Il-Bidu tal-Qasam Nru XII – M.U.S.E.U.M – Luqa – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Bidu tal-Qasam Nru XII – M.U.S.E.U.M – Luqa

//Il-Bidu tal-Qasam Nru XII – M.U.S.E.U.M – Luqa
Il-Bidu tal-Qasam Nru XII – M.U.S.E.U.M – Luqa 2018-01-06T22:43:42+00:00

F’din is-sena hekk speċjaIi għalina l-Maltin b’mod partikulari għas-Soċjeta tal-M.U.S.E.U.M, huwa xieraq li nagħtu tagħrif dwar il-bidu tal-fergħa F’Ħal luqa mill-fundatur tagħha, l-Perit Indri Micallef li kien ukoll soċju u bandist fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Dan it-tagħrif hu meħud mill-Ktieb li kien stampat fl-okkażjoni tal-75 sena ta’ ħidma F’Ħal Luqa 1912-1987 mis-Socjeta tal-M.U.S.E.U.M.

Fiż-żmien ta’ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, kien hemm numru kbir ta’ Ħalluqin jaħdmu t-Tarzna. Dawn u ħafna ġuvintur oħra kienu joqogħdu jisimgħu IilI-ewlenin membri tal-M.U.S.E.U.M jagħmlu l-lezzjonijiet waqt il-ħin tal-mistrieħ f’nofsinhar.

Spiru Spiteri u Eugenio Borg kienu spiss javiċinaw lill-ħaddiema ġuvintur minn Ħal Luqa sabiex jissieħbu fl-għaqda ta’ Dun Ġorġ. Sas-sena 1911, kienu diġa nfetħu ħdax-iI dar tal-“Mużew”, It-tnax-iI wieħed kellju jkun ta’ Ħal Luqa.

Perit Indri Micallef

Perit Indri Micallef

Uħud minn dawn iI-ġuvintur Ii ntgħażlu biex jiftħu dar ġewwa r-raħal tagħna kienu: P.P. Sammut, Rafel Agius, Leone Cauchi, l-aħwa Mercieca, u bosta oħrajn. Il-Perit Andrea Micallef, ġuvni eżemplari ħafna u li kien ikun sikwit ma’ Dun Ġorġ, tħajjar hu wkoll biex jidħol fis-Soċjeta tal-M.U.S.E.U.M. Hu stinka ħafna u kien sikwit javviċina l-Kappillan ta’ dak iż-żmien, il-W.R. Dun Anton Vella, sabiex jagħti s-sensja Ii jinfetaħ Qasam ta’ l-Irġiel ġo Ħal Luqa, bħalma sar f’ħafna parroċċi oħrajn. Il-Kappillan Vella ma sab ebda diffikulta li jinfetaħ Qasam fir-raħal, għall-ġid tal-parruċċani tieghu. Imma l-Kappillan uriehom, mingħajr tlaqliq, Ii t-taghlim tad-Dutrina tat-tfal subien ma kienx fi ħsiebu jitilqu minn taħt idejh, għax, kien igħid: “Li t-tagħlim tat-tfal huwa responsabbilta kbira wisq quddiem Alla; fuq spallejn il-Kappillan”. U kellu raġun. Kienet is-sena 1912. Il-Perit Micallef kien spiss jiltaqa’ ma’ dawk il-ġuvintur li semmejna, u magħhom issieħbu wkoll Gio. M. Ellul u Salvu Cauchi. Dawn it-tnejn kienu ghalliema fl-iskola tal-Gvern tar-raħal. Tħajjar ukoll Carmelo Sapiano, bniedem dehen fil-lingwa Taljana. Dan kien novizz Kapuċċin, imma l-volonta t’Alla wrietu triq oħra, u għalhekk ma kompliex.

Dak iż-żmien, f’Ħal Luqa kien hawn ħafna djar battala għall-kiri. Għalhekk, iddeċidew li jikru post għal-laqgħat ta’ bejniethom, u anke sabiex jiġbru lit-tfal subien, ħalli jgħallmuhom id-Dutrina. Għalhekk, inħasset il-ħtieġa li jinkera post fi Sqaq Nru. 5, Triq Sant’ Andrija. Dan il-post kien jikkonsisti f’intrata kbira u wiesgħa, kbira daqs remissa. Ġewwa, fin-naħa tal-lemin, kien hemm bieb, li kien jagħti għal ġo bitħa kbira ħafna. Kien hemm siġra kbira, imxebilka mal-ħajt. B’ħafna fjuri ċelesti, li kien fihom għaxqa kbira. Ġo din il-bitħa, kien hemm ukoll kamra kbira, b’ħafna ħnejjiet. Il-post infetaħ fl-20 ta’ Mejju 1912.

