Il-Kwadru tan-Nativita’ ta’Giuseppe Cali’ fuq set ta’Bolli – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Il-Kwadru tan-Nativita’ ta’Giuseppe Cali’ fuq set ta’Bolli

//Il-Kwadru tan-Nativita’ ta’Giuseppe Cali’ fuq set ta’Bolli
Il-Kwadru tan-Nativita’ ta’Giuseppe Cali’ fuq set ta’Bolli 2018-01-06T22:49:40+00:00

Ta’kull sena il-kumpanija Maltapost toħroġ sett ta’ bolli għall-Milied. Din hija tradizzjoni twila w ghal dan is-sett ta’ tliet bolli, l-Bureau Filateliku ta’ Maltapost għazel wiehed mill-isbaħ xogħolijiet ta’ Giuseppe Cali’ – it-Twelid ta’ Gesu’ Bambin li tinsab fil-knisja parrokkjali tar-raħal tagħna.

Ghal din l-okkazjoni, dan is-sett se jinhareg f’ħarġa konjunta (joint issue) ma’ l-Ufficio Filatelico e Numismatico Governatorato tal-Belt tal-Vatikan.Din hija okkazzjoni sabiħa biex il-patrimonju li għadna f’Hal-Luqa ngħatuh il-giħ mistħoq. Is-set tal-Vatikan se juri l-istess xbihat tal-bolli Maltin, li ghandhom valuri ta’ 8c / Ewro 0.19, 16c / Ewro 0.37 u 27c / Ewro 0.63. Il-bolli Maltin, li ghandhom daqs ta’ 35 mm x 35mm b’perforazzjoni ta’ 14.28 x 14.28 (comb), huma stampati fuq karta bil-watermark tas-Slaleb ta’ Malta. F’dan l-artiklu għandkom taraw stampa li turi s-sett komplut li ħiereġ għall-publiku nhar it-Tlieta, 20 ta’ Novembru.

Sett Bolli ghal-Milied 2007

Sett Bolli ghal-Milied 2007

Ix-xogħol fin-navi tal-knisja ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa kien għoddu lest lejn l-aħħar tas-sena 1904. Il-Ħalluqin dehrilhom li l-erba’ pitturi li kien hemm qabel kienu se jidhru żgħar wisq fuq l-artali l-ġodda, u allura ddeċidew li jpoġġu sett ġdid. Il-kappillan Dun Anton Vella kkommissjona lil Giuseppe Calì (1846–1930) biex jaħdem l-erba’ kwadri tan-navi. Il-kwadru tal-Qalb ta’ Ġesù żżanżan fl-1906, filwaqt li l-pitturi l-oħra – ta’ San Duminku, ta’ San Mikiel, u tat-Twelid ta’ Ġesù (jew tan-Natività) – inkixfu fil-festa ta’ Sant’Andrija f’Novembru, 1908. Fil-kappella tat-Twelid, Calì pinġa wkoll żewġ kwadri żgħar ovali li juru lil San Franġisk u lil San Spiridjun.

Ta’ min jgħid li wara l-gwerra, il-kwadru tan-Natività (bħal dawk ta’ San Duminku u San Mikiel) tkabbar mill-Professur Oscar Testa biex jiġi jaqbel mal-gwarniċ il-ġdid u għaldaqstant il-qisien attwali tiegħu (bejn wieħed u ieħor 218 x 152 ċm) huma differenti minn dawk oriġinali. Fil-fatt, jekk wieħed jeżaminah mill-qrib, wieħed jista’ josserva ttraqqigħ fit-tila. Il-kwadru tat-Twelid, li hu ffirmat, juri lil Ġesù Bambin f’maxtura mdawwar mill-Madonna, San Ġużepp, żewġ nisa kampanjoli, u tifla ċkejkna. Xi wħud fl-imgħoddi kienu jirreferu għalih ukoll bħala ta’ San Ġużepp. Fil-knejjes Maltin, Calì pinġa n-Natività minn ta’ l-anqas darbtejn oħra – fil-koppla ewlenija ta’ Ħal Lija (1893) u f’waħda mil-lunetti tar-Rotunda tal-Mosta.

Il-knisja tagħna deddikata lil Patrun Sant’Andrija hija gawrha t’arti w għadna niehdu ħsieb li dak li ħadmu għalih missierijietna.Giuseppe Cali ħalla wirt imprezzabli lis-soċjeta’ tagħna u dawn is-sett tal-bolli tal-Milied b’xi mod għandhom ikunu turija ta’apprezzament lil dan il-pittur kbir.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.