Isem Ħal Luqa f’Mapep Antiki tas-Seklu Sittax

//Isem Ħal Luqa f’Mapep Antiki tas-Seklu Sittax
Isem Ħal Luqa f’Mapep Antiki tas-Seklu Sittax 2018-01-07T21:57:40+00:00

SFOND STORIKU

Normalment, b’mappa nifhmu rapprezentazzjonijiet grafika u skalata tal-fattizzi ġeografiċi ta’ lokal, pajjiż, kontinent u l-bqija. L-arti u x-xjenza tat-tfassil tal-mapep tissejjaħ kartografija. L-eqdem mapep li nafu bihom jeħduna lura f’Babilonja u l-Eġittu tat-tielet .millennju Q.K. Il-matematiku u l-ġeografu Grieg Tolomew (90-168 WK) ħalla influwenza kbira fuq l-iżvilupp tal-kartografija, tant li x-xogħol monumentali tiegħu Geographike Hyphegesis (fi tmien voumi) baqa’ referenza kanonika għal madwar elf sena sħaħ.

Fil-medju Evu, għad li baqgħu jsegwu lil Tolomew, kellhom id-drawwa jqiegħdu ‘l Ġerusalemm fiċ-ċentru tad-dinja; kienu wkoll ipoġġu l-Lvant fuq in-naħa ta’ fuq tal-mappa. Il-mapep ta’ l-epoka kienu juru biss l-Ewropa, l’Afrika, u l-Asja (għax sintendi kienu għadhom ma jafux bl-Amerika u l-Awstralja). Dawn it-tliet kontinenti kienu mifruda b’żona għamla ta’ T iffurmata mill-Baħar Mediterran u x-Xmara Nil.

Rappreżentazzjonijiet aktar preċiżi dehru fis-seklu 14 meta l-baħħara bdew jużaw il-portulani bħala gwida. Meta 1-qawwiet marittimi Ewropej tahom l-estru ta’ l-esplorazzjoni, il-progress li sar fl-għodda tan-navigazzjoni ppermetta qabża kwalitattiva fit-tfassil tal-mapep. L-aqwa kartografu ta’ daż-żmien kien iI-Fjamming Gerardus Mercator (1512-1594) li fl-1569 ippubblika mappa tad-dinja pproġettata fuq wiċċ ċilindriku.(Ref 1)

ĦAL LUQA F’MAPEP TA’ LAFRERI, CAMOCIO (?) U NELLI

Mappa ta'Camocio

Mappa ta’Camocio

L-eqdem dokument li juri l-isem ta’ Ħal Luqa hu l-lista tad-Dejma għas-sena 1419-20. F’din it-testimonjanza medjevali ta’ żmien l-Aragoniżi, ir-raħal jissemma bħala Casali Luca.(Ref 2) Biss, ikollna nistennew sa nofs is-seklu sittax sabiex naraw isem ir-raħal imniżżel fuq mappa ta’ Malta. Fil-fatt, Ħal Luqa ma tidher f’ebda portulan medjevali, la dak ta’ 1-1296 magħruf bħala “Lo Compasso de Navegare” u lanqas dak ta’ l-1490 magħruf bħala “Il-Portuan ta’ Bernardino Rizo” (il-pubblikatur mhux il-kartografu)(Ref 3); din nifhmuha għax il-baħħara kienu interessati biss fil-portijiet jew l-imkejjen ta’ malkosta. L-eqdem mappa ta’ Malta li nafu biha hija dik ta’ Cristoforo Buondelmonti tas-seklu ħmistax li teżisti f’forma manuskritta, iżda ma ssemmix irħula. Ħal Luqa lanqas ma tidher fil-mappa pjuttost approssimattiva ta’ Quintinus li fl-1536 ippubblika f’Lyons l-eqdem deskirzzjoni ta’ Malta li nafu biha s’issa. (Ref 4)

Fl-1551, Antonio Lafreri (1512-1577) ippubblika f’Ruma mappa ta’ Malta bl-isem “Melita Insula” li flha Ħal Luqa jissemma bħala Luca. S’issa din hi l-eqdem referenza għal Ħal Luqa fuq mappa li nafu biha. Din kienet ukoll l-aktar mappa ddettaljata u eżatta ta’ Malta qabel ma dehret dik ta’ D’Aleccio.

