L-iScouts f’ Ħal-Luqa

//L-iScouts f’ Ħal-Luqa
L-iScouts f’ Ħal-Luqa 2017-12-31T01:15:14+00:00

Għal ħabta ta’ 1935 ingħata bidu għat-twaqqif tal-Moviment ta’ l-Iscouts f’Ħal Luqa mis-Sur Johnny Cole bħala Scout Master u s-Sur Meli. Dawn kienu it-tnejn mir-Raħal Ġdid u kienu jiġu f’garaxx fi Triq il-Ġdida f’Ħal Luqa sabiex jiktbu ż-żgħażagħ u t-tfal fl-iscouts. Għal bidu dawn sabu ħafna oppożizzjoni iżda l-ġenituri ta’ Ħal Luqa kienu determinati li jwaqqfu dan il-Moviment fir-raħal. Ma għaddiex żmien wisq li n-nies ta’ Ħal Luqa ma ħadux it-tmexxija ta’ dan il-Grupp u wara ftit naraw li Andrew Cassar inħatar Scouts Master, George Atkins Ass. Scouts Master u Felix Farruġia Club Master. Sa dan it-tant in-numru ta’ l-iscouts u cubs fir-raħal kien kiber ġmielu. Kollha bl-uniformi u mħarrġa sew taħt id-dixxiplina li jgħallem dan il-Moviment. Għat-training u attivitajiet oħra kienu jużaw l-iskola tal-Gvern.

Ħafna minn dawk li ingħaqdu ma’ dan il-Moviment kienu bandisti miż-żewġ każini tar-raħal, u kien ferm faċli li ssir banda ta’ l-iscouts. Din il-banda kienet tieħu sehem f’kull parata li kienu jgħamlu sew fir-raħal kif ukoll barra r-raħal, speċjalment meta dawn kienu jidħli l-Belt Valletta flimkien mal-Moviment ta’ l-iscouts ta’ Malta kollha għas-St. George’s Day. Darba fix-xahar kienu jagħmlu Church Parade u jitilqu b’marċ minn ħdejn l-iskola tal-Gvern sal-Knisja u wara s-servizz tal-Knisja kienu jagħmlu parata fil-Pjazza, u jerġgħu lura jdoqqu sa’ l-iskola tal-Gvern.

Dan il-grupp kien imexxi wkoll minn kumitat bis-Sur Anton Micallef bħala Chatman, Is-Surġent George Atkins, missier l-Assistant Scout Master u is-Surmast ta’ l-Iskola Primarja is-Sur Galea.

Meta l-Grupp issaħħaħ sew inħasset il-ħtieġa ta’ Headquarters barra l-użu ta’ l-iskola tal-Gvern, nkera post fi Triq il-Karmnu, sabiex iservi għal kwartieri tal-banda u lezzjonijiet oħra ta’ formazzjoni tal-karattru taż-żgħażagħ.

Wara xi sentejn, l-iscouts ta’ Ħal Luq ġew irregalati s-Service Star u baqgħu jilbsuha. Xi wħud mill-Bandisti rrifjutaw li jilbsuha fuq l-uniformi u ħallew il-Moviment. B’dana kollu xorta kien baqa’ bandisti biżżejjed sabiex il-banda tibqa’ tagħmel is-servizzi tagħha regolari u kemm il-darba filgħaxija kienet toħroġ b’Road March madwar ir-raħal u tibqa’ sejra sa Raħal Ġdid u lura akkumpanjata mill-grupp kollu ta’ l-iscouts ta’ Ħal Luqa.

Waħda mill-attivitajiet li kienet għamlet u li għaliha kien anke attenda l-Island Commissioner kienet wirja ta’ kif tifel jiġi salvat min-nar f’kamra li qed taqbad. Din il-wirja kienet saret fil-pjazza, il-Ħadd filgħodu wara ċ-Church Parade tas-soltu.

Dan il-Grupp ta’ l-iscouts f’Ħal Luqa kien ippattronizzat mir-Royal Air Force Luqa, fosthom Flight Lt Beasley. Dawn kienu jipprovdu il-faċilitajiet neċessarji għall-camping li kien isir matul is-sena. Kienu ukoll joffru postijiet bħal ma huma l-hangars fejn kienu jżommu l-ajruplani u l-operating room tal-aerodrome għal-żjarat li kienu jorganizzaw l-iscouts ta’ Ħal Luqa.

Attivita’ oħra kienet it-tejatrin. Dawn kienu għamlu palk ta’ l-injam ġol bitħa ta’ l-iskola tal-Gvern u fis-sajf is-Sibt filgħaxija kienu jtellgħu programmi ta’ drammi, fares, u kanzunetti fejn kienu jattendu ħafna nies.

Meta bidet riesqa t-Tieni Gwerra Dinjija l-iscouts ta’ Ħal Luqa ġew imsejħa sabiex jagħtu l-għajnuna lill-pulizija fiż-żamma tal-curfew lill-ARP, sabiex jinqalgħu persuni minn taħt id-debris u għassa mal-ġibjuni. Dan kollu kien isir sew binhar u kemm bil-lejl. Meta Ħal Luqa tfarrket bil-bombi ta’ l-għadu ma kienx aktar possibli li jitkompla dan ix-xogħol mill-iscouts ta’ Ħal Luqa. Wara l-gwerra reġa’ sar attentat sabiex jerġa’ jintrama’ l-iscouts f’Ħal Luqa, iżda ma rnexxiex. L-awgurju tiegħi minn din il-paġna hu li xi persuna tieħu l-inizzjattiva sabiex jerġa’ jitwaqqaf dan il-grupp biex b’hekk, titkattar il-kultura u l-maturita’ fost iż-żgħażagħ tagħna.

Carmelo Baldacchino (1993)
President Onorarju

Ir-Ritratt

Il-Grupp ta’ l-Iscouts ta’ Ħal Luqa waqt parata bil-banda fil-pjazza ta’ Ħal Luqa. Fuq quddiem nett jidher George Atkins, u fl-ewwel filliera tal-banda jidhru Andrew Spiteri (Basso), Andrew Demicoli (Trombone), Carmelo Zammit (Euphonium) u Nikola Bondin (Althorn).

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.