Il-Kwadri tal-Qalb ta’ Ġesu u tal-Madonna taċ-Ċintura

//Il-Kwadri tal-Qalb ta’ Ġesu u tal-Madonna taċ-Ċintura
Il-Kwadri tal-Qalb ta’ Ġesu u tal-Madonna taċ-Ċintura 2018-01-06T22:47:48+00:00

Il-Kwadru tal-Qalb ta’ Ġesu – Silvio Galimberti

Il-pittur

Il-pittur Ruman Silvio Galimberti twieled fit-30 ta’ Mejju, 1878. F’żogħżitu kien student fl-Accademia di San Luca ta’ Ruma. Ħadem l-aktar fil-knejjes iżda matul il-karriera tiegħu esesgwixxa wkoll xi kummissjonijiet privati. Fost ix-xogħlijiet tiegħu nsemmu l-iskema dekorattiva fis-Sala Ducale ġewwa l-Vatikan, l-affreski fil-Palazzo del Fonte ta’ Fiuggi, l-affreski ta’ l-Appostli fil-knisja ta’ S. Andrea delle Valle ta’ Ruma, l-apside kbira f’Ognissanti, l-opra fis-sala ta’ l-Ente per l’ Economia dell’ Umbria ta’ Foligno, u sett ta’ kwadri fuq il-ħajja ta’ San Pawl fil-katidral ta’ Sirakuża. Il-Kwadru tiegħu ta’ l-Aħħar Ċena kien ippremjat fil-wirja ta’ l-arti sagra ta’ Venezja fl-1908 filwaqt li erba’ tili kbar imsemmija Episodi della vita dei Missionari nelle regioni polari kienu ppreżentati fl-Esposizione Missionaria Vaticana ta’ l-1925 u llum jinsabu fil-Mużew tal-Lateran.

F’Malta jidher li għandu żewġ xogħlijiet biss: il-kwadru tal-Qalb ta’ Ġesu fil-knisja ta’ Ħal Luqa u l-Mewt ta’ San Ġużepp fil-knisja tal-Fontana, Għawdex. Terġa’ u tgħid, dan ta’ l-aħħar (esegwit fl-1903 u kkomissjonat mill-Imħallef Giuseppe Cremona) hu kopja kważi identika ta’ xogħol ieħor ta’ l-istess artist li jinsab fil-kappella tal-Belġju tal-knisja ta’ S. Gioacchino in Prati f’Ruma. Galimberti ma sabx fortuna hawn Malta, aktarx minħabba li xogħlu kellu traċċi ta’ l-estetika simbolista u għalhekk ma kienx jissodisfa l-istil “purista” tant għal qalb il-knisja lokali.

Meta Galimberti pitter il-kwadru Ħalluqi kellu madwar sebgħin sena; b’xorti ħażina ma rnexxilix insib id-data ta’ mewtu.

Kif sar il-kwadru f’Ħal Luqa

Fi żmien il-gwerra, Indri Micallef minn Ħal Luqa (missier Dun Ġużepp Micallef) kien għamel wegħda li jekk hu u l-familja tiegħu jeħilsuha b’wiċċ il-ġid jagħmel xi opra fil-knisja parrokjali. Issa ġara li f’ April ta’ l-1942 il-kwadru tal-Qalb ta’ Ġesu’ ta’ Ġiuseppe Cali tfarrak waqt ħbit ta’ l-għadu. Għaldaqstant, meta ntemmet il-gwerra, Indri ħaseb biex jagħmel kwadru ieħor bl-istess suġġett. Indri kien ħabib tas-Surmast Anton Muscat Azzopardi (direttur tal-Banda Sant’ Andrija) li min naħa tiegħu kien ħabib ta’ l-iskultur Antonio Sciortino li kien irritorna Malta minn Ruma wara l-għeluq tal-British Academy fl-1936.Bis-saħħa tal-kuntatti ta’ Muscat Azzopardi, Micallef mar għand Sciortino li mid-dehra kien għaddej minn kriżi finanzjarja kbira hekk li ħajjar lil Micallef jixtri xi ħaġa mill-kollezzjoni privata li kien niżżel minn Ruma. Sciortino rrakkomanda lil sieħbu Silvio Galimberti li kien joqgħod f’Via Margutta, Ruma. Għalhekk il-kwadru Ħalluqi sar fil-kapitali Taljana, inġieb Malta u twaħħal f’postu fl-1948.

Tifsir u kummenti

Firma ta'Galimberti

Firma ta’Galimberti

Il-kwadru Ħalluqi juri lil Ġesu’, wieqaf fuq globu, jipponta b’sebgħu t’idu x-xellugija lejn qalbu tħeġġeġ. Għarkubbtejhom, wieħed fuq kull naħa, hemm żewġ anġli; tal-lemin qed iżomm ċensier filwaqt li tax-xellug qed iżomm bukket fjuri. Il-firma ta’ S. Galimberti tidher isfelnett fuq in-naħa leminija tal-kwadru.