Għall-ħabta ta’ 1-1560 dehret il-mappa attribwita lil Giovanni Camocio bl-isem “Melita Insula”. Din il-mappa sewwasew hi anonima; Camocio aktarx kien l-istampatur jew sempliċiment kummerċjant tal-mapep. Anke hawn isem Ħal Luqa jidher bħala Luca. Kopja ta’ din il-mappa, li saret bejn 1-1558 u 1-1562, tinsab fil-Muzew tal-Katidral ta’ l-Imdina.

L-Assedju l-Kbir ippreċipita numru kbir ta’ mapep fis-suq Ewropew. Fl-1565 biss biss dehru madwar erbgħin waħda. Waħda minnhom hi dik ta’ Nicolo Nelli bl-isem “Il Vero Ritratto de l’Isola d(i] Malta.” ippubblikata f’Venezja fl-istess sena ta’ l-Assedju. L-isem tar-raħal f’din il-mappa u f’oħrajn kontemporanji bħal dawk ta’ Thevet, Zenoi u Ascanoi Palombi (?) kollha juru l-istess isem – Luca.

Mappa ta' Lafrieri

Mappa ta’ Lafrieri

ABRAHAM ORTELIUS

Theatrum Orbis Terrarum

Theatrum Orbis Terrarum

Abraham Ortelius (1527-1598) hu l-isem Latin ta’ l-inċizitur u l-kartogarfu Fjamming Abraham Ortels jew Wortels. Huwa twieled, għex u miet f’ Antwerp, il-Belġju, li fi żmien kien provinċja Olandiża. Proprjament hu kien antikwarju, speċjalizzat fil-kotba antiki, iżda madwar l-1560, influwenzat minn Mercator, beda jinteressa ruħu wkoll filmapep. Ma damx ma bena kollezzjoni ġmielha sakemm fl-1570 ippubblika f’Antwerp stess il-famuz Theatrum Orbis Terrarum, li nistgħu ngħidu kien l-ewwel atlas modem.(Ref 6) Dan kien fih sebgħin mappa, imsejsa fuq 87 awtorita’ differenti. Bis-saħħa ta’ dan ix-xogħol, fl-1575, Ortelius sar il-kartografu rjali tar-Re Filippu II ta’ Spanja. Dan l-atlas baqa’ jiġi mkabbar u aġġornat f’edizzjonijiet suċċessivi sa l-1612. Fil-mappa li turi lil Malta, Ħal Luqa jissemma wkoll bħala Luca. Hi ħaġa tassew straordinarja li r-raħal jingħata spazju fl-ewwel atlas ta’ l-epoka moderna. (Ref 7)

Mappa ta' Ortelius

Mappa ta’ Ortelius

MATTEO PEREZ D’ALECCIO

L-Assedju l-Kbir ta' Perez D' Aleccio

L-Assedju l-Kbir ta’ Perez D’ Aleccio

Il-pittur Taljan Matteo Perez D’Aleccio (15461616) wasal Malta minn Napli ftit wara 1-1576 wara li kien ħarab minn Ruma minħabba xi nkwiet. Il-Ġranmastru La Cassiere laqgħu tajjeb u bis-saħħa tal-patroċinju tiegħu Perez D’Aleccio kiseb ħafna kummissjonijiet importanti, kemm għall-Ordni kif ukoll għall-Knisja. Huwa kien pittur ta’ l-iskola Mannerista, influwenzat minn Giorgia Vasari, u jidher li kellu reputazzjoni tajba għax fl-1573 kien ġie elett membru ta’ l-akkademja prestiġjuza ta’ San Luqa. (Ref 8)

Bla dubju ta’ xejn, l-aqwa u l-isbaħ opra tiegħu f’Malta kienet id-dekorazzjoni tas-Sala tal-Kunsill fil-Palazz tal-Granmastri b’ċiklu ta’ affreski li jillustraw episodji ewlenin millAssedju l-Kbir. Dan ix-xogħol monumentali sar bejn l-1571-1581. Apparti x-xeni tat-taqbid u għadd ta’ figuri allegoriċi, Perez D’ Aleccio ħallielna wkoll mappa kbira ta’ Malta li tagħtina stampa pjuttost fidila ta’ pajjiżna kif kien dak iż-żmien.

