7 ta’ Ġunju l-1919 – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

7 ta’ Ġunju l-1919

//7 ta’ Ġunju l-1919
7 ta’ Ġunju l-1919 2018-01-06T23:53:07+00:00

Waħda mill-ħames festi Nazzjonali ta’ pajjiżna, u forsi l-anqas magħrufa, hija l-hekk imsejħa Sette Giugno. F’din ir-rikorrenza infakkru l-ġrajjiet li seħħew ġewwa pajjiżna nhar is-sebgħa ta’ Ġunju ta’ l-1919. Dakinhar waqt dimostrazzjonjiet ta’ propesta kontra l-gvern Ingliż erba’ Maltin inqatlu minn suldati Ngliżi.

L-irvell tas-sebgħa ta’ Ġunju kien riżultat ta’ żmien iebes li kien għaddej minnu l-poplu Malti. F’dik il-ħabta ġewwa pajjiżna kien hawn ħafna qgħad, skarsezza ta’ bosta affarijiet essenzjali għall-ħajja, għoli fil-prezzijiet ta’ l-ikel b’mod speċjali l-ħobż u l-biċċa l-kbira tal-poplu kienet qed tgħix fil-miżerja.

Il-klassijiet sinjuri u privileġġjati kellhom ilmenti oħra kontra l-gvern Ingliż. Dawn kienu qed jibżgħu li l-gvern biex jiġbor aktar flus kien se jdaħħal taxxa fuq il-qliegħ. Barra minn hekk il-politikanti Maltin bdew jagħfsu lill-gvern Ingliż biex dan jagħti lill-Maltin kostituzzjoni fejn il-poplu Malti seta’ jmexxi dawk l-affarijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ Malta.

Min-naħa tiegħu l-gvern Ingliż ma kienx qed jagħti kas tas-sitwazzjoni u ta’ l-ilmenti tal-Maltin. B’riħet dan ġewwa Malta żvilluppat sitwazzjoni ta’ skuntentizza kontra l-gvern Ingliż; skuntentizza li fis-sebgħa ta’ Ġunju 1919 inbidlet f’rabja li spiċċat fi traġedja.

SKARSEZZI U GĦOLI TAL-ĦAJJA

Hekk kif bdiet l-ewwel gwerra oġġetti essenzjai għall-ħajja ta’ kuljum bdew jiskarsaw jew jogħlew ħafna fil-prezz. Ħafna xtraw kulma sabu u bdew jaħżnu l-affarijiet. Biex itaffi l-iskarsezza ta’ ikel il-gvern ħa taħt idejh l-importanzjoni taz-zokkor u l-laħam tal-friża. Il-problema tan-nuqqas ta’ ikel ma ttaffitx għaliex bosta vapuri merkantili Ngliżi mgħobbija bl-ikel lejn Malta bdew jiġu mgħarrqa minn sottomarini Ġermaniżi. Tant kien hawn nuqqas ta’ ikel li kien hemm żmien meta ma kienx hemm laħam biżżejjed għall-morda fl-isptarijiet. Tant is-sitwazzjoni kienet ħażina li l-gvern iddeċieda li jirrazzjona z-zokkor, il-patata u l-pitrolju. Naqas ukoll id-dqiq u l-gvern ordna li ma’ l-għaġna tal-ħobż titħallat il-patata.

Il-qagħda kompliet tmur għall-agħar meta naqas il-qamħ u l-gvern daħal biex jixtri l-qamħ mill-Ingilterra. Ġara li l-gvern ġewwa Londra ma riedx ibiegħ l-ammont ta’ qamħ ordnat minn Malta. L-Ingliżi irraġunaw li l-ammont ordnat kien wisq għall-popolazzjoni ċkejkna bħalma kellha Malta. Dan wera li l-Ingliżi ġewwa Londra ma kinux jafu li l-ħobż kien l-ikel bażiku tal-Maltin u li bħala poplu aħna konna nieklu aktar ħobż mill-Ingliżi. Minħabba f’hekk ir-razzjon tal-ħobż kellu jitnaqqas.

