Ġimgħa l-Kbira

//Ġimgħa l-Kbira
Ġimgħa l-Kbira 2018-01-06T22:38:53+00:00

Il-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Luqa tul iż-żminijiet.

Il-Bidu

Il-Bidu tal-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Luqa jmur lura għas-seklu tmintax fejn ċerta Marija Rosa Ellul fit-Testment tagħha tat-28 ta’ Mejju 1775, ħalliet dar lil ħuha Mikelanġ bil-kundizzjoni li jagħmel statwa tal-Veronika. Din l-istatwa kellha tinżamm fid-dar ta’ Mikelanġ iżda fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa kehha tittella’ l-Knisja u tintrama.

Fis-27 ta’ Mejju tal-1784, Ġużeppi Ellul fit-Testment tiegħu ħalla għalqa kbira bħala legat lill-Knisja Parrokkjali. Bir-renti ta’ din l-għalqa, Ellul ried li tibda il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bil-vari tal-Passjoni.

B’hekk nistgħu ngħidu li l-Purċissjoni f’Ħal Luqa ilha ssir ‘il fuq minn mitejn sena.

Prokuraturi

Fis-sena 1795, l-Isqof Vincenzo Labini ħatar lil Dun Franġisk Cassar bħala Prokuratur. Sal-1928 il-Prokura kienet titmexxa minn qassis. Iżda wara din is-sena il-Prokuratur beda jkun wieħed lajk. Bejn 1928 u l-1990 il-Prokura tmexxiet minn tliet lajċi li keinu:

Giacomo Cassar 1928-1933
Antonio Cassar 1934-1979
Johnny Cassar Briffa 1980-1990

L-aktar li dam fil-kariga kien is-Sur Antonio Cassar li baqa’ Prokuratur sakemm miet. Fl-1990, il-Kurja ta’ l-Arċisqof ħarġet digriet fejn tgħid li meta Prokuratur jirtira jew imut, il-Prokura tiġi awtomatikament mgħoddija lill-Kappilan jew qassis. Wara l-1990, il-Prokura għaddiet f’idejn Dun Karm Żammit fuq suġġeriment tal-Presbiterju Parrokjali. Għalhekk is-Sur Cassar Briffa kien l-aħħar Prokuratur lajk kemm f’Ħal Luqa kif ukoll f’Malta.

Fit-3 ta’ Jannar ta’ l-1995, waqt laqgħa mal-Kurja, il-Kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Alfred Vella kien iċċara il-kwistjoni tal-Prokura fejn intqal li l-Kappillan huwa l-Prokuratur iżda jiddelega lil Dun Karm Żammit biex jieħu ħsieb l-parti amministrattiva u finanzjarja u l-organiżżazzjoni tal-Purċissjoni. Jgħinuh f’dan ix-xogħol hemm grupp ta’ voluntiera li jieħu ħsieb ukoll l-armar tal-vari, l-ilbies u l-organiżżazzjoni tal-Purċissjoni.

Il-Vari

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

L-ewwel tibdil fis-sett antic sar fl-1830 fejn uħud ġew irrestawrati filwaqt li oħrajn saru ġodda.

Ix-xogħol kollu kien sar minn Ġużeppi Vella mill-Belt. Fl-1884 inħadem il-monument, dak li nafu llum. L-iskultura saret minn Ċensu Decandia filwaqt li l-istatwarju Bormliż Karlu Darmanin ħadem l-erba’ kerubini li hemm f’kull kantuniera.

Fis- seklu 19, kienet l-użanza li l-vari jinżammu fid-djar privati matul is-sena izda mbgħad bdew jintrefgħu f’maħżen. Fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, dan il-maħżen iġġarraf u l-vari ġarrbu ħsarat kbar. Wara l-gwerra ttieħdu f’garaxx numru 43 fi Triq id-9 t’April u ġew irrestawrati minn Karmnu Mallia ta’ Ħal Qormi u Karmenu Robinich ta’ Raħal Ġdid.

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Fost l-aktar li ġarrab ħsarat, kien il-Monument li nġabar biċċiet u kien irrestawrat minn Amelio Giusti mill-Birgu filwaqt li l-induratura saret minn Paolina Bugeja u William Attard mir-Rabat.

