Il-Papa Benedittu XVI

//Il-Papa Benedittu XVI
Il-Papa Benedittu XVI 2018-01-06T22:58:19+00:00

Joseph Alois Ratzinger, illum Papa Benedittu XVI twieled f’ Schulstraße 11, f’Marktl am Inn, fil-Bavarja, fil-Ġermanja nhar is-16 ta’ April 1927 fit-8.30 ta’ filgħodu. Dakinhar kien Sibt il-Għid, u huwa kien mgħammed dakinhar stess; fatt li huwa dejjem qies bħala sinjal ta’ barka. Huwa kien it-tielet u l-iżgħar wild ta’ Joseph Ratzinger, Sr., pulizija, u Maria Ratzinger (née Peintner) minn Rimsting, iżda l-familja tagħha kienet mit-Tyrol, illum parti mill-Italja. Għal bosta snin, qabel ma żżewġet, ommu kienet taħdem bħala koka f’numru ta’ lukandi.

Papa Benedittu XVI

Huwa jaf jitkellem b’mod tajjeb b’diversi ilsna: il-ġermaniż nattiv tiegħu, it-Taljan, il-Franċiż, l-Ingliż, l-Ispanjol, u l-Latin. Jaf ukoll il-Portugiż, u kapaċi jaqra l-Grieg Antik u l-Ebrajk bibbliku. Joseph qatta t-tfulija tiegħu f’Traunstein, villaġġ żgħir biswit il-fruntiera mal-Awstrija fejn kellu l-ewwel esperjenza tal-vjolenza tan-Nazzisti. Ta’ 14-il sena, huwa nqabad bil-lieva fil- Hitler Youth, iżda ma kienx membru entużjast u ma kienx jattendi għal laqgħat. Minħabba f’hekk, il-familja tiegħu tilfed is-sussidji għall-edukazzjoni. Fl-1941, kuġin tar-Ratzinger’s li kien ibati mid-Down syndrome ittieħed min-Nażi u nqatel fil-kampanja ta’ tindif razzjali Aktion T4. Fl-1943, meta kien is-seminarju, Joseph iddaħħal fil-korpi ta’ kontra l-ajruplani u eventwalment tħarreġ bħala infantier; iżda minħabba ferita f’subgħu ma setgħax jispara. Fl- 1945, ħarab lura lejn id-dar f’Traunstein u għal xi żmien inżamm bħala priġunier tal-gwerra. Dik is-sena stess, flimkien ma’ ħuh Georg reġa daħal is-seminarju f’Traunstein. Eventwalment studjaw fil-Herzogliches Georgianum tal-Università Ludwig-Maximilian ta’ Munich. It-tnejn ġew ordnati fi Freising nhar id-29 ta’ Ġunju 1951 mill-Kardinal Michael von Faulhaber ta’ Munich.

Is-sena ta’ wara hu beda jgħallem fi skola sekondarja ta’ Freising u fl-1953, bl-għajnuna ta’ oħtu li kienet tittajpjalu x-xogħol, irnexxilu jikseb id-dottorat b’teżi intitolata ‚Il-poplu ta’ Alla u d-Dar ta’ Alla fid-Duttrina tal-Knisja ta’ Santu Wistin‛. Erba’ snin wara kkwalifika biex jgħallem fl-università b’teżi dwar ‚It-Teoloġija u l-Istorja ta’ San Buonaventura‛ u fl-1958 beda jgħallem it-teoloġija Dogmatika u Fundamentali fl-Università ta’ Freising. Eventwalment għallem f’Bonn (1959 – 1963), Münster (1963 – 1966) u Tübingen (1966 – 1969) u Regensburg (1969-197?).