Dawk li gawdew l-aktar minn dan in-nuqqas ta’ ikel kienu l-importaturi u dawk li kellhom il-magni tad-dqiq. Dawn approfittaw ruħhom mis-sitwazzjoni u għollew il-prezzijiet mogħla s-smewwiet. Il-ġurnali ta’ dak iż-żmien akkużaw lil dawn in-negozjanti li huma kienu jistagħnew minn fuq il-miżerja tal-poplu. Biex jikkontrolla l-prezzijiet l-gvern ħareġ regoli stretti ħafna fuq ċerti affarijiet li kellhom jinbiegħu. Dan ġab miegħu aktar trekkin u ħabi ta’ oġġetti essezjali.

THEDDIDA TA’ QGĦAD

Matul l-ewwel gwerra eluf ta’ Maltin kienu qed jaħdmu direttament jew indirettament mas-servizzi Ngliżi. L-akbar numru ta’ ħaddiema Maltin kienu impjegati fit-Tarzna li kienet timpjega 14,000 ħaddiem. Ma tmiem il-gwerra l-gvern Ingliż beda jaħseb biex inaqqas il-ħaddiema mit-Tarzna u fis-sena 1919 ħafna ħaddiema bdew jirċievu l-avviż tas-sensja. Dan ġab miegħu sens ta’ rabja min-naħa tal-Maltin għaliex ħassew li wara li wrew lealtaċ lejn l-Ingliterra u qdew dmirhom mill-aħjar, issa l-Ingliżi kienu ħa jabqbu u jkeċċuhom mix-xogħol u jitfgħuhom fil-miżerja.

Il-Gvernatur Metheun stess ħass li din kienet inġustizzja mal-Maltin u talab lill-Gvern ġewwa Londra biex, għallinqas jissospendi s-sensji mit-Tarzna bħala radd ta’ ħajr għall-ħidma li wettqu l-ħaddiema tat-Tarzna matul il-gwerra. L-appell ta’ Metheun waqa’ fuq widnejn torox għaliex il-gvern Ingliż kompla għaddej bil-pjanijiet tiegħu li jissensja eluf ta’ ħaddiema mit-Tarzna.

TAXXI DIRETTI

L-ilmenti u t-tgergir ma ġewx biss minn-naħa tal-klassi tal-ħaddiema għaliex il-klassijiet għonja xejn ma kienu kuntenti bis-sitwazzjoni. Fil-fatt minħabba l-gwerra l-gvern kienu nefaq ħafna flus fi spejjeż militari, Tarzna u pulizija. Il-gvern sab ruħu li ma kellux flus biex ilaħħaq ma’ din in-nefqa għaliex it-taxxi li kien jiġbor mid-dwana u sisa ma kinux biżżejjed. Tant il-qagħda tal-flus kienet imwiegħra li l-Gvern Ingliż ordna lill-Gvernatur Matheun biex idaħħal taxxi oħra biex jiġbor il-flus meħtieġa. Dawn it-taxxi kienu t-taxxi fuq il-propjetaċ u taxxa tas-suċċessjoni. Taxxi bħal dawn ma kienx se jkollhom effett fuq il-ħaddiema iżda kienu ħa jolqtu sew lil min kellu flus u propjetaċ. Kif wieħed jistenna dawn ġabu protesti kbar min-naħa tal-klassijiet sinjuri u l-Knisja.

Kien hemm min qabel ma’ dawn it-taxxi għaliex kienu ġusti u jolqtu biss lil min kellu l-flus. Anzi kienu ħa jkunu ta’ ġid għal min hu fqir għax kienu ħa jnaqqsulu l-piż tat-taxxi. Iżda l-poplu fqir kien injorant u ma fehemx dan u mxewwex mill-ġurnali u mill-Knisja il-poplu baxx ħadha kontra l-gvern Ingliż.

