Il-Monument

Il-Monument 2018-01-06T22:53:25+00:00

Ċertament li waħda mill-isbaħ opri li tipposedi l-parroċċa ta’ Ħal Luqa hu l-Monument fis-sett tal-vari tal-passojoni ta’ Sidna Ġesu Kristu li joħorġu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dan inħadem u ħareġ għall-ewwel darba fil-purċissjoni tas-sena 1884, 126 sena ilu u dak inhar akkumpanjat il-ħruġ tal-purċissjoni l-Banda Sant’Andrija.

Il-Vari tal-Ġimgħa l-Kbira

Skond ir-Reġistru tad-Dispożizzjonijiet XX, fl-Arkivju tal-Inkwiżizzjoni fil-Mużew tal-Katidral ta’ l-Mdina, nsibu li f’testment li għamlet Marija Roża Ellul fit-28 ta’ Mejju 1775, ħalliet dar lil ħuha Mikelanġ bil-kundizzjoni li fi żmien sentejn jagħmel statwa tal-Veronika u filwaqt li matul is-sena jżommha f’din l-istess dar, fil-ġranet tal-Ġimgħa l-Kbira joħodha l-knisja u jagħmilha festa. Is-sett tal-vari tkompla fl-1795 bil-flus li ħalla għal dan il-għan Ġużeppi Ellul u dik is-sena l-Isqof Labini ħatar lil Dun Franġisk Cassar bħala prokuratur tal-vari tal-Passjoni. Kienet użanza f’Ħal Luqa li l-vari matul is-sena jinżammu għand diversi familji fid-dar tagħhom, użanza li kienet bdietha, kif rajna Marija Roża Ellul.

Fis-sena 1830 l-istatwarju Belti, Ġużeppi Vella irranga xi wħud minn dawn il-vari u ħadem oħrajn ġodda u hekk naslu għas-sena 1884 meta nħadem il-Monument, iżda dwar dan nagħtu aktar tagħrif ‘il quddiem. Iżda matul it-Tieni Gwerra Dinjija 1940-1943, dawn il-vari, li issa kienu bdew jintrefgħu ġewwa maħżen, ġarrbu ħsara kbira meta dan il-post intlaqat f’wieħed mill-attaki ta’ l-għadu. Hekk kif spiċċat il-gwerra saru diversi tiswijiet fuqhom mill-Ħalluqi Anthony Said u warajh Karmenu Mallia minn Ħal Qormi u Karmenu Robinich minn Raħal Ġdid Fl-1995, propju f’għeluq il-mitejn sena mit-twaqqif tal-prokura tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Isqof Labini, l-Arċisqof ħatar lill-Kappillan tal-parroċċa bħala l-Prokuratur tal-Ġimgħa l-Kbira u ’l-Kan Dun Karm Zammit bħala d-delegat tal-Prokura. F’dik is-sena nbeda programm ta’ restawr tal-vari mill-artist Renzo Gauci u wħud minnhom inħadmu mill-ġdid. Dan ix-xgħol tlesta fis-sena 2000.

Pietru Azzopardi – Prokuratur tal-Ġimgħa l-Kbira,

Pietru Azzopardi jew a]jar, kif kien magħruf bħala Mastru Piet, kien wieħed fost l-aħjar nies tar-raħal li kien jagħti l-għajnuna tiegħu lill-parroċċa, flimkien ma’ oħrajn bħal Grezzju Schembri, Salv. Vassallo, Mikelanġ Sapiano l-arluġġar, Franġisku Zammit, l-ispiżjar Kalċidonju Baldacchino, l-aħwa Micallef, Salvatore Baldacchino u Giseppe Mifsud. Dawn flimkien ma’ xi qassisin mir-raħal lejn is-snin 1870 u l-1880 kienu jiffurmaw il-kumitat jew il-kunsill tar-raħal.

