Ritratt bi Storja

//Ritratt bi Storja
Ritratt bi Storja 2017-12-31T20:43:58+00:00

Xi kultant naraw ritratti li, wara li nkunu forsi tajnihom daqqa t’għajn ħafifa, ninsewhom għal kollox. Mill-banda l-oħra, hemm dawk ir-ritratti, li għal xi raġuni, li xi kultant l-anqas biss nirrejalizzawha, jolqtuna b’mod li jibqgħu iqajjmu fina kurżita.

Ir-ritratt li qed jidher ma’ dan l-artiklu huwa wieħed li dejjem affaxxinani, u li ma nafx kemm-il darba qbadtu u erġajt mort għalih. Minbarra l-kontenut tiegħu, jiġifieri l-ajruplan li lili jinteressani b’mod speċjali, jidher li hemm fih mument li fih ir-raħal tagħna ta’ Ħal Luqa, kien għaddej minn tibdil kbir.

Nibda biex niddeskrivi ftit il-post eżatt minn fejn, u kif ittieħed dan ir-ritratt. L-ewwel nett ta’ min isemmi l-awtur, jew aħjar il-fotografu. Dan ittieħed minn Charles B. Grech, li f’dak iż-żmien kien il-fotografu uffiċjali tat-‘Times of Malta’. Grech kien wieħed mill-ftit fotografi Maltin li kienu jingħataw permess biex itir u jieħu ritratti ma’ r-‘Royal Air Force’, il-qawwa ta’ l-ajru Ingliża. Dan għaliex hu kien fis-servizz ma’ l-istess qawwa fl-aħħar snin tat-tieni gwerra, stazzjonat fil-Qrendi, u baqa’ fis-servizz għal xi żmien anke wara.

Wieħed jista’ jikkalkula li l-ajruplan li kien fuqu l-fotografu kien qiegħed tista’ tgħid fuq l-inħawi ta’ Wied il-Knejjes fil-mument tar-ritratt. Fuq in-naħa t’isfel tidher ċar linja ta’ djar minn wara, li huma fi Triq ir-Rixtellu, bi Triq il-Karmnu fuq il-lemin u l-bini li llum
huwa l-MUSEUM tas-subien fuq ix-xellug. Wieħed faċilment jilmaħ il-kampnar żgħir tal-Kappella tal-Madonna tal-Ftajjar u l-wesgħa żgħira li hemm warajha, li minnha tagħti għall-pjazza ta’ quddiem il-knisja.

Mal-ponta tal-ġwejnaħ ta’ l-ajruplan, fuq il-lemin, tidher Triq Sant’ Andrija, tiela’ lejn l-iskola tar-raħal. Jekk mill-istess ponta tiġbed lejn ix-xellug wieħed jista’ jilmaħ Triq Dun Pawl, waqt li fuq nett fuq ix-xellug tidher Triq Ħal Tarxien. M’għandniex xi ngħidu, fin-nofs tiddomina x-xena l-Knisja Parrokkjali ddedikata lil Sant’Andrija… Iżda fuq din nitkellmu aktar tard. Minn wara l-koppla tal-knisja, tidher tispikka Triq San Ġużepp, u jidher ukoll il-post fejn din tinqasam fi tlieta, il-fergħa li tkompli lejn Triq Ħal Tarxien, lejn Triq San Ġorġ fuq il-lemin, u Triq Santa Marija lejn in-naħa ta’ fuq.

Meta Ttieħed

Id-data tar-ritratt ma nafuhiex eżatt, Iżda ħafna elementi jistgħu jgħatuna ħjiel mhux ħażin. Wieħed jista’ jgħid li dan ir-ritratt ittieħed wara Mejju ta’ l-1955, u forsi mhux ħafna tard iżjed minn dak iż-żmien. L-ewwelnett, il-knisja tidher kompluta, bil-koppla l-ġdida li kienet inbdiet fl-1950, u li tlestiet minn kollox f’Ġunju ta’ sentejn wara.
Jidher ukoll lest ix-xogħol fuq il-kampnar tal-qanpiena l-kbira li kellu jinħatt fl-1952 u jinbena mill-ġdid. Ix-xogħol wara kien ikkonċentrat fuq il-faċċata u nafu li f’Mejju ta’ l-1955 kienet reġgħet tpoġġiet f’posta l-istatwa tar-Redentur bejn iż-żewġ kampnari, li tidher sew fir-ritratt. Anzi, ta’ min iżid, li wieħed jinnota fil-kopja oriġnali, kemm il-ġebel tal-pedistall ta’ din l-istatwa għadu frisk, mibni fi żmien mhux ‘il bogħod.

