It-Titular l-antik

//It-Titular l-antik
It-Titular l-antik 2018-01-06T23:50:33+00:00

It-Titular l-antik ta’ Sant’ Andrija
(Tila kwadra 117cm x 117cm)

Titular l-Antik

Titular l-Antik

L-ewwel knisja ddedikata lil Sant’ Andrija f’ Ħal Luqa nbniet bejn l-1539 u l-1542. Meta Mons. Dusina żar ir-raħal waqt Vista Pastorali fl-1575 sabha mingħajr kwadru titulari u għalhekk ordna li titqiegħed xbieha tal-qaddis padrun. Għaldaqstant nistgħu nikkonkludu li l-kwadru sar xi ftit żmien wara; ċertament kien f’postu fl-1600 għax jissemma f’waħda mill-Visti Pastorali ta’ l-Isqof Gargallo. Min-naħa l-oħra nafu fiċ-ċert lit pitter minn ċertu Filippu Dingli minn Ħ’Attard.

Dan il-kwadru, li llum jinsab imdendel fis-sagristija, fih tliet figure: Marija Assunta fin-nofs, Sant’ Andrija fuq ix-xellug u San Pawl fuq il-lemin. Deskrizzjoni perċiża tiegħu tinsab fir-rapport tal-Vista Pastorali li għamel l-Isqof Balaguer fl-1636 meta Ħal Luqa kienet diġa’ saret parroċċa. F’dan id-dokument naqraw li l-kwadru mgħotti b’biċċa drapp biex tilqa’ t-trab waqt il-bini tal-knisja l-ġdida.

Il-kwadru, kampjun interessanti ta’ arti indiġena u popolari, hu eżempju ta’ dik li fit-terminoloġija artistika tissejjaħ “ Sacra Conversazione” (Taħdita Qaddisa) – rappreżentazzjoni tal-Verġni Mbierka mdawra b’għadd ta’ qaddisin fi spazju pittoriku unit, mehdija f’xi sura ta’ djalogu. (Kemm il-kwadru tar-Rużarju kif ukoll il-Kwadru taċ-Ċintura huma eżempji aktar elaborate ta’ dan li qed ngħid).

Dan il-ġeneru ta’ pittura oriġina fl-Italja fl-ewwel nofs tas-seklu 15. L-ewwel eżempju ddatat hu t-Titular ta’ Barbadori mpitter minn Lippo Lippi għall-ħabta ta’ l-1437 u li llum jinsab fil-Mużew tal-Louvre f’Pariġi.

Mil-lat ikonografiku, fil-kwadru Ħalluqi tispikka l-madorla tad-dawl li tgeżwer ix-xbieha tal-Madonna. Din l-awreola forma ta’ lewża tirrappreżenta l-glorja tal-figura qaddisa.

Żewġ panewijiet qodma ta’ San Nikola u San Tumas

Bejn tmiem is-seklu 15 u l-ewwel nofs tas-seklu 17 f’Malta u Għawdex inbnew għadd ġmielu ta’ knejjes u kappelli li ħolqu domanda kbira għall-ikoni jew kwadri titulari. Ħafna minnhom ma kienux għajr il-prodott ta’ dilettanti mill-irħula. Oħrajn kienu impurtati mill-Italja jew forsi kkummissjonati mingħand pitturi Sqallin u Taljani tan-Nofs in-Nhar li kienu jżuru Malta minn żmien għal żmien. Fil-kampanja Maltija dan it-tip ta’ xogħol baqa’ sejjer sas-seklu 17.

Il-Kwadru ta’ San Nikola
(Pittura fuq l-injam, 39 x 92cm)

Kwadru ta' San Nikola

Kwadru ta’ San Nikola

Il-panew bix-xbieha ta’ San Nikola li llum jinsab fis-sagristija tal-Knisja Parrokkjali kien il-parti ċentrali ta’ trittiku li kien inġieb mill-knisja medjevali ddedikata lill-istess qaddis, mibnija ftit metri ‘l bogħod mill-Knisja Parrokkjali.

