Emigranti Ħalluqin fl-Amerika – (1920/21)

//Emigranti Ħalluqin fl-Amerika – (1920/21)
Emigranti Ħalluqin fl-Amerika – (1920/21) 2018-01-06T23:53:42+00:00

L-Istandard Amerikan għalaq 85 sena fl-2006. Grazzi lill-emigranti Ħalluqin partitarji ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija.

Fit-12 ta’ Novembru 1903 il-Gvernatur Ingliż ta’ Malta, Sir Charles Mansfield Clarke laqqgħa l-Assemblea Nazzjonali fejn iddikjara li kien hemm problema bil-popolazzjoni ta’ Malta li fl-1901 laħqet l-184,742 persuna. Huwa qal li Malta kienet l-iktar pajjiż b’ densita ta’ popolazzjoni fid-dinja. Din is-sitwazzjoni kienet ser toħloq problema għall-Gvern Kolonjali Ingliż u kelllhom jittieħdu xi miżuri biex il-problema tittaffa.

Fejn qabel il-Maltin kienu jaraw x’jagħmlu biex joħolqu kummerċ ma’ pajjiżi fil-Mediterran, il-filosofija tax-xogħol inbidlet għal dipendenza kważi totali fuq xogħol mogħti mill-Gvern Kolonjali. Wara li nfetaħ is-Suez Canal fl-1869 il-port tal-Belt Valletta ra ‘boom’ kbir ta’ xogħol, iżda b’ Algiers u Tunes ikkontrollati mill-Franċiżi l-port tagħna beda jnaqqas mix-xogħol li kellu. Il-Gvern Ingliż beda jnaqqas in-nefqa tiegħu fuq pajjiżna li sal-1911 fissret telf ta’ 400,000 sterlina fis-sena għall-industrija maltija.

Il-ħaddiema maltin bdew isibuha diffiċli biex jaħdmu f’pajjiżna. Dan wassal lil dawn il-ħaddiema biex bdew jaħsbu biex jemigraw u jsibu xogħol f’pajjiżi oħra. Dan il-Maltin kienu ġa għamluh qabel, hekk insibu li diġa kien hemm kolonji maltin ġewwa Tunes, I-Egittu u l-Alġerija.

L-influenza tal-Gvern Kolonjali serviet biex l-emigranti bdew imorru f’pajjiżi b’konnessjoni ma’ l-Imperu Ingliż. L-aktar pajjiżi li fihom marru emigranti kienu l-Amerika u l-Awstralja. F’dan l-artiklu ser nikkonċentra fuq l-emigrazzjoni lejn l-Amerika, u speċjalment fuq ittra partikulari ta’ membru ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija li tmur Ilura sal-1920.

Il-Maltin u emigranti oħra minn pajjiżi differenti kienu jagħmlu l-ewwel kuntatt mal-ħolma Amerikana meta jinżlu fuq Ellis Island. Nistgħu ngħidu li ma tantx kienet ħolma għax din Ellis Island kienet gżira ta’ kwarantina fejn l-emigranti kollha kienu jiġu eżaminati għal xi mard. Kienu ħafna li anqas biss rifsu ġo l-Amerika peress li min jinstab b’xi tip ta’ mard kien jintbagħat lura. Dawn l-emigranti kellhom ukoll juru li għandhom biżżejjed flus biex jistgħu jgħixu fil-pajjiż kif ukoll jippruvaw li kellhom kuntatt (persuna oħra) li huma setgħu jmorru joqgħodu għandha. Mhux hekk biss iżda dawn l-emigranti riedu jkunu jafu jitkellmu bl-Ingliz peress li l-Gvern Amerikan kien għadda ligi l-‘Literacy Test Act’ biex irażżan l-influss ta’ ażjatiċi li kienu jitqiesu bħala l-‘Yellow Peril’.

Bdew jidhru ħafna artikli fuq il-gazzetti lokali, minn emigranti fejn qalu kemm kienet għażla tajba l-emigrazzjoni lejn l-Amerika. Kienu ħafna li kitbu lil qrabathom li ġa kienu qed jgħixu l-Amerika, biex jiktbulhom dwar il-ħajja f’dan il-pajjiż. Hekk għamel Franġisku Merċieċa li kiteb lil Giuseppe Sultana fejn dan ta’ l-aħħar bagħtlu din l-ittra lura li ġġib id-data ta’ l-20 t’Ottubru 1920. Giuseppe Sultana huwa missier Charles Sultana wkoll membru tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija.

