Ix-Xeltrijiet f’Ħal Luqa – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Ix-Xeltrijiet f’Ħal Luqa

//Ix-Xeltrijiet f’Ħal Luqa
Ix-Xeltrijiet f’Ħal Luqa 2018-01-06T23:57:39+00:00

Ix-Xeltrijiet pubbliċi tal-Gwerra f’Ħal Luqa

Xelter taħt il-Każin

Xelter taħt il-Każin

Għalkemm mal-bidu tal-gwerra xi familji kienu iddeċidew li jħaffru x-xeltrijiet tagħhom, taħt djarhom stess, il-Gvern dam ma beda jħaffer xeltrijiet pubbliċi f’Ħal Luqa. Wara l-attakk qawwi tas-17 ta’ Settembru 1940 tressqet petizzjoni jumejn wara quddiem il-Gvernatur min-nies ta; Triq il-Karmnu fejn talbuh jitħaffer xelter fit-triq tagħhom. Il-petizzjoni ssemmiet fil-Kunsill tal-Gvern fl-24 tax-xahar minn Erkole Valenzia. Valenzia semma’ wkoll li jumejn qabel dik is-seduta kienu reġgħu waqgħu l-bombi fl-istess triq. Weġbuh li Ħal Luqa kienet minn ta’ quddiem fost il-postijiet fejn kellhom jitħaffru xeltrijiet. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, kompliet it-tweġiba, kien ġa approva li jitħaffer xelter fit-triq imsemmija. “Żgur,”, temmet tgħid l-istqarrija, “li mhux ser ikun hemm dewmin fit-tħaffir tax-xelte.” Imma sew dan ix-xelter kemm oħrajn ħadu ż-żmien biex jitlestew. Kellhom jgħaddu x-xhur, qabel ma Ħal Luqa kienet moqdija sewwa b’xeltrijiet pubbliċi.

Fit-3 ta’ Settembru 1940 Ġużeppi Penza nħatar Assistent Kummissarju Distrettwali għal Ħal Luqa. Is-surmast Penza stinka biex imexxi ‘l quddiem it-tħaffir tax-xeltrijiet pubbliċi, l-iżjed wara l-laqgħa li kellu mal-Gvernatur ġewwa Ħal Luqa. Penza kellem ukoll lit-tabib Pawlu Boffa biex jagħtih daqqa t’id. Kellu jistenna sas-sajf ta’ l-1941 biex jara x-xewqa tiegħu sseħħ.

It-tħaffir tax-xeltrijiet pubbliċi taħt it-tmexxija tas-sur Mavity, li kien megħjun minn Karmnu Azzopardi, l-imgħallem għar-raħal, ħa ħafna żmien. U għalkemm fis-seduta tal-Kunsill tal-Gvern tat-18 t’Ottubru 1940, Boffa qal li Mavity wiegħdu li x-xogħol f’Ħal Luqa kellu jitlesta f’qasir żmien, il-ħsieb tiegħu dam biex twettaq. L-istess Boffa f’ittra li kiteb f’April ta’ l-1941 ipprotesta li t-tħaffir f’Ħal Luqa kien miexi bil-mod wisq, u żied jgħid li sew is-surmast Penza kemm it-tabib Ġ. Morana kienu ta’ l-istess fehma.

Fl-1 ta’ Lulju ta’ l-1941 kien għadu sejjer it-tħaffir ta’ l-aħħar erba’ xeltrijiet pubbliċi li kellhom isiru f’ Ħal Luqa. Kien hemm jaħdmu fuq san ix-xogħol 58 raġel bejn baqquniera u lavranti.

Meta fl-aħħar ix-xeltrijiet pubbliċi tlestew f’Awwissu, kien hemm wisa’ biex jistkennu fihom 3,383 ruħ, ħafna aktar mill-popolazzjoni – 3,060 – li kien hemm fir-raħal dak ix-xahar. Barra minn hekk 1,200 ruħ kellhom kenn f’xeltrijirt private. Id-dsatax-il xeltrijiet pubbliċi li ġew imħaffar kienu jinqdew bihom inqas minn elfejn ruħ.

Dawn ix-xeltrijiet pubbliċi kienu mqassmin hekk:

Tlieta fi Triq il-Karmnu (f’Awwissu ta’ l-1941 kienu jinżlu fihom 203 kbar u 108 tfal), tnejn fi Triq Sant’ Andrija (156,68), tnejn fi Triq San Ġużepp (131,55) u tnejn oħra fi Triq il-Ġdida (77,55). Kien hemm wieħed fi Triq Brittanika (71,24), ieħor fi Triq Valletta (33,27), id-Dokkiena (39,25), ir-Rixtellu (89,47), Triq il-Parroċċa (66,54), Triq Papa Innoċenzju (16,13), Dun Pawl (86,49), Triq Santa Marija (63,32) u Triq San Pawl (86,36). Kien hemm ieħor il-pjazza (131,38).

L-akbar tliet xeltrijiet kienu dawk ta’ ħdejn l-iskola (Triq Sant’ Andrija) b’183 ruħ, ta’ ħdejn il-Knisja tal-Ftajjar, 172, u tal-pjazza b’169 ruħ.

