Tliet Knejjes Żgħar f’Ħal Luqa u l-Kwadri Titulari tagħhom – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Tliet Knejjes Żgħar f’Ħal Luqa u l-Kwadri Titulari tagħhom

//Tliet Knejjes Żgħar f’Ħal Luqa u l-Kwadri Titulari tagħhom
Tliet Knejjes Żgħar f’Ħal Luqa u l-Kwadri Titulari tagħhom 2017-12-31T02:15:49+00:00

Il-Knisja ta’ San Gakbu

Fit-triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa limiti ta’ Ħal Luqa hemm il-knisja żgħira ta’ San Gakbu. Il-knisja oriġinali ddedikata lil dan l-appostlu nbniet għal ħabta ta’ 1-1550 iżda ma kinetx fl-istess post fejn tinsab illum, iżda fl-inħawi ta’ Ħal Saflieni. Għal xi raġuni jew oħra, ma tissemmiex fil-vista pastorali ta’ l-Isqof Dusina li saret fi Frar 1575. Dun Guzepp Micallef f’Ħal Luqa : Niesha u Ġrajjietha jispekula li aktarx kienet ġarrbet ħsarat kbar tul l-Assedju l-Kbir u kienet għadha mitluqa.

L-Isqof Gargallo pprofanaha fl-1613 iżda Pietru Briffa u Ġakbu Psaila wegħduh li jibnuha mill-ġdid. Madankollu x-xogħol ma bediex qabel l-1623, sentejn wara l-mewt ta’ Psaila li kien ħalla l-flus meħtieġa fit-testment. Terġa’ u tgħid, kontra xewqtu, il-knisja reġgħet inbniet f’Ħal Fuqani wara digriet tal-Kurja li ħareġ fis-7 ta’ Novembru, 1623.

Fi zjara li għamlilha fI-1636, l-Isqof faħħarha għax kienet miżmuma tajjeb iżda wara l-mewt ta’ Briffa spiċċat abbandunata, sakemm benefattur ieħor, Girgor Camilleri, ħadha f’idejh u fI-1687 ħalla legat biex il-knisja tibqa’ mħarsa bir-renti tiegħu. Meta l-Isqof Rull neħħa l-immunita’ ekkleżjastika tal-knejjes tal-kampanja fl-1762, din kienet waħda minn dawk li ntlaqtu.

Il-Kwadru Titulari ta’ San Gakbu l-Kbir – Rafel Bonniċi Cali
Il-pittur

Rafel Bonniċi Cali twieled Ħal Tarxien nhar is-7 ta’ Gunju, 1907. Tgħallem mal-magħruf Ġiuseppe Cali li kien jiġi z-ziju ta’ ommu. Studja l-arti tar-restawr f’Ruma (1931), Siena (1933), u Turin (1936). Fl-1932 pitter xi xogħlijiet fil-knisja ta’ San Gejtanu, il-Ħamrun, fosthom Id-Dehra tal-Madonna lil San Gejtanu u l-Qaddisin Pietru u Pawlu. Aktar tard ħadem f’diversi knejjes fil-Belt, Bormla, il-Birgu, iż-Żurrieq, u Ħal Tarxien. Għallem l-arti fil-Liċeo u l-istorja ta’ l-arti fl-Iskola ta’ l-Arti, il-Belt. Fost l-aħjar opri tiegħu nsemmu ll-Proklamazzjoni tad-Domma ta’ l-Assunta (1950) u L-Istituzzjoni tal-Festi ta’ Marija Regina u San Ġużepp Ħaddiem.

Ma nistgħux ngħidu li Bonniċi Cali kien xi pittur kbir; fil-fatt, huwa magħruf l-aktar bħala restawratur u storiku ta’ l-arti. Kien awtorita fuq l-arti Marjana f’Malta. Ħafna saħansitra jsibuh bħala ‘l-pittur tal-Madonna’ kif jixhed il-ktejjeb 56 Tpinġija tal-Madonna mill-pittur Malti Rafel Bonnici Cali li ħareġ fl-1988.

Kif sar il-kwadru f’Ħal Luqa

Fis-seklu dsatax, il-knisja għaddiet f’idejn il-familja Fiott biex imbgħad inbniet kważi mill-ġdid fl-1899 – 1900 b’inizjattiva ta’ Ġużeppi Ciappara. Huwa żidilha l-arzella u l-kampnar li hemm illum filwaqt li ġedded is-saqaf. Żejjinha wkoll bi statwi tal-ġebel ta’ San Pietru u San Pawl fuq iċ-ċinta tal-faċċata, xogħol ta’ Salvu Micallef . Ibnu Ġakbu mbagħad għamel il-kwadru titulari li juri lil San Ġakbu l-Kbir, xogħol Rafel Bonniċi Cali. Il-knisja ta’ San Ġakbu kienet irrestawrata appuntu dan l-aħħar. Il-Festa titulari kienet ssir kull sena fl-aħħar Ħadd ta’ Lulju.