Emigranti Ħalluqin fl-Amerika

Emigranti Ħalluqin fl-Amerika

Mir-riċerki li għamilna għand l-‘American Family Immigration History Center’ ta’ Ellis Island jirrizulta li Giuseppe Sultana wasal l-Amerika fl-4 ta’ Mejju 1920 ta’ 20 sena u kien għazeb. Il-vapur li baħħar bih lejn l-Amerika kien il-‘Leopoldina’ u telaq minn Le Havre fi Franza għal New York. In-numru ta’ Giuseppe Sultana fuq il-manifest tal-vapur kien in-numru 5. Dan juri li Giuseppe kellu 40 dollar fil-but u kien sejjer joqgħod għand Andrea Cassar go Detroit Michigan. Andrea Cassar kien membru ieħor tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Skond il-manifest tal-vapur jidher li kienu diversi l-Ħalluqin li kienu ma’ Giuseppe fuq dan il-vjaġġ u l-maġġoranza tagħhom kellhom lil Andrea Cassar bħala l-kuntatt tagħhom.

Il-Vapur

Emigranti Ħalluqin fl-Amerika

Emigranti Ħalluqin fl-Amerika

Il-Vapur li biħ baħħar Giuseppe Micallef kien mibni mit-tarzna ‘Blohm & Voss’ f’Hamburg il-Ġermanja fl-1902. B’tunnellaġ ta’ 12,334, twil 550 u wiesgħa 62 pied. Kien jesgħa 2,102 passiġġier (333 fl-ewwel klassi, 169 fit-tieni klassi u 1600 fit-tielet klassi).

Ġie mibni għal ‘Hamburg-American Line’ taħt bandiera Ġermaniża bl-isem ‘BLUCHER’ u kien jservi r-rotta bejn Hamburg- New York u Hamburg – Amerika Latina. Fl-1914 ġie maqbud mill-Gvern Brażiljan u fl-1917 ngħata l-isem ‘LEOPOLDINA’. Fl-1923 ġie trasferit taħt bandiera Franċiża u ssemma ‘SUFFREN’. Serva fir-rotta bejn Le Havre – New York sal-1928 fejn fl-1929 ġie skrappjat fl-Italja.

L-Ittra

Is-sabiħ ta’ l-ittra ta’ Giuseppe Sultana, hu kif bi kliem sempliċi ta’ firxa wiegħsa ta’ x’kien qed jiġri madwaru, fl-Amerika, u kif ukoll, il-ħsibijiet li kellu dwar l-użanzi tal-Amerikani ta’ dak iż-żmien. L-ittra ta’ Giuseppe Sultana tghid hekk:

‘Parrin mela għedtli biex ngħidlek xi ħaġa fuq l-Amerka mela ismagħni tajjeb qisek qiegħed ħdejja. Bħal dan il-mument hawn taħwid kbir mhux ta min jitlaq minn Malta speċjalment dawk li jkunu jaħdmu għax hawn anki x-xogħol naqas ħafna u dan kollu minħabba l-president li sa jsir għax il-fabbriki jibżgħu li jraħsilhom ix-xogħol għaldaqstant ma jridux jagħmlu xogħol fuq ir-riħ għax jitilfu ħafna flus u jekk iraħsilhom ix-xogħol torħos il-ħajja u l-paga ukoll din hi r-raġuni.

Il-klima ma tantx hi tajba speċjalment għal dawk li jbagħtu bl-uġieħ ta’ras imma jien al grazzja t’Alla qatt ma ħassejt xejn u x-xogħol aktarx kollu daqxejn iebes għax trid tkun ħafif daqs rixa imma la tidhra ma hu xejn u inkwantu divertiment għal Maltin ma tantx hawn għax il-maltin id-divertiment tagħhom huma l-festi bħalma taf int u id-divertiment ta’ hawn taf x’hinu tiġri u ddur teatri , cinematografi , kummidji, imma t-teatri ma humiex serji bħal ta’ Malta ma tarax ħlief żfin ta’ nisa dimonjijiet tista’ taħseb kemm nidħak, ma nafx fhimtnix insomma xejn ma nghidlek bil-mod tarani lejn Malta.

Parrin qis li dak l-istandart li bagħtnielkom iżżanżnuh qabel ta’ l-ajkla għax taf kemm qegħdin iħabirku biex jigbruh u sa jiabgħtuh mill-Amerka ma humiex sa jagħmluh Malta.’