Bejn l-1962 u l-1965 kellu sehem importanti fil-Konċilju Vatikan II bħala konsultur teoloġiku (peritus) tal-Kardinal Joseph Frings, arċisqof ta’ Kolonja. Huwa kien meqjus bħala teologu riformatur fl-istess keffa ma’ teologi bħal Hans Küng u Edward Schillebeeckx. Biss, f’ Tübingen, fejn kien kollega ta’ Kung, huwa beda jiddistanzja ruħu minn elementi Marxisti radikali fil-moviment studentesk u minkejja li baqa’ riformatur, spiċċa fil-front oppost ta’ riformaturi liverali fosthom Kung, li bdew jaraw lil Ratzinger bħala konservattiv.

Fl-1972 flimkien ma’ teoloġi oħra bħal Hans Urs von Balthasar, Henri de Lubac, Walter Kasper u oħrajn waqqaf ir-rivista teoloġika Communio, illum ippubblikata f’seba’ lingwi. Baqa jippubblika ta’ spiss f’din ir-rivista sal-elezzjoni tiegħu bħala papa.

Nhar l-25 ta’ Marzu 1977 il-Papa Pawl VI ħatru bħala Arċisqof ta’ Munich u Freising u kien ordnat nhar it-28 ta’ Mejju tal-istess sena; l-ewwel djoċesan Isqof ta’ din id-djoċesi fi 80 sena. Bħala motto tiegħu għażel is-silta mill-ittra ta’ Ġwanni ‘nissieħbu flimkien fil-ħidma tal-verità‛ Nhar is-27 ta’ Ġunju, Pawlu VI ħatru Kardinal titulari ta’ Santa Maria Consolatrice al Tiburtino. Fil-konklavi tal-2005 kien għad baqa’ biss 14-il kardinal maħtura minn Pawlu VI ħajjin u tlieta biss setgħu jieħdu sehem fil-konklavi, fosthom Joseph Ratzinger.

Huwa ħa sehem fl-ewwel konklavi tiegħu ftit iktar minn sena wara meta bejn il-25 u l-26 ta’ Awwissu kien elett Ġwanni Pawlu I. Dan il-papa ħatru Nunzju Speċjali għat-Tielet Kungress Marjoloġiku Internazzjonali John Paul I li sar f’Guayaquil, l- Ekwador f’Settembru ta’ dik is-sena. Ftit ġimgħat wara ħa sehem fil-konklavi li eleġġa lil Karol Woytila bħala Ġwanni Pawlu II.

Ġwanni Pawlu II ħatar lil Ratzinger bħala Relatur tal-Ħames Assemblea Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet li fl-1980 ddiskuta l-“Missjoni tal-Familja Nisranija fid-dinja ta’ llum‛. Nhar il-25 ta’ Novembru 1981, l-istess Papa ħatru Prifett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi kif ukoll President tal-Kummissjoni Bibblika Pontifiċja u tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali. Nhar il-15 ta’ Frar 1982 huwa rriżenja mit-tmexxija tad-djoċesi ta’ Munich. Fl-1983 huwa kien President Delegat tas-Sitt Assemblea Ġenerali li ddiskutiet ir-‛Rikonċiljazzjoni u l-Penitenza fil-missjoni tal-Knisja‛. Kien President tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li fl-1992, wara sitt snin ta’ ħidma, ppreżentat il-katekiżmu l-ġdid lill-Papa. Nhar il-5 ta’ April 1993, Ġwanni Pawlu II appuntaħ membru tal-kulleġġ tal-Kardinali u Kardinal-Isqof ta’ Velletri-Segni. Nhar is-6 ta’ Novembru 1998 il-papa approva l-elezzjoni tal-Kardinal Ratzinger bħala Viċi-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kappillani u nhar it-30 ta’ Novembru approva l-elezzjoni tiegħu bħala Dekan, u ma’ dan ir-rwol afdalu d-Djoċesi ta’ Ostia. Kien ukoll membru ta’ bosta’ kummissjonijiet oħra tal-Vatikan.