Qabel ma daħal id-dawl elettriku, il-vari kienu jinxtegħlu bl-aċitelena. Imbagħad bejn l-1951 u l-1952, inħamu l-brazzi li nafu llum. Sa l-1972 is-sett tal-vari kien ta’ tmienja, iżda fl-1973, żdiedet statwa ġdida li kienet dik tat-Tradiment ta’ Ġuda. L-istatwa nħadmet mill-imgħallem Ġlormu Dingli. Dingli uża stil kemmxejn innovattiv minn vari oħra bl-istess suġġett għax filwaqt li fil-maġġoranza tagħhom dawn il-vari kienu jġibu lil Ġuda jbus lil Kristu, l-vara ta’ Ħal Luqa tirrappreżenta lil Ġuda ħosbien bil-figura ta’ Kristu ħdejh. Għal din l-okkażjoni iż-żewġ baned ta’ Ħal Luqa Sant’ Andrija u l-Unione daqqew marċi funebri filwaqt li akkumpanjaw il-vara sal-Knisja. Din l-istatwa tħallset mis-Sur Joe Bonnici.

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Sena wara fl-1974, sar xi restawr fuq il-vari l-oħra fosthom fuq l-Ecce Homo li kien irrestawrat minn Gilormu Dingli. Għall-ewwel darba fis-sena 1976 Dun Karm Zammit beda jagħmel kummentarju dwar il-Purċissjoni. Din l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna u għadha ssir sal-lum.

Fl-1995 inħass il-bżonn li jinbeda program ta’ restawr fuq il-vari. Instab li xi wħud minnhom kellhom bżonn jiġu mibdula. F’rikors li tressaq lill-Kurja tal-Arċisqof kien spjegat li fit-tieni gwerra dinjija, il-vari ġarrbu ħsarat kbar u wara ġew irranġati temporanjament. Dan kollu, flimkien maż-żmien twil li għadda minn fuqhom, wasslu biex uħud mill-vari kellhom ħsara kbira.L-artist Renzo Cauchi ta’ Ħal Tarxien, kien magħżul bie jagħmel ix-xogħol kollu li kien hemm bżonn.

Fl-1996, kien irrestawrat il-Kurċifiss tal-Vara l-Kbira filwaqt li San Gwann u l-Madalena saru ġodda. Inbidel ukoll is-Salib tal-injam. Sena wara saret l-istatwa l-ġdida tad-Duluri flimkien mal-bradella u l-bankun. Ix-xoghol tal-bankun u l-bradella sar mill-Imghallem Guzeppi Galea. L-ispejjeż ta’ dawn kollha ħariġhom Dun Karm Zammit.

L-istatwa tad-Duluri l-qadima għada tinżamm esposta f’remissa fi Triq il-Parroċċa matul is-sena kollha. Fl-istess sena iżżanżnu wkoll il-bradella u l-bankun tal-vara l-Kbira. L-ispejjeż tal-istatwa tad-Duluri ħariġhom il-Prokuratur Delegat Dun Karm Zammit. Ir-reffiegħa tal-vara tar-Redentur ħarġu l-ispejjeż biex kienet irrestawrata din l-istatwa filwaqt li sar bankun ġdid ukoll maħdum minn Ġuzeppi Galea.

Il-bradella li fiha xogħol sabiħ ta’ skultura u interzjar kienet irrestawrata fl-istess sena. Sar ukoll restawr fuq il-Korp tal-Monument. L-ispejjeż ta’ dan ir-restawr ħarġuh l-aħwa Jonas u Victor Caruana. Il-programm ta’ restawr kompla fl-1998 meta ġie deċiż li ssir statwa ġdida tal-Veronika. Din tlestiet sena wara u tbierket mill-Kappillan Dun Joe Camilleri lejliet Ħadd il-Palm ta’ l-istess sena. Fis-sena 2000 saret statwa ġdida ta’ Ġesu’ fl-Ort tal-Ġetsemani minflok dik il-qadima. Saru wkoll bradella u bankun ġodda li nhaddmu minn Charlie Psaila bi skultura ta’ Renzo Gauci. Fl-2001 inbidlu l-bradella u l-bankun tal-istatwa ta’ Guda li kien ghamel Karmnu Psaila. Din inzammet biex tkun tista tintuza fil-futur. Ix-xoghol il-gdid sar minn Charlie Psaila u l-iskultura minn Henry Camilleri.

