374 sena Parroċċa

//374 sena Parroċċa
374 sena Parroċċa 2018-01-06T23:52:40+00:00

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa

Ħal Luqa saret parroċċa fil-15 ta’ Mejju 1634 – 374 sena ilu. Tul fan iż-żmien il-knisja parrokkjali nbniet jew sar tibdil sustanzjali fl-istruttura tagħha għal darba, tnejn, tlieta, erba’ darbiet.

Malli twaqqfet il-parroċċa, il-Ħalluqin fl-istess sena taw bidu għall-bini ta’ knisja ġdida biex tieħu post il-knisja l-qadima ddedikata lill-appostlu Sant’ Andrija li kienet ilha wieqfa fuq il-150 sena.

‘L-arkitett tal-knisja parrokkjali ġdida tagħna,’ kif sejjaħlu l-ewwel kappillan Dun Wistin Cassia, kien qassis Ħalluqi, Dun Ġulju Muscat. Kien mgħammed nhar it-28 ta’ Jannar, 1603. Dun Ġulju fassal li fuq wara tal-knisja l-qadima kellu jittella’ l-kor, iż-żewġ kappelluni, u biċċa mill-korsija. Wara li jitlesta dan ix-xogħol kellhom iħottu l-ħajt ta’ wara tal-knisja l-qadima u jgħaqqduha mal-ġdida.

Għal għaxar snin ix-xogħol ma qata’ xejn. Sa l-1644 inbnew l-kor, il-kappelluni, biċċa mill-korsija, u telgħet il-koppla. Fl-aħħar nhur ta’ l-1644 din il-parti l-ġdida tniffdet u tgħaqqdet mal-knisja l-qadima kief kien il-ħsieb sa mill-bidu. Imbgħad tkompla l-bini tal-bqija tal-korsija. Kull ġenb tagħha kien ġej bi tliet arkati, tan-nofs b’bieb għal barra, filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu ser isiru kappelli ta’ altari. Dan ix-xogħol twettaq kollu madwar il-bini tal-knisja l-qadima, li twaqqgħet biss meta l-korsija tlestiet mill-ġebel. Ta’ min iżid li x-xogħol ta’ skultura kien f’idejn wieħed Franciż, Antonju Garsin.

370 Sena Parroċċa

370 Sena Parroċċa

370 Sena Parroċċa

Dan huwa parti min kitba tas-Sur Joseph Micallef li jinsab fil-ktieb li s-Sezzjoni Żagħżagħ fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ħarġet fl-2004 f’okkażjoni tat-370 Sena Parroċċa Sant’ Andrija. Ktieb ferm interessanti li fih l-istorja tal-knisja sal-2004, tagħrif dwar ir-rikkezzi li jinsabu ġol parroċċa , kif ukoll għadd kbir ta’ ritratti tal-imgħoddi. Dan huwa l-ktieb li kull familja Ħal Luqija għandha jkollha fil-librerija. Il-ktieb ‘370 Sena Parroċċa Sant’ Andrija –Ħal Luqa’ jinsab għal bejh mill-Każin jew min għand l-istationers ta’ Ħal Luqa.

Kellu hekk xi jgħid Dun Karm Camilleri – Kappilan, dwar dan il-ktieb:

“Kien ħsieb tajjeb u ta’ min ifaħħru l-fatt li għal dan l-anniversarju tat-370 sena mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa ta’ Ħal Luqa jiġi ppublikat dan il-ktieb li jinkludi fin din il-ġabra ta’ patrimonju li għadek issib fil-parroċċa tagħna.

Inutli li noqgħodu msemmu affarijiet li ntilfu matul iż-żminijiet. L-importanti huwa li dak li għad baqa’ nkunu nafu bih u nibżgħu għalih

Ta’ min jgħid li ħafna minn dan il-wirt jinsab imferrex f’diversi partijiet tar-raħal tagħna. Tajjeb li nkunu nafu wkoll li ħafna affarijiet artistiċi nħadmu f’din il-parroċċa minn imgħallmin tal-post li xogħolhom jixhed l-imħabba li kellhom lejn il-knisja u lejn l-Appostlu Sant’ Andrija patrun tagħna.

Illum il-ġurnata għadek issib nies, mimlijin entużjażmu, li l-gost tagħhom huwa li jħasru dan il-wirt tagħna lkoll u jitpaxxew b’dak kollu li ħallewlna missirijietna. Nista’ ngħid lid an il-ktieb jixhed dak li qiegħed ngħid.

Għaldaqstant nappella lil kulħadd biex ngħożżu dan il-ktieb u nappreżżaw x-xogħol kollu li hemm warajh”

JUM ĦAL LUQA

B’inizjattiva tal-Kunsill Lokali ser jiġi mfakkar ukoll JUM ĦAL LUQA. Il-Kunsill jorganizza attivitajiet biex aħna l-Ħal Luqin nifirħu u nħossuna kburin li aħna membri ta’ dan ir-raħal.

F’dawn l-aħħar snin il-Kunsill qiegħed jagħti rikonoxximent, il-“Ġieħ Ħal Luqa” lil dawk l-individwi li b’xi mod taw jew qed jagħtu kontribut kbir lir-raħal tagħna.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.