Il-Qalb ta’ Ġesu’ sintendi hi simbolu ta’ l-imħabba kbira Tiegħu għall-bniedem – simbolu li niltaqgħu miegħu għall-ewwel darba fil-kitbiet ta’ ċerti mistiċi medjevali. Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesu’ nfirxet fid-dinja Kattolika fis-seklu sbatax, l-aktar bis-saħħa tal-Ġiżwiti u ta’ San Franġisk se Sales. Madanakollu l-kult propju beda wara li saru magħrufa r-rivelazzjonijiet privati tas-soru Franċiża Santa Margerita Marija Alacoque li xtaqet li tibda ssir fetsa apposta, l-aktar bħala riparazzjoni kontra t-tkasbir ta’ l-Ewkaristija. Fl-1856, il-Papa Piju IX introduċa l-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fil-kalendarju tal-Knisja; din tiġi ċċelebrata nhar il-Ġimgħa tat-tielet ġimgħa wara Għid il-Ħamsin.

Referenzi:

A.M. Comanducci – Dizionario dei pittori, scultori, incisori italiani [Roma, 1971, iv edizione] Christian Attard – An Italian Presence in 19th and 20th Century Malta [Teżi ta’ l-M.A. (History of Art) mhux ippublikata, Universita’ ta’ Malta, 1999] Testimonjanza verbali tas-Sur Johnny Micallef, bin Indri, nhat is-16 t’ Awissu, 1999
Encyclopaedia Brittanica [1994]

Il-Kwadru tal-Madonna taċ-Ċintura – Enrico Arnaud

Il-Pittur

Kwadru tal-Madonna taċ-Ċintura

Kwadru tal-Madonna taċ-Ċintura

Enrico Arnaud kien pittur Malti tas-seklu tmintax; ma nafux eżattament meta twieled u miet. F’xi dokumenti ismu jidher bħala Arrigo filwaqt li kinjomu ġieli jidher bħala Arneau. L-istoriċi ta’ l-arti Dr. Edward Sammut u l-Kav. Vincenzo Bonello jgħarrfuna li l-kwadru tal-Madonna fil-knisja ta’ Liesse fix-xatt tal-Belt, hu xogħol tiegħu. Opri oħra marbuta ma’ l-istess artist huma l-Adorazzjoni tal-Maġi u S. Tereża fil-knisja ta’ Bormla u xi kwadri oħra fil-knisja ta’ S. Duminku, ir-Rabat. Għal xi żmien kienu jaħsbu li d-dekorazzjonijiet fis-soffitt tal-knisja tal-Vitorja tal-Belt kienu tiegħu wkoll iżda llum ix-xogħol hu attribwit lil Alessio Erardi.

Kif sar il-kwadru f’Ħal Luqa

Il-Fratellanza taċ-Ċintura f’Ħal Luqa twaqqfet solennement fit-28 t’ April 1720 fi żmien il-Kappillan Injazju Agius.

Fit-23 ta’ Settembru 1727, Ġandumink Zammit u Ġużeppi Mifsud, prokuraturi tal-Fratellanza taċ-Ċintura, f’rikors li għamlu fil-Kurja, fost ħwejjeġ oħra jsemmu li ġabru l-flus mingħand in-nies tar-raħal biex jagħmlu kwadru bix-xbihat tas-Santissima Trinta’, tal-Madonna tal-Konsolazzkoni, ta’ Sant Wistin u Santa Monika, ta’ Santu Rokku u San Franġisk ta’ Paola. Komplew jgħidu li ġa għandhom f’idejhom buzzett ta’ l-inkwatru tal-pittur Enrico Arnaud. Il-pittura tlestiet fl-1728 fi żmien il-Kappillan Marju Mikiel Mifsud u ħadet post oħra antika li wkoll kienet turi l-Madonna tal-Konsolazzjoni.

Tifsir u Kummenti

Il-Madonna taċ-Ċintura sewwasew hi magħrufa bħala l-Madonna tal-Konsolazzjoni. Leġġenda antika tgħid li meta l-appostli sabu l-qabar tal-Madonna, fih kien hemm biss ħżiem jew terħa li ħadha Tumas u żammha b’tifkira u li biha għamel ħafna mirakli. Għalhekk bidet tissejjaħ iċ-ċintura tal-konsolazzjoni għax iġġib is-sabar fost l-imsejkna nies batuti.

Fis-sena 371 w.K., Santa Monica, omm Santu Wistin, sfat armla. Hi kienet tgħix ħajja kontemplattiva u waħda mix-xewqat tagħha kienet li ssir taf x’kienet tilbes il-Madonna wara l-mewt ta’ binha Ġesu’ biex tkun tista’ timitaha. Skond il-leġġenda, it-talb tagħha nstema’ għaz jum fost l-oħrajn dehritilha l-Madonna mdawra b’dija tax-xemx bl-anġli u l-qaddisin. Marija kienet liebsa libsa sewda u ċintura ma’ qaddha. Il-Madonna neħħiet iċ-ċintorin u newlitu lil Santa Monica filwaqt li talbitha xxerred din id-devozzjoni.

Refernzi:

Robbie Mifsud Bonniċi – Dizzjunarju Bijo-Bibljografiku Nazzjonali [Dipartiment ta’ l-Informazzjoni, Malta, 1960] Vincenzo Bonello – La Madonna nell’ Arte [Malta, 1949] Edward Sammut – Art in Malta [Progress Press, Malta, 1954] Giuseppe Calleya – ‘Pittori e pitture maltesi’ [Malta Letteraria Vol. 2, No. 14, 1905] Vincenzo Vella – Il-Madonna taċ-Ċintura.
Dun Ġużepp Micallef – Ħal Luqa: Niesha u Ġrajjietha [Malta, 1975].

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
para que sirve baclofeno de 10 mg Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.