Kien is-Sajf tas-sena 1912, meta bdew jiltaqgħu il-ġuvintur li issieħbu mas-Soċjeta. Iltaqgħu fid-dar tal-Museum u bdew isiru xi lezzjonijiet, skond iI-finijiet u r-regolamenti tas-Soċjeta. Ċertu soċju mill-Ħamrun, jismu France Calleja, kien jitla’ Ħal Luqa sabiex jagħti daqqa t’id. Calleja kien suldat mal-K.O.M.R. Ġieili ġie dritt mix-xogħol, bl’ uniformi fuqu. Dan kien wieħed mill-ewlenin soċji tal-Qasam tar-Raħal, b’esperjenza kbira fl-appostolat tal-M.U.S.E.U.M. Kien ħajjar ukoll lil wieħed minn sħabu, suldat ukoll, li kien joqgħod ir-Rixtellu. Dan is-suldat, li kien mir-raħal, kien twil ħafna, u kien magħruf bħala c-Chaley.

Is-soċju Calleja kien ħadem u rsista ħafna biex jagħti egħruq tajba u sodi lid-Dar ta’ Ħal Luqa. Dan beda jiġbor it-tfal u jeħodhom il-Museum. Dik is-sena, l-Ewwel Tqarbina saret fit-22 ta’ Mejju, 1912. Kienet is-sena li fiha l-Qaddis Papa Piju X kien ta l-permess lit-tfal biex ikunu jistgħu jagħmlu I-Ewwel Tqarbina fl-eta ta’ 7 snin.

Is-soċju Calleja beda l-attendenza tal-Qasam b’sebgħa jew għaxart itfal. Kien jeħodhom il-Museum, ipoġġihom bil-qiegħda fil-bitħa u jgħallimhom dawn iż-żewġ versi:

“Ejjew, ejjew, ejjew,
Ejja mmorru sal-Muzew.
Nitgħallmu d-duttrina,
San Gużepp jitlob għalina.”

Wara li kien jgħallimhom dan, kienu jmorru mat-toroq tar-raħal, ikantaw: “Ejjew, ejjew, ejjew…” U oħrog il-għaġeb, sakemm jaslu l-Museum, kien ikollhom ċorma kbira tat-tfal tgħajjat warajhom. Ġol-Qasam, imbagħad, kienu jgħallmuhom id-Duttrina. Dan kien il-bidu, tista’ tghid, tal-Qasam ta’ Ħal Luqa.

Id-Duttrina tat-tfal subien kienet issir kuljum fil-Knisja Parrokkjali, wara l-Barka Sagramentali ta’ fil-għaxija. Wara I-Barka, kienet tindaqq mota ta’ tletin tokk bil-¬qanpiena “x-Xiħa”, sabiex jinġabru t-tfal subien fil-knisja, għat-tagħlim tad-Duttrina.

Il-katekisti għat-tfal kbar, dawk ta’ fuq it-tnax u l-ħmistax-il sena, kienu Dun Gużepp Baldacchino u Dun Piet Demiċoli. Dawk it-tfal ta’ bejn is-sitt snin u t-tnax-il sena kienu jgħallmuhom is-sekulari, aktarx l-abbatini. Meta jagħlqu tnax-il sena, kienu jgħallmu lit-tfal li kienu ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Kienu jgħallmuhom l-Anijiet tal-Fidi, Tama, Imħabba u Ndiema. Nhar ta’ Ħamis, iI-Kappillan Vella kien jiġborhom ilkoll fil-korsija tal-knisja u kien jispjegalhom ċerti punti tad-Duttrina. Kien itellagħalhom xi premju darba fix-xahar. Kien jagħżel żewġt itfal u jgħallimhom xi poeżiji, forma ta’ djalogu. Tifel minnhom isaqsi, u l-ieħor jirrispondi. Dan il-metodu ma nbidilx sakemm dam Kappillan fil-parroċċa. It-tagħlim tad-Duttrina fil-M.U.S.E.U.M lit-tfal subien kien isir fis-Sajf biss. Kienu jinġabru l-“Muzew” għal xi s-6.00 p.m. u kienu jdumu sa xis-7.00 p.m. Xi kultant kien ikun hemm xi intervall żgħir b’xi ċajta minn xi soċju. Nhar ta’ Ħadd, wara l-Barka. Ġieli ħarġu għal xi passiġata Andrea Micallef u Gio Maria Ellul fl-1914 marru jiftħu il-Museum tal-Gudja.

Fit-Triq tal-Belt, Strada S. Paolo kien hemm dar kbira ħafna li kienet battala. Kellha ġnien magħha, u ħassew Ii kienet tajba bħala Qasam. Din kienet ta’ sacerdot, Dun Baskal Buhagiar, li kien miet fis-sena 1900. Baqgħet vojta, u I-Perit A. Micallef u sħabu s-soċji tħabtu ħafna. Sa fl-aħħar krewha, naddfuha u rranġawha kif setgħu sabiex jagħmluha dar xierqa biex tilqa’ fiha t-tfal. Fil-fatt, din id-dar irnexxiet ħafna, u kienet għal qalb ta’ kulhadd.