Wara l-Vista Pastorali ta’ l-Isqof Cagliares fl-1615, il-knisja beda jieħu ħsiebha ċertu Duminku Bonnici. Ġabar il-flus, irranġaha u aktarx ukoll ikkummissjona dan it-trittiku. Il-pittura tissemma l-ewwel darba fl-1634 fir-rapport tal-Vista Pastoral ital-Vigarju Kapitulari Pontremoli, fejn naqraw li l-figuri laterali kienu ta’ San Pawl u San Pietru li b’xorti ħażina ntilfu. (Konna nistgħu nqabbluhom ma’ l-istess qaddisin tat-trittiku tal-Preżentazzjoni tal-Madonna fil-Parroċċa taż-Żurrieq).

San Nikola jidher bilqiegħda fuq tron skulturat liebes il-ħwejjeġ u l-mitra ta’ Isqof. Qed jerfa idu l-leminija b’sinjal ta’ barka filwaqt li f’idu x-xellugija qed iżomm bastun u ktieb tal-Vanġelu. Fuq rasu, qalb is-sħab, jidher il-Missier Etern ibierek lill-qaddis.

Mix-xbieha elongate tal-figura u s-sura tat-tron l-istoriku ta’ l-arti Mario Buhagiar jikkonkludi li l-kwadru sar lejn il-bidu tas-seklu 17. Minkejja din id-data aktarx tardiva, l-artist anonimu uża t-teknika qadima tat-tempera u enfazizza l-burdura tal-figura bl-iswed hekk li tidher tinqata ‘l barra mill-isfond.

Il-Kwadru ta’ San Tumas
(Pittura fuq l-injam, 56 x 90cm)

Kwadru San Tumas

Kwadru San Tumas

Fis-sagristija wkoll insibu panew ieħor impitter bit-tempera li jirrappreżenta lil San Tumas. Fis-seklu sittax dan kien il-kwadru titular ital-knisja oħra ddedikata lill-istess qaddis fit-triq li tagħti għal Ħal Farruġ, eżattament fejn illum hemm iċ¬-ċimiterju ċkejken ta’ San Tumas. Din il-knisja twaqqgħet fl-1656 iżda b’xorti tajba l-pittura ġiet ippreservata u tabilħaq għadha f’kundizzjoni tajba.

L-ewwel ma tissemma fil-Vista Pastorali ta’ l-Isqof Cagliares fl-1615 fejn diġa’ hi deskritta bħala pittura qadima. Bħall-kwadru ta’ San Nikola tidher li ġiet irrestawrata filwaqt li partijiet minnha żgur li tpittru mill-ġdid.

Il-qaddis jidher wieqaf f’pożizzjoni aktarx riġida. F’idu x-xellugija għandu ktieb magħluq filwaqt li f’idu l-leminija qed iżomm l-emblema tiegħu – l-iskwerra tal-bennejja li tista’ tissuġġerixxi li r-raħal diġa’ kien hawn għadd ġmielu ta’ nies tas-semgħa. Fl-isfond naraw veduta: fuq il-lemin siġra mdaqqsa tgħatti għolja fil-bogħod, fuq ix-xellug tidher knisja medjevali li aktarx hi riproduzzjoni fidila ta’ l-istess knisja tal-qaddis.

Mid-dettalji arkitettonoċi tal-knisja u l-aspetti stilitiċi tal-kwadru, Mario Buhagiar jikkonkludi li l-kwadru sar lejn tmiem is-seklu 16. Għalhekk din hi aktarx l-eqdem pittura li għandna r-raħal.

Kemm San Nikola kif ukoll San Tumas kienu meqjuma ħafna fil-knisja tal-lvant u aktarx juru l-influenza reliġjuża li baqgħet f’ Malta minn żmien il-Biżantini.

Nota: It-tempera kienet xorta ta’ żebgħa tradizzjonali magħmula minn ingredjenti varji bħall-isfar tal-bajd, għamla speċjali ta’ kola u sugu mis-siġar tat-tin li kienet tintuża minn ħafna pitturi Taljani fis-seklu 14 u 15 kemm għall affreski kif ukoll għall-pittura fuq l-injam. Aktar tard ħaditilha postha ż-żebgħa taż-żejt.

