San Ġorġ Preca u Ħal Luqa – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

San Ġorġ Preca u Ħal Luqa

//San Ġorġ Preca u Ħal Luqa
San Ġorġ Preca u Ħal Luqa 2018-01-02T21:47:20+00:00

Il-beatu Malti Dun Ġorġ Preca se jsir Qaddis nhar il-Ħadd, 3 ta’ Ġunju f’Ruma. Dan ħareġ mill-Konċistorju tal-Kardinali dwar il-kanonizzazzjoni tal-ħames beati, fosthom Dun Ġorġ Preca, li sar fit-23 ta’ Frar 2007, fil-Vatikan.

Il-Konċistorju ssejjaħ mill-Papa Benedittu XVI biex il-Kardinali u l-Isqfijiet setgħu jesprimu l-parir tagħhom dwar il-kanonizzazzjoni tal-ħames beati. Il-parir tagħhom kien wieħed favorevoli.

Il-Konċistorju beda jiltaqa’ għall-ħabta tal-11:00am u matulu saret il-preżentazzjoni tal-kawża tal-ħames beati. Imbagħad ittieħdet votazzjoni dwar kull kawża mill-Kardinali u l-Isqfijiet biex jiddikjaraw jekk jaqblux li l-ħames beati jsiru Qaddisin.

Fl-okkażjoni ta’ dan il-Konċistorju, f’Malta f’12:00pm indaqqet mota ta’ kwarta fil-Knejjes kollha. Dan skond kif talab l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona, li ordna wkoll li filgħaxija jinxtegħlu l-faċċati tal-Knejjes.

Dun Ġorġ kien iħobb jiġi spiss fil-qasam tal-Museum f’Ħal Luqa minkejja li dak iż-żmien ma kienx hawn mezzi ta’ trasport bħal-lum.

Biex jiġi Ħal Luqa kien imur għalih Ġużeppi Galea, Ta’ Balal, fuq il-ħmara ta’ missieru. Dun Gorg kien jgħidlu: “Fiex tiftakar meta tara wieħed riekeb fuq ħmara?” Ir-risposta kienet tkun li wieħed jiftakar f’Ġesu dieħel Ġerusalemm.

Meta kien jasal il-Museum, Dun Ġorġ kien jiġbor it-tfal kollha fil-kappella u jgħamlilhom lezzjoni. Wara l-lezzjoni, Dun Ġorġ kien igħid lis-Superjur biex jixtri borża kbira bil-ħelu u jqassam tlett ħelwiet lil kull tifel. Wara li kien ibierku kien jgħid lil kulħadd: “Tajtkom tlieta biex tiftakru fit-Tlett Persuni tat-Trinita.”

Fis-sajf il-lezzjoni kien jagħmilha fil-beraħ. Meta l-Museum kien għadu fi Triq Brittanica, illum Triq Pawlu Magri, kien jagħmilha fuq il-bejt. Darba l-Ħamis f’nofs il-lezzjoni kellu jieqaf minħabba li dak iż-żmien kienet tindaqq mota ta’ kwarta bil-qniepen minħabba li f’din il-ġurnata Ġesu waqqaf l-Ewkaristija. Dun Ġorġ bil-paċenzja kollha qagħad jistenna sakemm kompla l-lezzjoni. Meta l-Museum mar fi Triq ir-Rixtellu l-lezzjoni kien jagħmilha fil-ġnejna li kien hemm fuq wara.

Darba Tuse Mallia, li dak iż-żmien kien prefett tal-klassi tal-magħżulin talab lil Dun
Ġorġ biex jitlob għall-klassi ħalli tiżdied fin-numru. Dun Ġorġ wieġbu: “Mhux il-Kwantita imma l-Kwalita”.

Meta kien ikun se jirkeb biex imur id-dar, kien jagħmel xi għoxrin minuta ħdejn il-bieb ta’ barra, ibierek id-domni, kuruni kif ukoll tfal żgħar li kienu jiġu m’ommhom wara l-bieb tal-Museum.

Dun Ġorġ ġieli kien jiġi Ħal Luqa meta kienet issir xi “Sajda Museumina”, ġimgħatejn konferenzi mill-membri lin-nies. Dakinnhar li kien jiġi l-attendenza għall-konferenza kienet tiżdied.

Pero waħda mill-isbaħ ġrajjiet hi din li biha nagħlqu dan l-artiklu. Wieħed mill-ewlenin soċi, li kien b’saħħtu u bieżel ħafna miet. Dan kien jismu Feliċ Ellul. Kien għadu kemm spiċċa minn biċċa xogħol id-dar tagħhom u kif kien għarqan, mar jinħasel biex imur iqerr, għax kien is-Sibt. Ħa riħ u baqa’ sejjer għall-agħar tant li fi żmien qasir miet, fit-30 t’Ottubru 1937, fl-eta ta’ xi 28 sena. Dun Ġorġ tela’ l-Museum u sab lis-Superjur Ġorġ Calleja u qallu: “Superjur nifraħlek!” Is-Superjur qallu: “Fuq hiex tifraħli?” Qabeż Dun Ġorġ u qallu: “Għax Feliċ ġabha żewġ.”

