Għeluq is-60 Sena tal-Bradella tal-Marbut (1923–1983)

//Għeluq is-60 Sena tal-Bradella tal-Marbut (1923–1983)
Għeluq is-60 Sena tal-Bradella tal-Marbut (1923–1983) 2018-01-06T22:31:50+00:00

Fil-Ġimgħa l-Kbira tas-sena 1922, jiena u ħames Żgħażagħ oħra ħbieb tiegħi, konna ftehimna li nerfgħu fil-vara tal-Marbut. Għedna lil Dun Karm Vassallo, li dak iż-żmien kien Prokuratur tal-Ġimgħa l-Kbira biex iħallih f’idejna u għas-sena ta’ wara nagħmlu bradella ġdida ta’ l-injam tal-ġewż bl-iskultura. Il-vara tal-Marbut kienet l-isbaħ vara mis-sett kollu tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Ħal Luqa.

Il-Marbut

Konna rfajna fih dik is-sena 1922, imżejjen bix-xema’ u bil-fjuri, bid-dawl ta’ l-aċitelena kif tassew kien jixraqlu. Dun Karm, b’dik id-daħka, kien aċċetta li jħallih f’idejna u wara li għaddiet il-Ġimgħa l-Kbira tas-sena 1922, spiss konna niltaqgħu, determinati li nagħmlulu bradella ġdida u nżanżnuha għall-Ġimgħa l-Kbira ta’ l-1923.

Aħna s-sitt żgħażagħ li konna ta’ sittax jew sbatax-il sena; konna jiena, Giorgio Farrugia, Giovanni Spiteri, Giovanni Ellul, Giuseppe Demicoli, Giuseppe Galea (il-lum kollha mejtin); konna ilna niġbru bejnietna sixpence (2c 5m) fil-ġimgħa kull wieħed minn qabel il-Ġimgħa l-Kbira ta’ l-1922. Konna niltaqgħu flimkien kull nhar ta’ Sibt u kienu għażlu lili bħala l-leader u l-kaxxier tagħhom. Fix-xahar ta’ Lulju 1922, ftehimna li għandna nkellmu lill-imgħallem Luqa Grixti, li disa’ snin qabel, kien ħadem il-bradella u l-bankun ta’ Sant’Andrija biex naraw jaċċettax li jaħdimhielna hu u jekk jaċċetta jagħmlilna disinn tagħna.
Konna morna d-dar tiegħu biex inkellmuh, lili kien jafni minn mindu kont għandi tifel żgħir u kien iħobbni ħafna. Meta wrejtu l-ħsieb tagħna, li rridu nagħmlu l-bradella tal-Marbut, qabad jidħak. Kien diġà sema’ li rridu nagħmlu din l-opra hekk sabiħa, imma billi konna għadna sitt itfal, kulħadd ħadna biċ-ċajt u kienu qalgħuhielna ‘Tal-Marbut’. L-imgħallem Luqa xtaq li jikkuntentana u qalilna li kien fadallu xi injam tal-ġewż minn tal-bradella ta’ Sant’Andrija u wegħedna li jaħdimhielna; għalhekk tlabnieh biex jagħmilna d-disinn tagħha.

Meta kien uriena d-disinn, b’dak it-tond fin-nofs tal-faċċati, dekorati bl-iskultura, kompla mliena bil-kuraġġ u għednielu li għall-Ġimgħa l-Kbira ta’ l-1923 ilestihielna, kif fil-fat lestieha u żanżannieha u ħriġnieha fil-purċissjoni fit-28 ta’ Marzu, 1923. Jien kont ħdmit ukoll dawk l-erba’ gandilabri jixegħlu bl-aċitelena. Kont għedt liz-ziju tiegħi Giuseppe Ciappara biex jaħdmilna l-girlanda u aċċetta bil-qalb kollha. Id-dawl ħallejnieh f’idejn Toninu Cassar u biex ma ntawwalx kollox irnexxa. F’Ħadd il-Palm ta’ l-1923 konna rmajna b’kollox fil-ħanut ta’ l-imgħallem Luqa u ħadnielu ritratt. Fl-Erbgħa tat-Tniebri, 26 ta’ Marzu fis-sitta ta’ fil-għaxija ħadnieh purċessjonalment mill-ħanut sal-Knisja fost l-għajat tat-tfal: “Oħorġu araw x’ġej!”

Noè Ciappara

(Artiklu meħud minn Leħen il-Parroċċa Ħal Luqa Marzu 1983)

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.