F’din id-dar bdew isiru l-lezzjonijiet kif suppost, bdew isiru l-irtiri tas-Soċjeta, u anke bdew isiru l-Qagħdiet tal-barranin. Is-Superjur magħżul kien il-Perit A. Micallef.

F’dan il-Qasam il-ġdid, kien hemm ħafna soċji, u kienu jattendu ħafna u ħafna tfal; it-tagħlim tad-Duttrina kien isir fis-Sajf biss, kif diġa’ ingħad qabel. Imma s-Superjur Micallef kien avviċina lill-Kappillan Vella sabiex jagħtih permess li nhar ta’ Ħadd fil-għodu, jiġbor it-tfal subien għall-Quddiesa u jitqarbnu fiha. Il-Kappillan laqa’ din it-taIba bil-pjaċir kollu, u hawnhekk kien il-bidu ta’ l-użanza li tal-M.U.S.E.U.M jiġbru t-tfal għall-Quddiesa u t-Tqarbina flimkien, kif għadu jsir sal-lum.

Fil-ġurnata tal-Ħadd, wara l-Quddiesa, is-soċji kienu jagħmlu sagrifiċċju u jnaddfu l-Qasam minn fuq s’isfel. Imbagħad, għal xi l-10.00 a.m., kienu jibdew il-programm tal-ġurnata. Wara nofsinhar, is-Soċji, flimkien mat-tfal kienu jinġabru l-knisja għall-Katekiżmu u l-barka. Imbagħad, kienu jmorru għall-passiġġata. Din kienet tkun jew għal Ħal Saflieni jew inkella għal xi post ieħor. Wara l-passiġġata, kienu jinġabru fil-kappella sabiex ikantaw flimkien il-“Mons Domini”.

Wara l-Qagħda ta’ l-irġiel, is-Superjur Micallef kien jirreċita 7 Ave Maria f’ġieħ is-7 Duluri ta’ Marija Ssma. Kien igħidhom b’dan il-mod: “F’ġieħ l-ewwel Dulur ta’ Marija Ssma.; Sliema għalik, Marija…”.

Minn dejjem, kull nhar ta’ Erbgħa, is-soċji kienu jmorru l-Qasam tal-Ħamrun għal-Laqgħa Ġenerali.

Fi Triq Brittanika (illum Triq Pawlu Magri), nru. 3-4 kienet toqgħod ċerta Gużeppa Monpalao. Meta mietet, fl-1917, din id-dar tbattlet mill-werrieta tagħha u riedu jikruha.

Il-membri tal-M.U.S.E.U.M, billi din id-dar kienet iktar viċin għall-Knisja milli d-dar kbira li kellhom, tħajru jikruha. Dak iż-żmien, il-kera kien irħis ħafna, kważi b’xejn. Għalhekk, ġie deċiż li joħorgu mid-dar ta’ Triq San Pawl u jmorru fi Triq Brittanika, fid-dar mikrija lilhom mingħand il-werrieta ta’ Monpalao. Meta s-soċji daħlu għall-ewwel darba ġo din id-dar, is-Superjur Micallef kien inbidel. Minfloku, laħaq Superjur Rafel Agius; is-soċji kienu Carmelo Sapiano, G. M. Ellul, Noe Ciappara, Andrea Vassallo, l-aħwa Pawlu u Indri Camilleri u ħafna ġuvintur oħra.

Minn hawn ‘il quddiem is-soċji tal-Museum komplew jaħdmu u jkabbru l-fergħa ta’ Ħal Luqa biex tilqa’ għall-bżonnijiet dejjem akbar tar-raħal ta’ Ħal Luqa. Minn Triq Brittanica marru f’post ieħor fl-istess triq sakemm marru fil-post fi Triq ir-Rixtellu li kien tat-tabib Bartolo. Dan kien wegħdhom li jikrihulhom, iżda laħaq miet. Wara mewtu s-soċji infurrnaw lill-mara tiegħu b’dan, u bil-kontentizza tat-tieni raġel tagħha Antonio Micallef din taghtulhom b’ċens fis-sena. Il-qasam ta’ Ħal Luqa għadu f’dan l-istess post sal-lum għalkemm l-post twaqqa’ u reġa’ nbena mill-ġdid għall-bżonnijiet tal-ġurnata tal-lum.

Fl-isem il-familji Ħal Luqin kollha nirringrazzjaw lis-Soċji tal-M.U.S.E.U.M għat-tagħlim u l-formazzjoni Nisranija li jagħtu lit-tfal tagħna u nitolbu lill-San Ġorġ Preca iżomm idejh fuqna.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.