M’għandi xi ngħidlek iżjed ħlief inselli għalik ħafna u għal familja kollha speċjalment għal Nazzarenu u għal Giuseppi u sellili għal ħbieb tal-Każin għal kulħadd

Jiena u l-filjoz
Joseph Sultana

Fil fatt fl-1920 kien hemm l-elezzjonijiet ġewwa l-Amerika fejn rebaħ ir-repubblikan Warren G Harding. L-fabbriki kienu joqgħodu lura f’dawn iż-żminijiet għax kienet tinħoloq inċertezza ta’ kif se jmexxi l-pajjiż il-president il-ġdid. Ukoll l-Amerika bdiet dieħla f’dipressjoni kbira ekonomika li baqgħet magħrufa bħala l-‘Great Depression’.

F’parti oħra jiddiskrivi l-klima, ix-xogħol manwali u t-tip ta’ divertiment li wiehed seta’ jsib.

Hawnhekk. Giuseppe Sultana jiddeskrivi kemm il-klima hija differenti minn dik Mediterranja tagħna. Ukoll jikkumenta fuq il-produzzjoni fil-fabbriki, xi ħaġa mhux komuni ġewwa pajjiżna. Qed juri ukoll kemm il-Maltin li telgħu baqgħu jgħożżu ddrawwiet Maltin.

Apparti d-drawwiet baqgħu jgħożżu l-festi kif ukoll l-kazini tal-Banda rispettivi. F’din l-ittra Giuseppe Sultana jsemmi standard Amerikan li nġabar mill-membri Ħalluqin ta’ lGħaqda Mużikali Sant’ Andrija u fl-2006 dan l-istandard Amerikan għalaq 85 sena. Tistgħu taħsbu kemm din kienet xi ħaġa kbira dak iż-żmien, speċjalment meta f’Malta flus fl-idejn ma kienx hawn u iktar u iktar meta dan l-istandard kien ġej minn barra minn xtutna. Dawn l-emigranti baqgħu marbuta mal-każin taghna u xtaqu jagħmlu dik ix-xi ħaġa speċjali biex juru l-lejalta u l-imħabba tagħhom lejn l-Għaqda tagħna.

Dan l-istandard Amerikan ġie preżentat mis-soċju, is-Sur Manwel Agius, emigrant ieħor Ħalluqi. Huwa kien ġie Malta mill-Amerika għal xi ftit tal-ġranet għal Festa tal-1921 fejn ippreżenta dan l-istandard.

Emigranti Ħalluqin fl-Amerika

Emigranti Ħalluqin fl-Amerika

F’ritratt li ntbagħat mill-Amerika, jidhru s-soċi li bagħtu dan l-istandard fejn fl-ewwel filliera bil-wieqfa naraw lil N.N, Raphel Micallef (hu il-perit Micallef), Alberto Cassar (Ta’ Sakra), Vezju Cremona (Il-Pizatur) , Indri Saliba (Il-Bajbonu – ex-kaxxier) , Giuseppi Fenech (Missier iċ-Ċinaqqu), Vincenzo Vella (missier il-Quta)

Fit-tieni filliera bil-wieqfa naraw lil Giuzeppi Cremona (Iz-zanz), Emanuel Agius (il-fikus minn taż-Żoqdi), Indri Azzopardi (Ta Dadu), Nazzareno Grima (Tal-Bansa), Mikiel Grima (Tal-Bansa), Mikiel Galea (Ta’ Duminka), Salvu Psaila (hu Mrs. Psaila)
Fit-tielet filliera bilqegħda naraw lil Kelinu Ellul (Ta’ Pepija), Leone Cauchi, Grezju Schembri, G Spiteri, Indri Fava, Indri Cassar (Ta’ Sakra), Guzeppi Sultana (Ragel ta’ Randa li qrajna l-ittra tiegħu fdan l-artiklu).

Quddiem fir-ritratt naraw lil G Micallef, Rosario Ellul (missier Leonard Ellul ħu Mikiel ta’ Pepija), Guzeppi Demicoli (Iż-żiffa) u Mikelang Psaila (Kalanċ tal-faħam).

Riferenzi u Kuntatti

Fr Lawrence E.Attard: Early Maltese Emigration (1900-1914), Gulf Publications, 1983
The Statute of Liberty-Ellis Island Foundation Inc
Ġrajjiet mill-Ħajja tal-Każin tal-Banda Sant’ Andrija – 1952
Grazzi lil dawn is-Sinjuri tal-għajnuna – Charles Sultana, George Bondin , Johnny Cassar Briffa, Reno Camilleri u Carmelo Baldacchino.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
buy augmentin 875 mg Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.