L-Arma ta’ Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

L-Arma ta’ Sant’ Andrija

//L-Arma ta’ Sant’ Andrija
L-Arma ta’ Sant’ Andrija 2018-01-07T00:05:14+00:00
L-Arma ta' Sant' Andrija

L-Arma ta’ Sant’ Andrija

Bħala prinċipju, l-arma ta’ Qaddis hija distinta mis-siġill jew timbru tal-Paroċċa. Hawn parroċċi f’Malta u f’Għawdex li s-siġill tagħhom huwa totalment differenti mill-arma tal-qaddis protettur tagħhom. L-arma ta’ l-Appostlu Protettur tagħna Sant’ Andrija sa minn mijiet ta’ snin ilu dejjem kienet is-salib ta’ Sant’ Andrija fin-nofs imdawwar minn żewġ palmiet u fuq is-salib kuruna miftuħa.

L-eqdem arma ta’ Sant’ Andrija fil-parroċċa tagħna insibuha fil-kwadru titulari ta’ Mattia Preti li sar fl-1687 fejn naraw lil żewġ anġli żgħar fl-irjus tas-salib u li jżommu f’idejhom il-kuruna miftua u l-palma. Prova oħra li għandna fil-parrocca tagħna hija l-iskultura fuq il-bankun antik ta’ Sant’ Andrija li għadu jintrama fil-festa liturgika ta’ Novembru u li dan l-aħħar kulħadd seta’ jarah meta l-istatwa kienet barra min-niċċa tagħha waqt li kien qed isir restawr fiha. L-arma turi ċar il-kuruna miftuha b’żewġ palmiet ħerġin minnha. Dan il-bankun żgur li għandu mal-200 sena. L-akbar agħma huwa dak li ma jridx jara.

Il-kuruna miftuħa hija l-kuruna tal-martri u mhux il-kuruna magħluqa li hi l-kuruna tas-slaten. Il-friegħi tal-palm insibuhom imsemmijin fl-iskrittura. In-nies ta’ Ġerusalemm laqgħu lil Ġesu’ bil-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ. Fil-ktieb ta’ l-Apokalissi nsibu, fid-dehra li San Ġwann l-Evanġelista kellu, li l-martri li xerrdu demmhom għal Kristu lebsin l-abjad u ixejru f’idejhom il-friegħi tal-palm. Għall-kuntrarju ir-randa għandha oriġini pagana. L-imperaturi Rumani kienu jilbsu fuq rashom kuruna tar-rand, hekk ukoll il-ġenerali wara xi rebħa. San Pawl f’waħda mill-Ittri tiegħu, indirettament isemmi l-kuruna tar-rand meta jghid li l-ġerrejja itellqu għal kuruna li tidbiel. Fil-letteratura, ir-randa hija simbolu ta’ l-egoiżmu għax din is-siġra tikber bla ma taghti frott.

Minbarra l-eżempji li semmejt aktar ‘il fuq li nsibu fil-knisja parrokkjali tagħna, nistgħu nsemmu oħrajn bħall-arma li hemm fuq il-pedestall ta’ l-istatwa tat-titular, dik li hemm fuq il-pulptu, fuq il-battisterju, fuq il-kappi tal-festa. Qatt ma nista’ nimmaġina li jitneħħew jew jitqattgħu dawn. Jiena fittixt u saqsejt dwar armi ta’ Martri barra mill-parroċċa: San Pawl tal-Belt u San Pawl tar-Rabat, l-arma tal-martri San Kalċidonju fil-Kappella tal-Kurja, l-istatwi ta’ San Ġorġ u ta’ San Sebastjan bil-palma f’idejhom. Nixtieq lil min fettillu jdaħħal ir-randa fl-arma ta’ Sant’ Andrija jaqra dan l-artiklu u jkompli jfittex biex isir jaf il-verita’ kollha.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
finpecia 1mg review Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.