Hekk kif tara din il-lista, taħseb għall-ewwel, li xi toroq ma kellhomx xelter għalihom. Dan ma hu minnu xejn. Triq San Ġorġ, ingħidu aħna, ma tissemmiex, iżda ma jfissirx li n-nie ta’ din it-triq ma kellhomx xelter pubbliku fejn jistkennu. Waqt li x-xelter ta’ ħdejn l-iskola kien ftit passi ‘l bogħod mit-triq, sew dak ta’ Triq Dun Pawl kemm tal-Wisgħa kellhom bokka minnhom tagħti għal Triq San Ġorġ.

Leli Ciantar, baqqunier, jgħid li l-ewwel karma f’xelter pubbliku kienet dik li ħaffer għall-familja tiegħu. Dan ġara wara li hu talab lill-kuntrattur li kien jaħdem miegħu biex jagħmel dan peress li ma setax jorqod bil-lejl fix-xelter tal-Gvern. Dan min-naħa tiegħu ġablu permess mingħand l-awtoritajiet tal-Gvern u f’temp ta’ ġimgħa l-kamra kienet lesta. Malli n-nies raw din il-kamra, kulħadd ried jagħmel waħda, u f’kemm trod salib bdew iħaffru.

Biex tħaffer karma f’xelter pubbliku kont trid il-permess ta’ l-Uffiċċju tal-Protezzjoni li dejjem kien jagħtihulek bil-patt li t-tħaffir isir fil-livell tax-xelter, il-kamra ma tkunx iżjed minn sitt piedi wisa’ u ma tissakkarx. Kont trid tħallas xelin fis-sena wkoll!

Kien hemm min il-kamra ħaffira hu, iżda l-biċċa l-kbira kienu jqabbdu baqqunier. Kienu jeħdulhom mill-inqas sitt liri. Kien hemm min ħallas sa tnax u erbatax-il lira. Wieħed sa wasal biex il-kamra għamillha l-madum, u bajjadha.

Kull xelter pubbliku kont isiiblu l-kmamar fih. Kien ikun hemm ftit jew ħafna skond kemm kien ikun kbir ix-xelter. F’dak ta; Triq Brittanika kien hemm erba’ biss, f’dak tal-Wisgħa kien hemm fuq ħdax-il waħda u dak tal-pjazza mimli kmamar, waħda ħdejn l-oħra (xi ħaġa mpressjonanti ħafna!).

Fil-kamra kulħadd kien jaħseb għas-sodo – aktarx tat-twavel – biex dak li jkun ikollu fejn jorqod matul il-lejl. Xi wħud kienu jaħsbu għal xi affarijiet oħra wkoll, skond il-bżonn bħal xi ħofra fil-ħajt li kienet isservi ta’ armarju; xkaffa bi spiritiera biex jagħmlu xi ftit misħun għat-tfal kif ukoll xi żewġ siġġijiet u mejda; kien hemm min kellu anki benniena.

Kien hemm min ħaseb iniżżel oġġetti oħra ta’ ħtieġa għall-ħajja biex kemm-il darba taqgħalu d-dar, jibqgħalu xi ħaġa. Kont tara n-nisa b’dik il-borża f’idejhom mimlija bil-flus, fided jew deheb kull darba li kienu jinżlu fix-xelter waqt attack. Dun Ġużepp Callus ħajjar lin-nies tax-xelter tal-pjazza jagħmlu artal. Tħaffjet arzella fil-blat – xogħol l-istess baqquniera u bennejja li jienu jieħdu kenn fl-istess xelter. Ninu Said għamel bust tal-Madonna tad-Duluri li twaħħal fuq l-artal.

Kont tara ħafna kbar u żgħar reqdin fl-art fuq xkejjer mimlijin tiben. Oħrajn kienu jwaħħlu kanen jew ħadid fil-blat, ipoġġu fuqu tavla jew tnjen u jorqdu fuqhom. Ħafna kienu jgħaddu l-lejl bil-qiegħda fuq it-taraġ tax-xelter jew fuq xi banketta jongħosu l-ħin kollu.

In-nuqqas ta’ ndafa fuq in-nies u fix-xeltrijiet, l-iffular ta’ nies għal sigħat sħaħ hemm isfel u n-nuqqas ta’ ikel ġab miegħu l-marda tal-ħakk. It-tabib Muscat għamel kemm seta’ biex jgħin u ġab ingwent biex iqassmu lin-nies b’xejn.

Minħabba li fix-xitwa l-blat beda jnixxi ħafna ilma, saru bħal ħofor biex fihom jinġabar l-ilma tax-xelter. In-nies tal-Gvern kienu jinżlu jbattlu l-ilma hekk kif ix-xelter jitbattal min-nies.

Missirijietna tassew raw u daqew minn kollox f’dawk iż-żminijiet li llum nisimgħu u naqraw dwarhom.

Meħud min artiklu li deher fil-Ktieb tal-Festa ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija tal-1995. Refernzi : Ħal Luqa : Niesa u Ġrajjietha – Rev. J Micallef

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.