Fl-2006 sar restawr tal-istatwi tal-Marbut u l-Ecce Homo minn Renzo Gauci u sena wara saru l-bradelli u l-bankuni godda ghal dawn l-istatwi kif ukoll dik tal-Veronika billi kellhom hsara estensiva. Ix-xoghol sar minn Charlie Psaila filwaqt li l-iskultura saret minn Henry Camilleri u kienet lesta minn kollox fl-2011. F’din is-sena sar ukoll ir-restawr tal-erba’ angli li jakkumpanjaw il-Monument bix-xoghol ikun afdat f’idejn Renzo Gauci wkoll.

B’hekk bejn l-1996 u l- 2011 is-sett tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira kellu tibdil kbir. Fl-istess perjodu saru karrijiet bir-roti għal taħt il-vari kollha minflok l-istrippi li kienu qdiemu sew. Saru wkoll karrijiet apposta biex fuqhom jintrefgħu il-bankuni l-ġodda u jkunu jistgħu jinġarru mill-maħżen għall-knisja u lura. Dawn kienu disinnjati minn Anton Grima u John Hili li wkoll għamlu x-xogħol kollu tal-welding li kien hemm bżonn.

Ta’ min jinnota li l-vari l-qodma tal-Ecce Homo, tal-Veronika u ta’ l-Ort jintużaw bħala parti mill-esebizzjoni tal-ilbies li tittella’ f’Dar Agius minn Grupp ta’ voluntiera Gimgħa l-Kbira. Jingħad li l-Kurċifiss li jintrama f’nofs il-kor matul iż-żmien tar-Randan kien jagħmel parti mill-Vara l-Kbira tas-sett il-qadim.

Il-Persunaġġi fil-Purċissjoni

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Maż-żmien minbarra l-vari, bdew jidħlu wkoll diversi persunaġġi li kellhom x’jaqsmu mal-ġrajja tal-passjoni. Qabel il-gwerra konna nsibu is-Salib rustiku magħruf aħjar bħala it-Tronku. Fl-1928 dan beda joħrog fil-Purċissjoni u għadu jintuża sal-lum.

Quddiem il-vara l-Kbira, kienu jieħdu sehem żewġ suldati Rumani, wieħed bil-lanza u l-ieħor bl-isponża, żewġ persunaġġi oħra lebsin ta’ Ġużeppi minn Arimatea u Nikodemu li kienu jieħdu posthom quddiem il-Monument.

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Minbarra diversi persuni oħrajn li kienu jerfgħu l-lanterni u diversi tfal li kienu jilbsu ż-żimarri filwaqt li jerfgħu xi simboli konna nsibu grupp ta’ irġiel u żgħażaġħ li kienu jġorru salib biex ietmmu xi wegħda li jkunu għamlu. Dawn għadna nsibuhom fil-Purċissjoni tal-lum. Iżda qabel il-gwerra minbarra salib, kienu jġorru wkoll ktajjen ma’ saqajhom. Illum il-ġurnata l-ktajjen m’għadhomx jintużaw. Wara l-gwerra il-persunaġġi komplew jiżdiedu.

L-Ilbies Personali

Ħafna mill-ilbies li naraw fil-Purċissjoni ta’ Ħal Luqa huwa kollu inizjattiva ta’ diversi individwi li jagħmlu l-ilbies tagħhom personali. Biex ikun irregolat dan l-ilbies u biex tinżamm ċertu ordni, nhar l-1 t’April tal-1998 il-Kappilan Dun Joe Camilleri waqqaf kumitat ta’ sitt min nies minn fost dawk li jilbsu l-ilbies personali.

Fl-2002 l-istess Dun Joe kien ġabar kollox taħt ir-responsabbilta’ tal-Kappillan bi grupp ta’ volontiera jassistuħ fl-organizzazzjoni tal-Gimgħa l-Kbira. L-ilbies kollu tal-knisja u li kien sar matul iż-żmien kien reġa nġabar fil-knisja u sar ftehim ġdid mal-persuni kollha li għandhom libsa personali li tintlibes fil-Gimgħa l-Kbira.

