il-ġdida ma sar l-ebda tibdil. Ċertament m’hemmx raġuni għala r-runways eżistenti għandhom jitwalu fil-futur għax illum l-ajruplani huma ħafna aktar effiċjenti, u qed jiġu ddisinjati biex jitilgħu u jinżlu fl-iqsar tul possibbli. Forsi ma jkunx prużuntuż jekk wieħed jgħid li l-istorja ta’ l-iżvilupp tar-runways fil-mitjar ta’ Ħal-Luqa issa hija magħluqa , forsi għal dejjem.

Bibliografija :

Air War over Malta Volume II, Richard J, Caruana. 1984
Eclat, Richard J. Caruana & Michael Bonello, 1994
Military Aviation in Malta. John F Hamlin. 1994
Victory in the Air, Richard J Caruana. 1996
Gazzetti Lokali, fosthom. The Daily Malta Chronicle. The Times. L-Orizzont
Nota: L-awtur ibbaża l-artlklu tiegħu wkoll fuq numru kbir ta’ noti personali tiegħu

Ritratti : Kollha ta’ l-Awtur – (L-ebda ritratt ma jista’ jiġi riprodott jekk mhux bill-kunsens tal-Awtur)

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.