Tliet Arkitetti Ħalluqin tas-Seklu Sbatax u Tmintax

//Tliet Arkitetti Ħalluqin tas-Seklu Sbatax u Tmintax
Tliet Arkitetti Ħalluqin tas-Seklu Sbatax u Tmintax 2017-12-31T02:14:38+00:00

Lejn l-aħħar tas-seklu 17 u bidu tas-seklu 18, Ħal Luqa tat lil Malta tliet arkitetti li taw kontribut kbir lill-istorja ta’ l-arkitettura Maltija u l-ambjent mibni. Kien fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, u l-Maltin kull meta kellhom il-mezzi u minħabba l-ħila fis-sengħa tal-ġebla, ma naqsux li jkomplu jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom u fl-istess ħin iżejnu l-ambjent mibni li kienu jgħixu fih.

Sa ftit taż-żmien ilu, tista’ tgħid li ma konna nafu xejn dwar dawn it-tliet arkitetti Ħalluqin. Kittieba ta’ l-istorja ta’ l-arkitettura, mhux l-ewwel darba li, jew ma kienu jafu xejn dwarhom, jew jekk kienu jsemuhom, kienu jgħidu li kienu twieldu kullimkien minbarra Ħal Luqa. Ilum meta xi riċerkatur ikun qiegħed jagħmel tiftix fuq xi Perit-Arkitett tas-sekli li għaddew, l-ewwel ma jagħmel huwa li jara jekk kellux xi konnessjoni ma’ Ħal Luqa. Ir-raġuni hija, li Ħal Luqa kienet magħrufa għan-nies tal-ġebel u s’issa sirna nafu li hemm numru mhux ħażin ta’ arkitetti-periti li ħarġu minn Ħal Luqa. Dan baqa’ jiġri sa żmien is-sekli 19 u 20, bħal fil-każ tal-perit Andrea Vassallo. Hemm oħrajn li għad iridu jsiru aktar riċerki dwarhom qabel ma wieħed jasal biex jgħid li t-tali bennej, perit jew arkitett huwa minn post u mhux minn ieħor.

Meta wieħed jiftakar li Ħal Luqa kien raħal żgħir, ta’ ftit mijjiet ta’ nies, aktar japprezza l-kontribut kbir li tat f’qasam li Malta verament għandha għax tiftaħar bih. L-ambjent f’ Ħal Luqa, minn żminijiet mgħoddija ma setax ma jagħtix nies bħal dawn, minħabba l-barrieri tal-ġebel u l-kwalita tagħha u x’aktarx li sa żmien dawn it-tliet personaġġi li qiegħed nikteb dwarhom, Ħal Luqa kienet diga pproduċiet numru kbir ta’ bennejja ta’ esperjenza, Kapi-Mastri u Kapi-Mastri Periti, li ħafna minnhom kienu responsabbli għal ħafna bini ġol-belt Valletta, l-ibliet l-oħra u l-irħula ta’ Malta.
Faccata zabbar

L-Arkitett Giovanni Bonavia (1671-1730)

Sa ftit tas-snin ilu, Bonavia .kienu jaħsbu li kien minn Ħal Lija jew Ħaż Żabbar. Kien il-ħabib tiegħi Carmel G Bonavia minn Ħaż-Żabbar illi sar jaf li kien minn Ħal Luqa. Giovanni Bonavia twieled Ħal Luqa fl-1 ta’ Ottubru 1671 fi sqaq wara l-knisja, illum triq id-9 ta’ April 1942. Minbarra li kien fis-sengħa tal-bini, huwa kien ibaħħar fuq ix-xwieni ta’ l-Ordni. FI-1696, huwa talab biex ma jbaħħarx iżjed u reġa’ qabad is-sengħa tal-bini. Dan ix-xogħol ġabu f’kuntatt mal-familja Fiteni minn Ħaż Żabbar u żewweġ lil waħda minn ulied din il-familja u mar jogħqod Ħaż Żabbar. Huwa kompla jibni u jbieħ il-propjeta u sa dan iż-żmien għamel isem mhux ħażin. Wara l-1703, Bonavia kien attiv ħafna f’Ħaż Żabbar. Kien jaf sew lill-kappillan Giacomo Bucchier, għax dan kien serva Ħal Luqa bħala viċi-parroku. Dan il-kappillan ried jagħmel ħafna xogħol fil-knisja ta’ Ħaż Żabbar, biss il-fondi kienu ftit wisq. L-Isqof Gori Mancini kien diġa jaf bil-ħila ta’ Bonavia u kien diġa qal lin-nies ta’ Ħal Għaxaq biex jikkonsultawh jekk jiġu biex ikabbru l-knisja. F’Ħaż Żabbar, l-Isqof ħatru bħala prokuratur tax-xogħlijiet kollha fil-knisja. Sa dan iż-żmien, il-Franġiskani tal-Belt riedu jibnu l-Kunvent mill-ġdid. Huma għażlu lilu u l-Gran Mastru Vilhena qabbad lil Perit Mondion (Inġinier-Perit Franċiż) biex jagħti parir u sab li l-pjanti ta’ Bonavia tajbin ħafna. Fl-istess żmien, Bonavia kien diġa għamel il-pjanti u d-disinji tal-faċċata tal-knisja ta’ Ħaż Żabbar.