Matul is-snin żdiedu sew l-ilbies kemm personali kif ukoll oħrajn tal-Knisja. Fost dawn kien hemm il-grupp ta’ suldati bit-tnabar li ħargu fl-1998 filwaqt li fl-2000 żdiedu magħhom grupp suldati bit-trombi li bdew jimxu quddiem ir-Redentur minflok il-Grupp ta’ l-Iscouts. Fl-2006 ħarġu wkoll grupp ta’ suldati Lhud bit-tnabar akkumpanjati minn tfajla ddoqq il-flawt.

Biex aktar ikun apprezzat il-vestwarju fl-1996 bdiet tigi organizzat wirja li issa hadet postha fil-kalendarju tal-Gimgha l-Kbira u li ssir f’Dar Sacerdoti Agius mifruxa fuq zewg sulari. Ikun hemm esebiti wkoll statwi antiki li kienu jintużaw fil-passat fil-purċissjoni.

Is-sehem tal-Baned fil-Purċissjoni

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Sa mill-bidu tat-twaqqif tagħhom lura fl-1883, iż-żewġ baned, Sant’ Andrija u l-Unione dejjem kellhom sehem importanti fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Fis-snin bejn l-1951 u l-1952 il-baned ta’ Ħal Luqa ma daqqewx fil-Purċissjoni minħabba diżgwid li kellhom. Mis-sena 1953 iż-żewġ baned ma baqgħux idoqqu flimkien kif kienu jagħmlu qabel iżda bdew jalternaw is-servizz sena b’sena. Meta kienu jdoqqu flimkien kienu jarmaw żewġ planċieri fi Pjazza Sant’ Andrija. Imbgħad mill-1979, wara li l-Banda tkun daqqet fuq iz-zuntier fil-Ħruġ tal-Purċissjoni, tieħu postha quddiem il-Vara l-Kbira u tkompli takkumpanja b’marċi funebri.

Il-ħlas tal-baned lura lejn l-1935 sas-sena 1939 kien ta’ £1.12s6 kull banda filwaqt li iktar qabel kienu jitħallsu £1.10s. Il-ħlas f’dawn l-aħħar snin huwa ta’ Lm400.

Armar u tiżjin

Bejn l-1974 u l-1976, saru l-irjus tas-Slaleb skolpiti fil-fidda, flimkien mat-tabella INRI, is-sejf tad-Duluri u l-imsiemer tal-Kurċifiss. Saru wkoll id-dijademi tal-Madonna u San Ġwann fil-Vara l-Kbira. L-irjus tal-fidda nsibuhom f’kull salib li hemm fil-vari jiġifieri dawk tal-Ort (tlieta), tlieta mas-Salib tad-Duluri, tleita mal-Kurċifiss tal-Vara l-Kbira u erba’ mas-Salib tar-Redentur. Dawn tħallsu minn diversi benefatturi.

Armar tal-Ġimgħa l-Kbira

Armar tal-Ġimgħa l-Kbira

Fl-1976, żdiedet mal-Purċissjoni l-bandalora tal-bellus irrakmata bid-deheb tal-SPQR. Flimkien magħha nsibu wkoll xogħol tal-fidda immartellat. Il-bandalora l-ohra dik tal-‘Passio Domini Nostri Jesu Christi’ ilha teżisti minn qabel il-Gwerra, iżda fis-snin sebgħin din ġiet irrakmata bid-deheb. Fil-Prċissjoni nsibu wkoll sett ta’ seba’ bandalori vjola li jirrappreżentaw is-seba’ kelmiet ta’ Kristu.

Armar tal-Ġimgħa l-Kbira

Armar tal-Ġimgħa l-Kbira

Qabel, fil-Knisja kien jintrama d-damask iswed, li imbgħad kien jitneħħa f’Sibt il-Għid. Mill-1981 dan tneħħa u minfloku beda jintrama damask aħmar. Fl-1999 bdiet tintrama Pjazza Sant’ Andrija b’sett ta’ sitt antarjoli li fuqhom jittellgħu bandalori b’simbolu tal-SPQR u aktar tard zdiedu bandalori godda bil-pittura li turi simboli tal-passjoni fuqhomQabel, fil-Knisja kien jintrama d-damask iswed, li imbgħad kien jitneħħa f’Sibt il-Għid.