Fost l-iżjed publikazzjonijiet influenti tiegħu jistgħu jissemmew il-kompilazzjoni ta’ taħdidiet tiegħu dwar il-Kredu ‘Introduzzjoni għall-Kristjaneżmu’ ppubblikata fl-1968; l-antoloġija ta’ kitbiet u diskorsi ’Dogma u Priedki” fl-1973. Fl-1985 ippubblika il-ktieb intervista dwar is-sitwazzjoni tal-fidi magħruf bħala The Ratzinger Report u fl-1996 ’Melħ tad-Dinja’. F’għeluq is-70 sena tiegħu ġie ppubblikat ‘Fl-iskola tal-Verità’.

Fis-snin disgħin, il-Kardinal Ratzinger sofra stroke li affettwalu l-vista u dgħajjiflu qalbu. Huwa fittex darbtejn li jirriżenja, iżda kull darba Ġwanni Pawlu II irrifjuta r-riżenja tiegħu, u Ratzinger baqa’ fil-Vatikan f’rispett lejn Ġwanni Pawlu II.

Wara l-mewt tal-Papa Ġwanni Pawlu II, nhar id-19 ta’ April 2005, il-Kardinal Ratzinger kien elett bħala Papa. Fl-età ta’ 78 sena, huwa kien l-ixjeħ persuna eletta Papa wara Klement XII (1730–40). Huwa d-disa’ Papa Ġermaniż wara Adrijanu VI (1522–23) minn Utrecht, illum fl-Olanda. L-aħħar papa li ħa l-isem Benedittu kien Benedittu XV (1914–18).

Il-Pontifikat tiegħu

Benedittu XVI kompla bosta mit-tradizzjonijiet tal-Papa Ġwanni Pawlu II, li tiegħu kien qrib ħafna. Fl-istess ħin, iżda huwa ta’ ukoll l-impronta tiegħu lill-pontifikat.
Il-karattru timidu tiegħu, u r-rwol li okkupa għal kważi 25 sena bħala Prifett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi (u għalhekk bid-dmir li jħares il-fidi minn tagħlim żbaljat u t-teħid ta’ azzjoni fil-konfront ta’ tagħlim bħal dan u min ixerrdu) taw l-impressjoni żbaljata li hu bniedem żorr ta’ natural Tedesk, u l-laqam Panzerkardinal. Min-naħa l-oħra, l-ewwel ħames snin fuq it-tron ta’ Pietru urew li Benedittu XVI, waqt li jagħraf il-valur tat-tradizzjoni u jseddaqha, baqa’ fil-fond ta’ qalbu riformatur; u dan urieh sa mill-quddiesa inawgurali tiegħu fejn minflokk tislima mill-kardinali huwa għażel li jsellmulu bħala Papa 12-il ruħ minn mixjiet differenti fil-Knisja.

Għaqda bejn l-Insara

Bħala Prifett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, fl-2001 huwa kien ippubblika d-dokument kontroversjali Dominus Jesus li kien saħaq li l-Knisja Kattolika għandha il-verità sħiħa. Minkejja x-xettiċiżmu oriġinaliu fuq kemm Benedittu XVI, fid-dawl ta’ dan, kien se jgħin fil-ħidma għall-għaqda bejn l-Insara, s’issa il-pontifikat tiegħu jitqies bħala wieħed mill-iżjed profikwu f’dan is-sens.
F’Udjenza f’Ġunju tal-2006, Benedittu XVI kien qal li ‚r-responsabbiltà ta’ Pietru (l-Papa) hi li jiggarantixxi l-għaqda ma’ Kristu‛ u talab biex ‚il-Primat ta’ Pietru, afdat f’idejn bnedmin dgħajfa, jiġi eżerċitat fis-sens oriġinali mixtieq mill-Mulej biex it-tifsira tiegħu tkun mifhuma aħjar minn ħutna li mhux mgħaqudin magħna‛.