IL-KAWŻA POLITIKA

Fl-1903 il-gvern Ingliż kien ta lil Malta kostituzzjoni fejn il-Maltin ma kellhom l-ebda sehem fit-tmexxija ta’ Malta għaliex pajjiżna kien taħt il-kontroll dirett ta’ l-Ingilterra. Fortunato Mizzi għaqqad il-Comitato Patriottico u beda kampanja mal-gvern Ingliż biex dan jagħti gvern awtonomu lil Malta. Minnħabba l-gwerra din il-kwistjoni twarrbet, iżda hekk kif il-gwerra ntemmet l-Maltin reġgħu bdew jitolbu lill-gvern Ingliż għall-awtonomija. Kien jidher li l-gvern Ingliż kien se jagħti widen għat-talbiet tal-Maltin bħala ringrazzjament għas-sehem tagħhom fil-gwerra.

Malli l-gvern Ingliż ta l-kunsens tiegħu biex Malta jkollha gvern awtonomu ġiet imwaqqfa l-Assemblea Nazzjonali taħt it-tmexxija ta’ Dr. Filippo Sciberras politiku rtirat iżda maħbub minn kulħadd. Fl-Assemblea Nazzjonali kien hemm rappreżentanti minn kull qasam tal-ħajja partiti politiċi, il-Knisja, negozjanti, studenti, għaqdiet tal-ħaddiem, każini tal-baned, clubs sportivi u għaqdiet oħra. L-għan ta’ l-Assemblea Nazzjonali kien li dawn r-rappreżentanti tal-poplu jiddiskutu flimkien x’riedu fil-kostituzzjoni l-ġdida u b’hekk jippreżentaw ġabra ta’ talbiet f’isem il-poplu Malti. Din l-Assemblea Nazzjonali ltaqgħet l-ewwel darba fil-25 ta’ Frar 1919 u qablet b’mod unanimu li l-ewwel talba kellha tkun li Malta jkollha gvern awtonomu.

F’dan l-istess żmien il-gvern kien qed iħejji biex jorganizza ċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa tal-gwerra. Il-gvern għażel biex jorganizza dawn iċ-ċelebrazzjonjiet lil ċertu Ċikku Azzopardi. Dan Ċikku Azzopardi ma kien popolari xejn mal-poplu għaliex kien meqjus seftur fidil ta’ l-Ingliżi u li kien biss iħares lejn l-interressi tagħhom u kien jaqa’ u jqum mill-interessi tal-Maltin. Il-Maltin urtaw ruħhom bl-għażla ta’ Ċikku Azzopardi, tant li r-rappreżentanti tal-poplu fl-Assemblea Nazzjonali ddeċidew li ma jiħdux sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet.

Dan il-fatt kabbar sew it-tensjoni u l-għadab tal-poplu. Fil-fatt meta l-Assembleja Nazzjonali iltaqgħet fil-Belt fil-25 ta’ Frar folol kbar daħlu l-Belt u għamlu dimostrazzjoni kontra l-gvern Ingliż. Ftit jiem wara, xi studenti tal-liġi kienu qed jipprotestaw minħabba tibdil fil-kors tagħhom. Ħin minnhom lemħu lil Ċikku Azzopardi u bdew jgħajruh u jgarawlu l-bajd. Wara dan l-inċident Azzopardi kellu jirriżenja mill-kumitat taċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa. F’April folla mdaqqsa ta’ Maltin inġabret il-Belt quddiem il-Każin Malti (ħdejn Cordina) u bdiet titlob biex jitnaqqas il-prezz tal-ħobż. Il-folla ħaditha kontra ċertu Cassar Torregiani li kien importatur ewlieni tal-qamħ u president tal-Bord tal-Prezzijiet.

L-istudenti tal-liġi kienu qed jagħmlu dimostrazzjonjiet ta’ protesta kontra t-tibdil fil-kors tagħhom. Ma’ dawn l-istudenti kienu qed jingħaqdu folol kbar biex juru l-għadab tagħhom kontra l-Ingliżi.