Fis-sena 2002, intramaw għall-ewwel darba sett ta’ slaleb li jinxtegħlu bid-dawl fuq pilastri tal-injam fiż-żewġ pjazez jiġifieri Misraħ Sant’ Andrija u Misraħ il-Knisja. Fis-sena 2004 iżżanżnu għall-ewwel darba żewġ bandalori kbar b’simboli tal-Passjoni għal quddiem il-Knisja.

Fl-2009 kienu mżanżna erba bankuni għall-forċini ta’ l-istatwi tar-Redentur, il-Vara l-Kbira, id-Duluri u ta’ Tradiment ta’ Guda. Dawn inħadmu minn Charlie Psaila u l-iskultura saret minn Henry Camilleri.

Fl-2011 saru sett bandalori ġodda tas-Seba’ Kelmiet minflok dawk li kien hemm qabel. Dawn saru fuq pannu u b’rakkmu tad-deheb maħdum minn George Cassar ta’ Għawdex fuq disinn ta’ Adrian Caruana mill-Qrendi. Dawn il-bandalori se joħorgu għall-ewwel darba fil-purċisjoni tal-2012 meta jkun lest ix-xogħol tal-‘istainless steel’.

Ir-Rotta tal-Purċissjoni

Sa qabel l-1990 il-Purċissjoni kienet tgħaddi minn Triq Sant’ Andrija, ddur lejn Triq San Ġorġ, titla’ minn Triq San Ġużepp, Pjazza tal-Knisja u Pjazza Sant’ Andrija. Iżda minħabba li f’dik is-sena. Triq San Pawl kienet imwessgħa, tressaq suġġeriment li r-rotta titwal. Wara qbil bejn iż-żewġ każini tal-baned, il-Purċissjoni bidet tgħaddi wkoll minn Triq San Pawl, Triq ir-Rixtellu, Triq il-Karmnu għal Misraħ Sant’ Andrija. Fl-1999, tressqet proposta oħra dwar bdil kemm fir-rotta kif ukoll fil-ħin tal-Purċissjoni. Il-proposta intlaqgħet u minn dik is-sena, il-Purċissjoni bidet tgħaddi minn Triq Sant’ Andrija kollha, ddur lejn Triq il-Ġdida, titla’ minn Triq Dun Pawl, ddur lejn Triq San Ġorġ, Triq San Ġużepp u tkompli bħas-soltu.

Għeluq

F’dawn il-ftit versi, rajna kif oriġinat il-Putċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira matul is-snin. Żgur iżda li min jaqra din il-kitba jinduna kemm il-Ħal Luqin minn dejjem kellhom ġibda u mħabba lejn din il-festa. Wieħed iqis li għalkemm din il-purċissjoni intlaqtet mill-ħerba li ġabet il-gwerra f’Ħal Luqa xorta baqgħet issir b’suċċess. Illum aktar minn qatt qabel il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Luqa qiegħda dejjem tikber fl-organizzazzjoni u fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Irridu nżommu quddiem għajnejna li dak li għandna llum, huwa frott ta dak li ħallew missirijietna. Għalekk tajjeb li aħna ngħallmu lil uliedna u lil ta’ warajna dan il-valur kulturali u imprezzanli li jagħmel parti mill-istorja kbira ta’ Raħal twelidna – Ħal Luqa.

Artiklu meħud mill-fuljett tas-Sezzjoni Żagħażagħ ‘Il-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Luqa tul iż-żminijiet’ għall Ġumgħa l-Kbira tal-2004. U aġġornat bix-xogħol li twettaq sal-2011, grazzi għat-tgħarif li għaddielna Joseph Grima.(29MAR2011)

Referenzi

Johnny Cassar Briffa
‘Storja Ħalluqija’ – Kan. Carmelo Zammit
‘Ħal Luqa – Niesha u ġrajjietha’ – Dun Ġużepp Micallef

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.