Fi kliem ieħor Feliċ kien mar il-Ġenna.

Soċju tal-MUSEUM Luqa

dun gorg

Beatu Ġorġ Preca (1880 – 1962)
Fundatur tas-Socjeta’ tad-Duttrina Nisranija

Dun Ġorġ twieled fil-Belt Valletta, nhar it-12 ta’ Frar 1880. Irċieva trobbija nisranija mingħand il-ġenituri tiegħu. L-istudji tiegħu għamilhom fil-Liceo u fis-Seminarju. Kien ta’ saħħa fraġli, tant li meta kien djaknu marad serjament u t-tabib tiegħu ma kellu ebda fiduċja li jfiq.

Iżda bl-interċessjoni ta’ San Ġuzepp, fieq u ordna saċerdot fit-22 ta’ Diċembru 1906. Sa minn qabel ma sar qassis, Dun Ġorġ intebaħ li l-poplu ta’ Alla kien jinħtieġ min jgħallmu. Beda jikteb regola bil-Latin bil-ħsieb li jibgħata lill-Papa San Piju X biex iwaqqaf soċjeta ta’ djakni permanenti ħalli jgħinu lill-isqfijiet fil-formazzjoni nisranija bit-tagħlim.

Dan il-ħsieb kellu jseħħ xorta oħra. Dun Ġorġ beda jifforma hu stess grupp ta’ żagħżagħ biex ikunu kapaċi jgħallmu lill-oħrajn. Xeħet attenzjoni speċjali fuq daqxejn ta’ żagħżugħ jaħdem it-Tarzna, is-Serv t’Alla Ewġenju ‘Ġeġè Borġ’, u kien jieħdu għalih waħdu biex jgħallmu u jfissirlu l-ħajja ta’ Ġesu Kristu skond l-Evanġelju ta’ San Ġwann. Ġeġè kellu jkun l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjeta ta’ Dun Gorg.

Is-Soċjeta rat il-bidu tagħha fl-ewwel xhur ta’ l-1907, fil-Ħamrun, f’post fqir minn kollox iżda għani fl-imħabba ta’ l-aħwa u t-tagħlim. Is-Soċjeta tad-Duttrina Nisranija hi magħrufa l-aktar bil-motto tagħha, M.U.S.E.U.M. — Magister Utinam Sequator Evangelium Universus Mundus: Mgħallem, mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evangelju! Mhux kullħadd fehem mill-ewwel x’ried jgħamel Dun Ġorġ. Kien hemm min fehemu ħażin. Il-Bibbja u t-teoloġija f’idejn lajċi ħaddiema kienet ħaġa ġdida. U kienet wisq aktar ġdida li dawn il-lajċi joħorġu fit-toroq u l-pjazez ixandru l-Kelma ta’ Alla lil kulħadd. Wara 25 sena l-Isqof ta’ Malta approva r-Regola u s-Soċjeta ta Dun Ġorg.

Id-Djar għat-tagħlim nisrani bdew jifthu waħda wara l-oħra fil-parroċċi. Inħass il-bżonn kbir ta’ l-edukazzjoni reliġjuża tal-poplu għax il-ħajja nisranija tal-kotra kienet mibnija fuq is-sagramenti u d-devozzjonijiet bla ma kien hemm għeruq sodi fit-tagħlim tal-Knisja. It-tfal bdew jiġu kuljum fid-Djar ta’ Dun Ġorġ għax hemm sabu nies dedikati li jgħinuhom jikbru, mhux biss fil-ħinijiet tat-tagħlim iżda wkoll waqt il-logħob

Sa mill-bidu nett, Dun Ġorġ obbliga lill-katekisti ċelibi tal-Għaqda tiegħu li kuljum, wara li jkunu temmew jgħallmu liż-żgħar u lill-kbar, jiltaqghu flimkien għal siegħa ta’ formazzjoni.

Ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f’Malta bejn it-Taljan u l-Ingliz, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-Publikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-150.
It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruħ mistika medhija tfittex lil Alla biss. Mhux ta’ b’xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex ta’ l-fejqan lil xi uħud

Il-karizma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjeta tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu bagħat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjeta tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll Djar tat-taghlim u Skejjel fis-Sudan, fil-Kenja, fil-Peru, f’Londra u fl-Albanija.

Dun Ġorġ miet f’Santa Venera, fejn qatta l-aħħar xhur ta’ ħajtu, fis-26 ta’ Lulju 1962. Il-fdal tiegħu jinsab midfun fil-kripta tad-Dar Ġenerali tas-Soċjeta fil-Blata l-Bajda

Referenzi:

Ktieb – Festa Titulari ta’ Sant’ Andrija – 2001
Website tas-Soċjeta tad-Dutrina Kristjana – M.U.S.E.U.M (www.sdcmuseum.org)

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.