Sfortunatament, Giovanni Bonavia miet fit-13 ta’ Setembru 1730 u x-xogħol fuq il-faċċata tal-knisja ta’ Ħaż Żabbar kien għadu ma bediex. Kellhom jgħaddu tmien snin, meta l-pjanti ta’ Bonavia għall-faċċata ġew esegwiti minn l-irġiel ta’ uliedu l-bniet u ż-żewġ qassisin uliedu, Clement u Pawlu. Illum is-santwarju ta’ Ħaż Żabbar huwa wieħed mill-isbaħ ġojjelli arkitettoniċi fil-gzejjer Maltin.

L-Arkitett Giuseppe Bonnici (1707 – 1779)

Milli jidher dan il-perit kien igawdi stima kbira bħala professjonist, kemm mill-Ordni ta’ San Ġwann, kif ukoll mill-Maltin. Bonniċi twieled Ħal Luqa fl-1707. B’permess speċjali tal-Gran Mastru, fit-2 ta’ Ottubru 1750, Guiseppe Bonniċi kien maħtur “Perit Pubbliku Straordinarju, Assessur u Stimatur” għal Malta kollha. Inħatar Mastru-Perit fil-5 ta’ Novembru 1754. Bonniċi kien ukoll kapo-mastru ma’ l-Ordni u mexxa x-xogħol tas-swar. Fl-1758 mar jogħqod il-Furjana. F’April 1762, il-Gran Mastru, bħala apprezzament għal xogħlu tah l-unur ta’ Donat. Fil-5 ta’ Diċembru 1775, l-Ordni ħatru bħala inġinier tiegħu minħabba l-ħila tiegħu fl-Arkitettura. Dan il-perit huwa responsabbli għal bini tad-dwana, li hi mibnija fuq sisien f’qiegħ il-baħar. Fil-Furjana, il-perit Bonniċi, f’isem l-imgħallmin tas-sengħa tal-Bini waqqaf ix-xirka u l-altar ta’ San Tumas skond kif turi talba lill-kurja ta’ I-Isqof fl-1770. Huwa miet fl-1779.

Faccata zurrieq

L-Arkitett Sebastiano Saliba (1709 – 1782)

Sa ftit tas-snin ilu ħadd ma kien jaf xejn dwar dan l-arkitett. Sebastiano Saliba twieled Ħal Luqa fil-31 ta’ Diċembru 1709 fi ħdan familja magħrufa ta’ bennejja u kapi-mastri tal-bini. L-imgħallem tal-bini ĠianMari u Giuseppe Saliba u l-iskultur Pietru Saliba huma mill-istess familja. X’aktarx li, l-perit Dun Mattheolo Saliba taż-Żurrieq li għex fis-seklu 17, kien jappartieni lill-fergħa minn din il-familja. Sebastiano intefa’ fis-sengħa tal-bini minn kmieni. Ta’ 26 sena, fl-1735, il-Gran Mastru Vilhena ħatru bħala wieħed mill-periti-agrimensori tal-Ordni. L-Isqof Mons.Alpheran ħatru wkoll bħala wieħed mill-periti tal-kurja biex jistmaw il-patrimonju fl-1755. Meta kellu 27 sena, fl-1736, Saliba mexxa x-xogħol fuq il-faċċata tal-Knisja ta’ Ħal Luqa li kienet iddisinjata u mibdija minn Lorenzo Gafa’, iżda ix-xogħol kien waqaf fI-1711. Kważi fl-istess żmien, Saliba kien inkarigat mill-pjanti u d-direzzjoni fuq il-bini tal-knisja ta’ Ħal Għaxaq li nbniet bejn l-1733 u 1-1756. Fl-4 ta’ Ottubru 1739, Sebastiano iżżeweġ Ħal Għaxaq u mar joqgħod hemm. Saliba kien responsabbli għax-xogħol li sar fil-knisja taż-Żurrieq, meta tawlu l-korsija u bnew faċċata ġdida fl-1753-1758. F’Ħal Għaxaq, bena wkoll il-Knisja ta’ San Filippu. Saliba miet għal ħabta ta’ 1-1782.

Referenzi:

Portrait of an Architect: Giovanni Bonavia (1671-1730) – Carmel G Bonavia, The Sunday Times, September 7, 1986
Ħal Luqa: Niesha u Ġrajjietha – Dun Gużepp Micallef 1975
L-Imgħallmin fis-Sengħa tal-Bini u l-altar ta’ San Tumas fil-Knisja ta’ San Publiju – Dr E F Montanaro, Parroċċa Floriana
Bini mill-Ġdid tal-Faċċata tal-Knisja taż-Żurrieq 1753-1758 – Programm tal-festa ta’ Santa Katarina Żurrieq 1991

 

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.