Il-Kwadru ta’ l-Agunija : Eku ta’ Guido Reni

Pittura ta’ Guido Reni

Skond document li jinsab fl-Arkivju tal-Kurja, il-Belt, il-kwadru fil-kappellun ta’ l-Agunija tqiegħed bejn l-1723 u l-1729 aktarx fiż-żmien il-kappillan Dun Marju Mikiel Mifsud. Mhux biss ma nafux is-sena preċiża iżda lanqas biss nafu l-isem tal-pittur. Kulma nistgħu ngħidu hu lid an il-kwadru jixbaħ ħafna lil xogħol fanuż ta’ Guido Reni: “Il Crocifisso con la Madonna, la Maddalena e San Giovanni” magħruf ukoll bħala “Il Crocifisso dei Capuccini” li jinsab fil-Pinakoteka Nazionale ta’ Bologna. Skond l-istoriku ta’ l-arti Edi Baccheschi, din il-kompożizzjoni ta’ l-1616 serviet ta’ prototip għal għadd kbir ta’ kurċifissjonijiet mis-seklu 17 sal-lum. Il-kwadru Ħalluqi jidwi l-istess ikonografija (eż: il-Maddalena għarkobbtejha tħaddan is-salib, San Ġwann bilwieqfa bil-pali ta’ jdejh f’xulxin, eċċ) u m’hemmx dubju li l-awtur tiegħu kien familjari sew mat-tila ta’ Reni.

Guido Reni (1575-1642) kien pittur Bolonjiż li tħarreġfl-Akkademja ta’ l-aħwa Caracci. Għal xi żmien kien influenzat mill-iskola barokka ta’ Caravaggio iżda aktar tard Raffaello u l-ideali klassiċi saru l-għajn ewlenija ta’ l-ispirazzjoni tiegħu. Minkejja li r-repetizzjoni tiegħu tbandlet qatigħ matul iż-żminijiet, illum ma fadlilniex dubju li kien wieħed mill-ġganti tal-pittura Taljana tul is-seklu 17.

Fil-Mużew Nazzjonali tal l-Arti tal-Belt hemm kwadru tar-Redentur iħaddan is-salib li ħafna kritiċi jattribwixxu lil Guido Reni. Din il-pittura qabel kienet imdendla fil-Palazz Maġisterjali tal-Grammastri iżda ma jfissirx li Reni seta ġie Malta. Il-kruċifissjoni li semmejna qabel u dan ir-Redentur huma fost l-aktar opri kkupjati fir-repertorju tiegħu. Ma’ dawn nistgħu nżidu wkoll il-wiċċ doloruż ta’ Kristu nkurunat bix-xewk u dak ta’ San Mikiel Arkanġlu jisħaqras ix-xitan li jinsab fil-Knisja ta’ Santa Maria della Concezione (Chiesa dei Cappuccini) f’Ruma. Reni pitter din it-tila għall-ħabta ta’ l-1635 u l-popolarita’ tagħha xterrdet malajr bis-saħħa ta’ inċiżjoni li saret sena wara.

Pittura ta' Guido Reni

Pittura ta’ Guido Reni

Saħansitra f’Ħal Luqa għandna kopja ta’ dan ix-xogħol li jinsab imdendel fis-sagristija tal-knisja. Kien tpitter minn T. Busuttil u tħallas mill-familja Palmier (skond kif jixhed l-iskud fir-rokna t’isfel fuq ix-xellug tal-kwadru). Dan kien tqiegħed fil-kappellun ta’ San Mikiel sakemm il-Prof. Oscar Testa kien qiegħed jirrestawra u jkabbar l-ieħor ta’ Giuseppe Cali wara l-gwerra.

Riferenzi:

Ħal Luqa : Niesha u Ġrajjietha (Dun Ġużepp Micallef, Malta, 1975)
“Some Late Medieval and Early Modern Panel Paintings in Malta” (Mario Buhagiar, Melita Historica, Vol VIII, No 3, Malta, 1982)
The Concise Oxford Dictionary of Art and Artists (ed. Ian Chivers, Oxford University Press, 1990)
The Thames and Hudson Dictionary of Art Terms (Edward Lucie-Smith, Thames & Hudson, London 1984)
L’Opera Completa di Guido Reni (Edi Baccheschi, Classici dell’ Arte, Rizzoli, Milano, 1971)

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.