Jidher ukoll ħafna mix-xogħol ta’ rikostruzzjoni li kien sar, u li kien għadu jsir,
biex titranġa l-ħerba kbira li kienet ħalliet il-gwerra fir-raħal. Per eżempju, it-tiswija fuq dar fi Triq ir-Rixtellu, eżatt taħt l-iskrun ta’ l-ajruplan, fejn jidher ukoll li qed isir xi xogħol ieħor fuq wara tal-bini fl-istess sit. Ta’ min jinnota wkoll li quddiem l-istess dar, hemm oħra li qed tinbena mill-ġdid. Fir-rokna t’isfel, fuq il-lemin, ħdejn il-Kappella tal-Madonna tal-Ftajjar, jidher ukoll bini li għadu bi ħsara mhux żgħira, b’soqfa mwaqqa’ ħlief għal xi travu li għadu jidher f’postu. Minn dan il-punt wieħed jista’ jħares ‘il fuq u jara l-bini li kien tela’ biex jieħu post dak li waqa’ fi Triq il-Karrnnu, int u sejjer lejn il-pjazza ta’ quddiem il-knisja.

Fuq nett quddiem il-Knisja jidher il-bini fejn illum hemm l-għassa tal-Pulizija għadu tiela, b’sular wieħed lest. F’dan is-sit sa qabel iġġarraf fil-gwerra kien hemm il-każin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija.

L-aktar li jispikka fil-parti ta’ fuq tar-ritratt, iżda, hija l-linja ta’ bini ġdid li hemm fuq fittriq li tagħti għaċ-ċimiterju, minn fejn jidher li beda jespandi r-raħal f’dak iż-żmien. Faċċata ta’ dak il-bini għadu kważi kollu għelieqi, illum mogħtti kollu bini. Ma jidher l-ebda ħjiel tat-triq magħrufa bħala l-‘By-Pass’, illum imsemmija Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa, li minn Santa Lucija tagħti għal Ħal Luqa, u li tkompli lejn l-irħula tal-viċin, jiġifieri Ħal Kirkop, il-Qrendi, Ħal Safi u ż-Żurrieq.

Anke fi Triq Ħal Tarxien, il-bini għadu kważi kollu kemm hu fuq naħa waħda, u l-għelieqi ta’ fuq, warajhom għadhom iħaddru u jagħtu l-frott. Ftit l-isfel, wieħed jista’ forsi jinduna li għaddejja triq bejn żewġ ħitan tas-sejjieħ; din mhix ħlief Triq il-Ġdida, fil-parti minn fejn taqsam Triq San Ġużepp u tibqa’ sejra sa’ Triq id-Dokkiena.

L-Ajruplan

Ħallejt għall-aħħar biex nagħti xi ftit informazzjoni dwar il-veru suġġett ta’ dan ir-ritratt. L-ajruplan huwa tat-tip Avro Shackleton M.R. Mk2, bin-numru tas-servizz WL796. Dan inbena fil-bidu ta’ 1-1953 u sa’ Ottubru ta’ l-istess sena ingħaqad ma’ 38 Squadron tarRoyal Air Force, li kienet stazzjonata fil-bażi ta’ Ħal Luqa.

Din l-iskwadra, li x-xogħol prinċipali tagħha kien li tħares l-ibħra mill-ajru għal movimenti ta’ l-‘għadu’ jew kuntrabandu u li toffri servizz ta’ salvataġġ f’każ ta’ bżonn, kienet waslet f’Malta fil-5 ta’ Lulju ta’ l-1945 minn Falconara, fl-Italja. Dak iż-żmien hija kienet mgħammra bil-Wellington MkXIV. F’Ġunju tas-sena ta’ wara, il-Warwick ħa post il-Wellington, dejjem fl-istess rwol, iżda f’inqas minn xahar, dan it-tip ukoll beda jinbidel ma’ versjoni speċjali tal-famuż Avro Lancaster, il-MkIII. L-ajruplan tar-ritratt kien wieħed mill-ewwel Avro Shackletons li ġew Malta biex jieħu post il-Lancaster fl-1953.
Il-konnessjoni tat-38 Squadron ma’ Ħal Luqa spiċċat fit-30 ta’ Ottubru, 1965, meta trasferit ruħa lejn Ħal Far, sewwa sew kif din il-bażi spiċċat minn taħt il-kontroll ta’ lAmmiraljat u ġiet f’idejn ir-‘Royal Air Force’. Hemm, ix-Shackletons baqgħu sa’ meta liskwadra ġiet żarmata għall-kollox fil-31 ta’ Marzu, 1967.

Richard J. Caruana
Mejju 2001

REFERENZI

Caruana, Richard J.. Ħal Luqa u l-Mitjar, (Ħal Luqa fil-Gwerra, Fil-Paċi), 1995, u noti
personali oħra
Hamlin, John F., Military Aviation in Malta, 1994
Halley, James J.. The Squadrons of the Royal Air Force, 1988
Micallef, Dun Guzepp, Ħal Luqa, Niesha u Ġrajjietha, 1975

ĦAJR

Charles B. Grech

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.