L-iStatwa ta’ Sant’Andrija

L-iStatwa ta’ Sant’Andrija

Pietru Azzopardi kien strumentali biex saret l-istatwa ta’ Sant’Andrija, patrun tar-raħal fi triq il-Karmnu u dan sar sabiex jitfakkar it-twaqqif ta’ l-ewwel għaqda mużikali fir-raħal li ngħatat l-isem ta’ ‘La Stella’ u li wara fl-1883 ħadet l-isem ta’ “Societa Filarmonica San Andrea”. Din l-istatwa bil-pedistal tagħha saru fis-sena 1878 u sal-lum fil-bażi ta’ l-istatwa għadna nsibu l-iskrizzjoni bil-Latin li tgħid: “Hujus Habitantium Peitas Fecit Petri Azzopardi” li tfisser “Dan il-mafkar ġie magħmul mill-qalb ġeneruża ta’ Pietru Azzopardi”. Fil-fatt skond l-istoriku Ħalluqi, Noe Ciappara din l-istatwa nħadmet minn Ċensu Decandia fuq disinn tal-Ħalluqi Andre Vassallo li fis-snin ta’ wara nsibuh bħala wieħed mill-aqwa arkitetti ta’ żmienu. Din l-istawa nħadmet quddiem il-post fejn kellha titqiegħed minn Decandia, filwaqt li Vasallo qatta’ l-iskultura li hemm fil-pedistall. L-istatwa tbirket mill-kappillan tar-raħal Dun Giuseppe Ruggier Trapani u wara tellgħet f’postha waqt li l-formazzjoni mużikali ġdida tar-raħal ‘La Stella’ daqqet għall-ewwel darba mexxija minn Gavino Camilleri.

Il-Monument

Il-Monument

Il-Monument

Pietru Azzopardi, barra li kien parti minn dan il-kumitat u strumentali fit-twaqqif ta’ din l-għaqda mużikali, kien ukoll prokuratur tal-Ġimgħa l-Kbira u fi żmienu din il-purċissjoni ħadet spinta sew ‘il quddiem. Pietru Azzopardi kien strumentali sabiex fl-1884, 126 sena ilu sar il-Monument li jirrapreżenta l-Kristu mejjet midfun f’qabar ġdid. Dan hu l-istess wieħed li naraw illum u nistgħu ngħidu li hu wieħed mill-eqdem li għadhom jinħarġu proċessjonalment f’jum il-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna. Skond l-istoriku Dun Ġużepp Micallef ix-xogħol fl-injam ħareġ minn idejn l-iskultur Paolo Bugeja, filwaqt li sorsi oħra jsemmu lill-istess Ċensu Decandia li kien ħadem l-istatwa ta’ Sant’Andrija fi triq il-Karmnu. Jidher pero’ li dan l-istess Bugeja sentejn qabel kien lesta opra oħra, dik li għadna nsibu fil-parroċċa tan-Naxxar u bejn il-Monument ta’ Ħal Luqa u dak tan-Naxxar hemm xebħ notevoli. L-anġli li nsibu fl-erba’ kantunieri tiegħu, b’simboli f’idejhom tal-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu, nħadmu fil-kartapesta mill-istatwarju ċelebri Karlu Darmanin fl-istess sena. Sfortunatament fil-gwerra l-Monument messitu l-istess xorti bħall-vari l-oħra u ġarrab ħsara kbira. Dan kien ġie rranġat minn Amelio Giusti mill-Birgu filwaqt li l-induratura tiegħu bil-folji tad-deheb saret minn Paolino Bugeja u William Attard mir-Rabat Malta. L-erba’ anġli kienu ġew irrestawrati mill-Bormliż Ġużeppi Caruana. Dan il-Monument jinġar minn għaxart irġiel fuq l-idejn.

Meta ħareġ l-ewwel darba fil-purċissjoni – 1884

Mastru Piet Azzopardi barra li kien il-prokuratur tal-Ġingħa l-Kbira li ħa ħsieb biex issir din l-opra hekk sabiħa, kif diġa rajna, kien attiv fis-Societa Filarmonica San Andrea u għaldaqstant kien talab lill-kappillan tal-parroċċa, Ruggier Trapani biex jagħtih il-permess biex waqt il-ħruġ tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, il-Banda Sant’Andrija ddoqq marċi funebri fuq iz-zuntier tal-knisja. Peress li dik is-sena kien se joħroġ għall-ewwel darba l-Monument il-ġdid, u li kien sar bit-tħabbrik tiegħu, il-kappillan taħ permess sabiex iddoq il-banda. Għalhekk għall-ewwel darba fil-festa tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ dik is-sena, 1884, daqqet banda, il-Banda Sant’Andrija.

Illum f’Ħal Luqa għadna ngawdu din l-opra hekk sabiħa grazzi għall-ħidma u l-ġenerożita ta’ Pietru Azzopardi u l-Ħalluqin kollha.

Referenzi:
Noe Ciappara, manuskritt ‘Storja ta’ Ħal Luqa’, XVIII-il Parti, 1978, p.653.
Jesmond Grech, ‘L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija: Twelidha u Ġrajjietha’, 2008, pp.8-11, 43.
Dun Ġużepp Micallef, ‘Ħal Luqa: Niesha u Ġrajjietha’, 1975, p.251.
Kan Karm Zammit, “Il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Luqa”, Storja Ħalluqija, 2000, pp. 164-165.
Joseph Grech, “Il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Malta u Għawdex”., 1999, p.71.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.