Ir-relazzjonijiet mal-Knisja Ortodossa, inkluż dik Ortodossa Russa qatt ma kienu daqsekk qrib. Ftit wara l-elezzjoni tiegħu bħala Papa huwa talab lill-Kummissjoni Internazzjonali Mista għad-Djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knisja Ortodossa biex tiffoka l-ħidma tagħha fuq il-kwistjoni l-iżjed iebsa bejn iż-żewġ Knejjes: il-Primat ta’ Pietru. Din mistennija tippubblika document konġunt fil-futur qrib, li jfisser li ż-żewġ knejjes ikunu laħqu ftehim fuq kif dan il-primat kien eżerċitat fl-ewwel elf sena tal-kristjaniżmu qabel ma seħħet il-firda bejniethom. Saħansitra, is-sena li għaddiet, kien hemm minn spekula li ż-żewġ knejjes jistgħu jingħaqdu fi żmien ftit xhur!
Tjiebu ħafna ir-relazzjonijiet mal-Knisja Ortodossa Russa l-iktar wara li fis-Sede Muskovita ġie elett l-Patrijarka Kirill li fil-passat kien ħadem mill-qrib mal-Kardinal Ratzinger. Iż-żewġ knejjes qed jaħdmu mill-qrib fuq temi ta’ nteress komuni bħar-ri-kristjanizzazjoni tal-ewropa. Tard fl-2009, il-Patrijarkat ta’ Moska ippubblika ktieb b’siltiet minn diskorsi ta’ Benedittu XVI u skond it-tbassir tal-Vatikanisti tista’ sseħħ laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja iktar tard din is-sena.

Benedittu XVI nieda ukoll żewġ inizjattivi li permezz tagħhom il-Knisja fetħet idha beraħ għal żewġ kategoriji ta’ Nsara li nqatgħu minn magħha tul is-snin: it-tradizzjonalisti li jirrifjutaw il-bidliet liturġiċi li ddaħħlu mill-Konċilju Vatikan II u l-Anglikani. Fl-2007, permezz tal-Muto Propio. Permezz tal-ittra Appostolika Summorum Pontificum, ippubblikata f’ Lulju 2007 huwa ippermetta mill-ġdid l-użu tar-rit Tridentin fil-Knisja Kattolika b’mod parallel għar-riti mdaħħla mill-Konċilju Vatikan II. F’Ottubru 2009 ingħatat il-Possibiltà lil komunitajiet Anglikani li jissieħbu fil-Knisja Kattolika, waqt li jżommu r-riti tagħhom, bħala prefetturi personali.

Vjaġġi u enfasi fuq l-Ewropa

S’issa huwa għamel 13-il Vjaġġ Appostoliku barra l-Italja, l-ewwel wieħed fil-Ġermanja fl-Okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ta’ Kolonja fl-2005 u l-aħħar wieħed fir-Republika Ċeka f’Settembru li għaddha. Huwa żar il-kontinenti kollha, iżda l-ikbar enfasi kienet fuq l-Ewropa; tmienja minn 13-il vjaġġ kienu f’pajjiżi Ewropej. Il-vjaġġi kollha mħabbra s’issa għall-2010 huma lkoll f’pjjiżi Ewropej: Malta, Portugal (Fatima), Ċipru u r-Renju Unit. Il-vjaġġi kollha tiegħu s’issa kienu:

1. Repubblika Ċeka (26-28 Settembru 2009)
2. Art Imqaddsa (8-15 Mejju 2009)
3. Kamerun u Angola (17-23 Marzu 2009)
4. Franza (12-15 Settembru 2008 – fl-okkażjoni tal-150 anniversarju tad-dehriet ta’ Lourdes)
5. Sydney, Awstralia (12-21 Lulju 2008) – fl-okkażjoni tal-XXIII Jum Dinji taż-Żgħażagħ
6. Stati Uniti u Nazzjonijiet Uniti (15-21 April 2008)
7. Awstria (7-9 Settembru 2007) – fl-okkażjoni tat-850 anniversarju mit-twaqqif tas-Santwarju ta’ Mariazell
8. Brażil (9-14 ta’ Mejju 2007) – fl-okkażjoni tal- V Konferenza Ġenerali tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina u l-Karajbi
9. Turkija (28 Novembru – 1 Diċembru 2006)
10. Munich, Altötting e Regensburg (9-14 Settembru 2006)
11. Valencia (8-9 Lulju 2006) – fl-okkażjoni tal-V Laqgħa Mondjali tal-Familji
12. Polonja (25-28 Mejju 2006)
13. Kolonja, Ġermanja (18-21 Awwissu 2005) – fl-okkażjoni tal-XXII Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Enċikliċi
S’issa Benedittu XVI ippubblika tlett enċikliċi: Deus Caritas Est (Alla huwa mħabba), Spe Salvi (Salvati mit-Tama), u Caritas in Veritate (L-Imħabba fil-Verità). F’Deus Caritas Est hi riflessjoni fuq l-imħabba u ż-żewġ uċuħ tagħha eros u agape. Huwa jinnota li t-tnejn huma essenzjalment tajbin, iżda l-eros faċilment titlef it-tifsira sħiħa tagħha u ssir sempliċiment ‘sess’ jekk ma tkunx imwieżna mill-imħabba Nisranija, l-agape. Din hi l-imħabba li tispira l-ħidma karitattevoli tal-Knisja u l-ħajja ta’ qaddisin kbar bħal Madre Tereża ta’ Kalkutta. Fi Spe Salvi, maħruġa fl-2007, Benedittu XVI jippreżenta t-tama Nisranija bħala tama li tbiddel lil min iħaddanha għaliex għall-kuntrarju ta’ tamiet oħra offruti mid-dinja (politiċi, ekonomiċi, filosofiċi eċċ) t-tama Nisranija toffri garanzija li ‚l-ħajja ma tintemx fil-vojt‛. Caritas in veritate ġiet deskritta bħala document mill-iżjed influwenti u fost l-aħjar tweġibiet għall-kriżi ekonomika u finanzjarja li ħakmet lid-dinja mill-2008. Ippubblikata f’Lulju 2009, fiha Banedittu XVI jfakkar li l-imħabba u l-verità huma essenżjali biex ikun hemm tweġiba għall-problemi ta’ żvilupp komuni u l-ġid komuni. Hu għamilha ċara li l-Knisja ma tofrix soluzzjonijiet tekniċi iżda biss prinċipji morali biex fuqhom jinbnew dawn is-soluzzjonijiet. Huwa jirrifjuta bħala simplistiku wisq il-ħsieb li jipproponi polarizzazzjoni bejn il-mudell ekonomiku tas-suq ħieles u l-gvern li jintervjeni fl-ekonomija u jisħaq li l-azzjonijiet tal-atturi ekonomiċi għandhom ikunu mibnija fuq l-etika u mhux il-kilba għall-profitt.

Ir-relazzjoni ma’ Kristu u r-Relattiviżmu

Publikazzjoni oħra tiegħu wara l-elezzjoni tiegħu fuq il-Kattedra ta’ Pietru kien l-ewwel volum tal-ktieb Ġesu ta’ Nażaret; ktieb fejn huwa saħaq li dawn hu trattat akkademiku u mhux marbut mill-maġisterju tal-Knisja. Fiħ saħaq waħda mit-temi ewlenin fil-ħsieb tiegħu li n-Nisrani għandu jibni ħajtu fuq ir-relazzjoni personali ma’ Alla, għaliex hu biss jista’ jimliena bil-paċi tal-qalb; messaġġ li joffri alternattiva għal soċjetà li tfittex li timminimizza r-rwol ta’ Alla.

Motif ewlieni ieħor fil-ħsieb tal-Papa Ratzinger huwa t-tweġiba għad-‘dittatorjat tar-relattiviżmu’, li uwa jidentifikah bħala problema ewlenija li qed taffaċċja l-umanità llum; relattiviżmu li ma jagħraf xejn bħala definittiv iżda jara fix-xewqt tal-individwu l-kriterju aħħari ta’ x’inhu tajjeb u ħażin u li fi kliem Benedittu XVI ‚taħt id-dehra tal-libertà, dan isir ħabs għall-kull persuna li jifridha mill-bnedmin l-oħra u jsakkar lil kull individwu fl-ego tiegħu jew tagħha‛.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.