Ix-Xelter tal-Pjazza

//Ix-Xelter tal-Pjazza
Ix-Xelter tal-Pjazza 2018-01-06T23:54:56+00:00

L-idea li jerġa jinfetaħ ix-xelter tal-Pjazza feġġet fl-1995, propju 50 sena wara li l-allejati rebħu it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien nhar is-Sibt 29 t’April 1995 li fetħu l-festi biex ifakkru l-50 sena mill-V.E Day f’Ħal Luqa. Dawn kienu organizzati mill-Kunsill Lokali u dak inhar stess sar marċ mat-toroq tar-raħal miż-żewġ baned tagħna.

Għal din l-okkażjoni l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ħadet ħsieb toħroġ diversi standardi biex jakkumpanjaw il-banda tul it-triq. Hekk fuq quddiem kellna tlieta, il-Malti , ta’ Ħal Luqa u tal-Papa, filwaqt li warajhom kiem hemm ta’ erba pajjiżi alleati fit-tieni gewrra dinjija, jiġifieri dak Ingliż, Awstraljan, Amerikan u Kanadiż. Il-Banda Sant’ Andrija daqqet diversi marċi fosthom il-marċ ‘Victory’ ta’ Vincenzo Ciappara li nkiteb propjament wara l-gwerra biex titfakkar ir-rebħa tal-alleati.

Min hawn il-Kunsill Lokali wera ix-xewqa biex ix-xelter tal-pjazza jinfetaħ għal pubbliku. Saru xi tentattivi biex tinstab il-bokka ta’ ħdejn l-istatwa tal-Kunċizzjoni (dik li nfetħet din il-ġimgħa). Infetħu ukoll l-kaptelli ta’ fuq il-bankina ta’ ħdejn il-każin meta kien qiegħed isir il-madum, minn hemm irriżulta li kien hemm taraġ li jinżel fil-kantina tal-każin (Dan l-aċċess infetaħ fl-2005 b’mod permanenti u qiegħed jintuża biex ikun hemm aċċess aħjar għal min jżur l-wirja tal-Ġimgħa l-Kbira u l-presepju fil-Milied).

Kien l-ex president is-Sur Feliċ Farruġia li qalilna li fil-kantina kien hemm bokka għal ġox-xelter. Peress li il-każin fi żmien il-Gwerra kienet l-għassa tal-Pulizija dan l-aċċess kien jintuża mill-membri tal-korp biex jistkennu mill-bombi tal-għadu.

Il-membri tagħna ħadmu sabiex din il-bokka saret aċċessibbli u nfetħet fi ftit ħin. Kienet esperjenza tassew sabiħa ta’ l-ewwel nies li niżlu fih wara tant snin.

Illum fl-2006 ħdax il-sena wara li reġa nfetaħ il-membri tal-Għaqda tagħna, sar u qed isir ħafna xogħol biex dan ix-xelter jinfetaħ bħala parti mill-wirja ‘Miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju’. B’inizzjattiva tal-membri , dan ix-xelter ġie mnaddaf u saret sistema biex l-ilma li jnixxi kontiwament ġo fiħ jitrażżan. Saret ukoll sistema ta’ dawl u qed jintramaw diversi kmamar bħala parti mill-wirja.

Hawn taħt tistgħu taraw xi ritratti li xi membri ħadu waqt li nbeda x-xogħol. Jidher kif ix-xelter hu kollu mgħerreq u mingħajr ebda dawl. Xi ritratti jidhru mtappnin minħabba il-bidla fit-temperatura min barra għal taħt ix-xelter. Qed nuru xi ritratti tal-kuridur bl-entraturi għall-kmamar fil-ġnub, dehra ta’ xi karma u l-artal li tqatta fil-blat.

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.