L-IRVELLIJIET TAS-SEBGĦA TA’ ĠUNJU

Wara li l-Assemblea Nazzjonali bagħtet it-talba tagħha għal gvern awtonomu, ir-risposta min-naħa Ngliża kienet li l-Maltin kellhom jistennew lill-Gvernatur il-ġdid biex jistudja s-sitwazzjoni. Din ir-risposta ġabet qasma fost ir-rappreżentanti tal-Maltin. Fortunato Mizzi u sħabu tal-Comitato Patriottico riedu lill-Assemblea biex tirrifjuta din ir-risposta fil-waqt li kien hemm dawk, fosthom Filippo Sciberras li riedu l-affarijiet ikunu aktar kalmi u jistennew x’kellu jgħid il-Gvernatur il-ġdid. Qbil bejn il-Maltin ma ntlaħaqx dwar x’risposta kellha tinbagħat lill-Gvern Ingliż; ġie deċiż li l-Assemblea Nazzjonali terġa’ tiltaqa’ nhar is-7 ta’ Ġunju biex tittieħed deċiżjoni finali. Fl-istess waqt il-poplu ġie mħeġġeġ biex dak inhar tas-sebgħa ta’ Ġunju jitla’ l-Belt bi ħġaru ħa juri appoġġ lill-Assemblea Nazzjonali u l-għadab tiegħu kontra l-gvern Ingliż.

Fis-sebgħa ta’ Ġunju folol kbar ta’ nies inġabru ġewwa l-Belt u t-tempra bdiet tielgħa sew. F’daqqa waħda ġemgħa nies ħabtet għall-ħanut A LA VILLE DR LONDRE quddiem il-Palazz. Sid dan il-ħanut bħala sfida kien ħalla l-ħanut miftuħ meta kienet iltagħqet għall-ewwel darba l-Assemblea Nazzjonali u dakinhar kissrulu l-ħtieġa tal-vetrina. Il-folla baqgħet tiftakar dan u minkejja din id-darba l-ħanut kien magħluq, kellu tperper fuq il-bejt il-bandiera Ngliża. Il-folla qieset dan bħala sfida oħra u xi wħud telgħu u qaċċtu ‘l-bandiera. Wara l-istess folla marret ftit metri ’l bogħod ħdejn il-Union Club li kien il-każin tas-sinjuri, negozjanti u nies ta’ klassi għolja simpatizzanti ma’ l-Ingliżi. Il-każin baqa’ miftuħ u l-folla bdiet tgara lejn il-każin kull ma sabet taħt idejha u l-każin kellu jagħlaq.

Il-folla tilfet il-kontroll, u kull fejn bdiet tara bandiera Ngliża bdiet tqattagħha u taħraqha. Il-ħruq tal-bandiera kien insult kbir lejn l-Ingliżi. Kien issa jmiss lill-bini tad- DAILY MALTA CHRONICLE ġurnal bl-Ingliż li dejjem żamm favur l-Ingliżi. Il-folla daħlet fl-istamperija ta’ dan il-ġurnal u għamlet ħerba. Folla oħra ħabtet għad-dar ta’ Ċikku Azziopardi u wara għal dik ta’ Cassar Torregiani li kien responsabbli għall-għoli fil-prezz tal-ħobż u l-kwalita’ ħażina tiegħu. Il-pulizija ma setgħetx tikkontrolla l-irvell u l-Gvernatur bagħat rinforz ta’ suldati Ngliżi biex jgħassu l-istamperija tal-Chronicle u d-dar ta’ Cassar Torregiani.