Din il-mappa timxi fuq dik ta’ Lafreri u tagħti impressjoni tajba ħafna tal-mod kif Ħal Luqa kienet imqabbad b’xibka ta’ triqat jew mogħdijiet ma’ l-irħula tal-qrib. Fiha, l-isem ta’ Ħal Luqa jidher bħala C. Allvga. Billi l-ittra C tfisser “Casale”, l-isem jirrappreżenta tawtoloġija għax jirrepeti l-idea ta’ raħal.(Ref 9)

Fl-1582, l-istess D’Aleccio ppubblika f’Ruma ġabra ta’ inċiżjonijiet (minn fuq ir-ram) li fihom irriproduċa l-affreski ta’ l-Assedju li kien ħadem fil-Palazz tal-Granmastri. Is-sett sħiħ, bl-isem I veri ritratti della guerra, et dell’assedio et assalti alle Isole di Malta dell’armata Turchesca l’anno 1565 kien fih 13-il inċiżjoni u fuq it-tieni waħda il-mappa ta’ Malta bl-isem “Disegno dell’isola di Malta et le venuta dell’armata turchesca adi. XVIII di Maggio M.D.LXVI”. Isem Ħal Luqa jidher bħala C. Luca.(Ref 10)

Mappa ta' Perez D' Aleccio

Mappa ta’ Perez D’ Aleccio

MAPEP OĦRA

Fil-Galleria Vaticana, sewwasew fil-Gallerija tal-Mapep, iddisinjata mill-arkitett Ottaviano Mascherino, hemm sensiela ta’ mapep impittra bl-affresk li juru r-reġjuni ta’ l-Italja. Dawn saru minn Ignazio Ddanti fl-1581-82 u fil-mappa ta’ Malta. Ħal Luqa jerġa’ jissemma bħala Luca. F’mappa li ġiet ippubblikata madwar fl-1584-86 minn ċertu Thomassin (?); insibu l-isem C.Luca, fejn l-ittra C għal darba oħra tfisser “casale”. Fl-aħħarnett, insemmu żewġ mapep oħra ta’ daż-żmien: waħda bla data ta’ Porro-Parracchi u oħra ta’ Thevet-De Lew ta’ 1586-87. F’dawn it-tnejn, isem ir-raħal jidher bħala Aliga billi l-kitba mhijiex ċara ħafna, l-ortografija hi dubjuża.

SOMMARJU

DATA KARTOGRAFU/ARTIST ISEM ĦAL LUQA
1551 Lafreri Luca
1558-62 Camocio (?) Luca
1565 Nelli Luca
1570 Ortelius (atlas) Luca
1576-81 D’Aleccio (affresk) C. Allvga
1581-82 Danti (affresk) Luca
1582 D’Aleccio (inċiżjoni) C. Luca
1584-86 Thomassin (?) C. Luca
1586-87 Thevet-De Lew Aliga (?)

Ħajr speċjali lil Dr. Albert Ganado li ġentilment ipprovdieli ħafna truf ta’ informazzjoni Ii bis-saħħa tagħhom stajt nibni dan l-artiklu.

REFERENZI

1. Encyclopaedia Brittanica, ed. 1995.

2. Godfrey Wettinger, “The Militia List of 1419-20: A New Starting Point for the Study of Malta’s Population”Melita Historica Vol. 5 No.2 (1969).

3. Arnold Cassola, “The Maltese Toponymy in Three Ancient Italian Portulans (1296-1490), Al-Masaq: Studia Arabo-Isamica Mediterranea Vol. 5 (1992).

4. Horatio c.R. Vella, The Earliest Description of Malta (Lyons 1536) by Jean Quintin d’Autin (Malta; DeBono Enterprises, 1980).

5. Albert Ganado & Maurice Agius-Vadala, A Study in Depth of 143 Maps Representing the Great Siege of Malta of 1565 (Malta 1994).

6. L-isem “atlas” ġej mid-drawwa mibdija minn Mercator li fuq il-kotba kartografiċi tiegħu kien dejjem juri l-figura titanika ta’ Atlas twieżen il-globu tad-dinja fuq spallejha.

7. Ivan Fsadni, “Maps of Malta by Ortelius”, Treasures of Malta Vol. 5 NO.1 (1998)

8. Mario Buhagiar, The Iconography of the Maltese Islands (Malta Progress Press, 1987)

9. It-terminu “raħal”, imqassar f”Ħal”, hu mnissel mill-Għarbi filwaqt li “Casale, imqassar f”Casal” hu s-sinonimu Sqalli-Taljan it-tnejn jindikaw xi sura ta’ abitazzjoni rurali. F’ħafna dokumneti antiki Ħal Luqa hu magħruf bħala Casal Luca.

10. Albert Ganado, “Matteo Perez D. Aleccio’s Engravings of the Siege of Malta of 1565”, Proceedings of History Week (1983).

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.