L-Istatwa tal-Qaddisa Massimilla f’Ħal Luqa – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

L-Istatwa tal-Qaddisa Massimilla f’Ħal Luqa

//L-Istatwa tal-Qaddisa Massimilla f’Ħal Luqa
L-Istatwa tal-Qaddisa Massimilla f’Ħal Luqa 2017-12-31T01:25:15+00:00

Fl-2005 sar restawr ta’ l-istatwa tal-Qaddisa Massimilla li tintrama fi Triq il-Karmnu, Ħal Luqa, biswit il-kappella ta’ Santa Marija tal-Ftajjar. Sar restawr ukoll tal-pedestall ta’ din l-istatwa. L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa tieħu ħsieb li tarma din l-istatwa bil-pedestall b’kollox flimkien ma’ armar ieħor f’din it-triq.

Min kienet Massimilla? Massimilla jingħad li kienet oħt il-prokonslu ta’ Akaja, Egea, dak li kkundanna lill-Appostlu Sant’Andrija għall-mewt tas-salib. Jingħad ukoll li l-fatt li Massimilla kkonvertiet minn pagana għal nisranija, ġagħal lill-prokonslu Egea li jeħodha kontra l-Appostlu.

Fil-familja tiegħi ta’ Zammit kelli z-zija ta’ missieri, oħt in-nannu, kien jisimha Massimilla għal din il-qaddisa. Jista’ jkun li l-ġenituri tagħha semmewha hekk għax kienu devoti ħafna ta’ Sant’Andrija u kienu jisimgħu l-priedki tat-tridu u l-paneġierku u ma kienx jonqos li l-predikatur ma jsemmix din il-mara qalbenija li ċaħdet il-paganzimu u ħaddnet it-twemmin nisrani.

Fil-Għasar ukoll ta’ lejlet u nhar il-festa li dak iż-żmien qabel il- Konċilju Vatikan Tnejn kien jitkanta bil-Latin, insibu waħda mill-antifoni li kienet tgħid hekk:’Massimilla, Christo amabilis, tulit corpus apostoli et optimo loco cum aromatibus sepelivit’… Bil-Malti tfisser hekk:- ‘Massimilla, li kienet tħobb IiI Kristu, ħadet il-ġisem ta’ l-Appostlu u wara li dilkitu bil-fwejjaħ, difnitu f’qabar mill-aqwa’. Il-ġenituri tan-nannu tiegħi, wara li kellhom tifla li mietet ta’ eta’ żgħira, semmew liż-żewġt itfal bniet oħra, Massimilla u Andreana. Biex titkompla t-tradizzjoni fil-familja, waħda minn ħuti l-bniet, 1’iżgħar waħda, issemmiet Massimilla. Ma jidhirlix fil-parrocca tagħna ta’ Ħal Luqa hawn xi mara jew tifla li jisimha Massimilla.

Jingħad li din il-familja tan-nannu xtaqet li jkun hawn statwa ta’ Massimilla li tintrama fi Triq il-Karmnu u kienet ħajret lill-Għaqda Mużikali Sant’Andrija biex issir statwa ta’ dil-qaddisa, iżda din l-Għaqda Mużikali kienet iddeċidiet li tordna statwa ta’ Malta Gwerriera. Għalhekk il-familja Zammit ordnat xorta waħda statwa ta’ Massimilla li jingħad li nħadmet minn Karlu Darmanin.

Tifħir lill-Qaddisa Massimilla

Insellmulek Massimilla,
Għax tistħoqqlok kull foħrija.
Inti ċħadt id-dlam tal-ħażen
U mxejt wara Sant’Anjrija

Insellmulek Massimilla,
Xhud tal-fidi nisranija,
Inti tlabt biex il-grazzja jkollok
Li tirċievi l-magħmudija.

Insellmulek Massimilla,
Gawhra ta’ qawwa u qdusija,
Kien jistħoqqluk tkun ta’ Kristu;
Tissieħeb miegħu fit-tbatija.

Insellmulek Massimilla,
Kont għall-poplu dawl u dija.
Warajk imxew oħrajn li ħaddnu
It-tagħlim ta’ Sant’Andrija.

Insellmulek Massimilla,
Għax magħrufa għall-qlubija.
Ma bżajtx tagħti ġieħ mill-aqwa
Lill-ġisem mejjet ta’ Sant’Andrija.

Insellmulek Massimilla,
Kun għalina ħarsien mill-ħtija,
Kif kont int għall-poplu tiegħek.
Biex lilek infaħħru għalenija.

massimilla

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.