Vittma tas-Sette Giugno

Kif il-Maltin lemħu s-suldati Ngliżi aktar tilfu rashom u bdew igarawlhom ġebel, injam, flixkien u kull ma sabu. Is-suldati Ngliżi qabadhom paniku u fetħu n-nar fuq il-folla u qatlu lil MANWEL ATTARD minn tas-Sliema u lil ĠUŻEPPI BAJADA mix-xagħra Għawdex. Quddiem l-istamperija tad-Daily Malta Chronicle kien hemm ħuuġġieġa ta’ karti u injam u mill-istamperija bdiet ħierġa rieħa ta’ gass. Beżgħan li kienet ħa ssir xi splużjoni uffiċjal Ingliż ordna lis-suldati biex jisparaw lejn il-ħuġġieġa biex iferrxu l-folla. B’xorti ħażina intlaqat f’rasu WENZU DYER li waqa’ mejjet f’għadira demm. Qam paniku kbir u l-Maltin komplew jisfidaw lis-suldati. Il-katavru ta’ Wenzu Dyrer flimkien ma’ Maltin oħra midruba ittieħdu fi Strada Stretta fejn il-ġisem mejjet ta’ wieħed mill-vittmi ġie mgeżwer f’bandiera Maltija. Meta l-Assemblea Nazzjonali semgħet b’dan kollu temmet il-laqgħa u xi wħud minn dawk preżenti ħarġu jiġru biex jikkalmaw is-sitwazzjoni. Bis-saħħa ta’ dawn l-affarijiet ikkalmaw u kulħadd telaq lura lejn daru.

L-għada filgħodu l-Maltin reġgħu telgħu l-Belt bil-ħsieb li jpattuha lill-Ingliżi u l-inkwiet reġa’ beda. L-ewwel vittma dak inhar kien suldat Ingliż li ġie taħt idejn il-Maltin li tawh xebgħa kbira. Sfortunatament dan is-suldat kien marid bit-tuberkolożi (mard fil-pulmun) u miet l-isptar xi xahar wara. Issa l-folla reġgħet ħebbet għad-Daily Malta Chronicle u din id-darba l-istamperija ġiet mogħtija n-nar. Reġa’ ġie attakkat ukoll il-Każin Maltin.

Wara ftit ħin li s-sitwazzjoni dehret ħa tikkalma, ċorma nies ħebbew għad-dar tal-Kurunell Franċika importatur tal-qamħ u president tal-Kamra tal-kummerċ. Kien bniedem ieħor responsabbli għall-prezz għoli tal-ħobż. Il-folla daħlet fid-dar ta’ Franċika u għamlitha ħerba, kien hemm ukoll min ħa l-opportunita` biex jisraq affarijiet prezzjużi. Issejħu suldati Maltin tal-King’s Own Malta Regiment li iżda ma setgħux jikkontrollaw il-folla. Malajr waslu fuq il-post stakkament ta’ Marines Ingliżi. Fil-konfużjoni indarab KARMENU ABELA li kien hemm biex ifittex lil ibnu u mhux biex jipprotesta. Marine Ingliż ordna lil Abela jitlaq mill-post iżda dan irrifjuta u l-Marine Ngliż tah daqqa ta’ bajjunetta; Karmenu Abela miet xahar wara bil-ferita li ġarrab. Fil-għaxija ġie attakkat ċertu Farrugia li kellu magna tad-dqiq fil-Ħamrun. L-għada, disgħa ta’ Ġunju xi Maltin ħebbew għal magni tad-dqiq fil-Marsa fejn insterqu 200 xkora dqiq kif ukoll magni tad-dqiq fiż-Żejtun, Ħal-Qormi u r-Rabat. Xhieda ta’ kemm il-Maltin kienu mxebbgħin mill-iskarsezza u l-għoli ta’ l-ikel.

Il-funeral ta’ tlieta mill-vittimi sar it-Tnejn 9 ta’ Ġunju. Il-ġurnali ġew ordnati mill-gvern biex ma jiktbu xejn dwar dak li ġara. Minkejja dan eluf kbar ta’ Maltin ħonqu t-toroq tal-Belt biex jagħtu l-aħħar tislima li dawk l-Maltin li xerrdu demmhom għall-kawża Maltija.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.