Il-Qniepen tal-Knisja Parrokjali

//Il-Qniepen tal-Knisja Parrokjali
Il-Qniepen tal-Knisja Parrokjali 2018-01-06T23:03:58+00:00

Matul din is-sena il-Parroċċa tagħna tfakkar it-80 sena mill-wasla tas-sett qniepen li nsibu fil-Kampnari tal-Knisja parrokjali. Din l-opra saret fi żmien il-Kappillan Dun Ġużepp Magri li kien hu li beda jaħdem biex isir dan il-proġett. Il-qniepen kienu ordnati għand id-ditta ‘Prospero Baricozzi’. Il-ġbir għal dawn il-qniepen beda nhar is-26 ta’ April 1925. Tliet snin u nofs wara dawn waslu Ħal Luqa. Ir-ritratt ta’ jurina lill-Kappillan Dun Ġużepp Magri jkellem lill-folla preżenti minn fuq iz-Zuntier tal-Knisja waqt iċ-ċerimonja tat-tberik tal-qniepen nhar is -Sibt, 27 ta’ Ottubru 1928. Il-Banda Sant’ Andrija ferħet lin-nies preżenti bid-daqq ta’ marċi ferrieħa. Il-qniepen li tbierku mill-Isqof Mawru Caruana huma ddedikati lill-Qalb ta’ Ġesu ,Kunċizzjoni, San Ġużepp u San Feliċissimu, filwaqt li l-qanpiena l-kbira li tiżen tlett tunnelati hija ddedikata lil Sant’ Andrija. Kull qanpiena kellha l-parrinu tagħha u dawn kienu Mons K Grima u A Vella, l-aħwa Dun Karm u Dun Ġużepp Vassallo u Xmun Azzopzardi. L-ewwel erbgħa qniepen ttellgħu fil-kampnar fil-jum li tbierku filwaqt li l-Kbira ttellgħet il-Ħadd,18 ta’ Novembru. Fir-ritratt t’hawn taħt naraw l-qampiena l-Kbira tiela fil-kampnar, naraw lil Ġorġ Pulo li kien membru ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, fuqha jwaddab xi sunetti ta’ l-okkażjoni.

Il-Qniepen tal-Knisja Parrokjali

Il-Qniepen tal-Knisja Parrokjali

Il-Qniepen tal-Knisja Parrokjali

Il-Qniepen tal-Knisja Parrokjali

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.