spietruA Micallef

Tifsir u Kummenti

San Ġakbu l-Kbir kien wieħed mill-appostli ewlenin u ħu San Ġwann l-Evanġelista. Ħa l-martirju f’Ġerusalemm fis-sena 44 W.K fi żmien Erodi Agrippa. Għadd ta’ leġġendi medjevali jitkellmu fuq il-missjoni tiegħu fi Spanja, fuq l-interċessjoni tiegħu fir-rebħa deċisiva li t-truppi Spanjoli wettqu fuq isSaraċeni u fuq d-difna tieghu f’Compostella; dawn il-ġrajjiet, imma, m’għandhom ebda bażi storika. Santiago de Compostella, sa mis-seklu ħdax, xorta baqa’ ċentru kbir ta’ pellegrinaġġ fid-djnja Nisranija. Fl-ikonografija sagra San Ġakbu jidher bix-xabla tal-martirju jew bil-ħatar tal-pellegrini f’idu. L-emblema tiegħu hija l-arzella iżda mhux kulħadd jaqbel fuq is-sinjifikat tagħha.

Il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Ftajjar

talftajjar

Dil-knisja msejħa tal-Ftajjar hi qadima u nbniet fil-bidu tas-seklu 15. Meta l-Isqof Dusina żar din il-knisja fl-1575, irraporta li kien fiha tliet altari. Dun Simone Bonnici kien obbligat jagħmel if-festa titulari li matulha kien iqassam xi ftajjar lill-foqra. Hekk ġie f-isem tal-Ftajjar.

Inbniet mill-ġdid fl-1613 bi flus li nġabru mill-Ħalluqin. Kellha tliet ħnejjiet, apside u ħitan iddekorati bl-affreski.

Għal ħafna żmien f’din il-knisja kienu jidfnu lil dawk li kienu jmutu b’mard li jittieħed, fosthom xi vittmi tal-kolera ta’ 1-1837. Ta’ min jgħid li f’din il-knisja hemm lapida li tfakkar lil Luigi Briffa, iben it-tabib Ħalluqi Ġakbu Briffa, li tul l-imblokk tal-Franċiżi, intgħażel mill-Assemblea Maltija biex jagħmilha ta’ ammbaxxatur għal Malta u jitlob l-għajnuna tar-Re Ferdinandu taż-Żewġ Sqallijiet. Nistgħu ngħidu li bis-saħħa tal-kuntatti tiegħu waslu xi bastimenti tal-flotta Ingliża.

Il-Kwadru Titulari ta’ L-Assunta – Giuseppe Arena

Il-pittur

Giuseppe Arena jew D’Arena (c. 1633-1719) kien pittur imsemmi tas-seklu sbatax li kellu karriera twila u prolifika fMalta. Minkejja li kien magħruf bħala ‘ll Romano’, ma jfissirx neċessarjament li kien Ruman; li hu żgur hu li qatta’ xi żmien fil-kapitali Taljana. ll-probabbilta’ hi li kien Sqalli u li niżel Malta għax kien attirat mill-prospetti lokali. (L-opinjoni li seta’ kien Malti issa ġiet skartata kważi għal kollox.) Nafu wkoll li studja f’Bologna taħt il-famuż Giovanni Francesco Barbieri, imlaqqam ‘ll Guercino’ (1591-1666).

Hawn Malta rċieva bosta kummissjonijiet, iżda qatt ma seta’ joħrog mid-dell tal-kontempoanju tiegħu, Mattia Preti (1613-1699). Fost l-opri tiegħu nistgħu nsemmu l-Adorazzjoni tal-Maġi fil-Mużew tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar, il-Madonna bil-Bambin ma’ S. Rokku u S. Bastjan fil-knisja ta’ Ħal Lija (c. 1710); il-Kunċizzjoni
fil-knisja tal-Franġiskani Minuri, ir-Rabat; San Lawrenz fil-kunvent tad-Dumnikani, ir-Rabat; il-Madonna bil-Bambin ma’ S. Franġisk fil-knisja tal-Franġiskani Konventwali, ir-Rabat, Ghawdex; u ż-Żwieġ Mistiku ta’ S. Katerina fil-knisja ta’ S. Ġorġ, ir-Rabat, Għawdex.

Kemm dam Malta, iżżewweġ darbtejn u kien joqgħod f’dar qrib il-kunvent ta’ l-Agostinjani, il-Belt. Fi xjuħitu tilef id-dawl u sakemm miet ħadet ħsiebu bintu.

Kif saret il-pittura f’Ħal Luqa.

talftajjar1talftajjar2

ll-knisja ċkejkna magħrufa bħala Santa Marija tal-Ftajjar fi Triq il-Karnmu ħadet is-
sura attwali taghha fl-1613. Fl-1667 l-Isqof Lucas Buenos ordna li ssir pittura ġdida għax il-kwadru l-antik tal-Madonna kien spiċċa għal kollox. It-titular il-ġdid ta’ l-Assunta sar minn Giuseppe Arena fl-1679 fi żmien il-kappillan Ġużeppi Lamagna. Ħallas għalih Tumas Abela li bi flusu għamel ukoll ħawt ta’ l-ilma mbierek. Iż-żewġ opri għadhom fil-post

Tifsir u kummenti

Fl-ikonografija sagra, il-kwadru ta’ l-Assunta juri lil Santa Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Fil-pittura barokka tal-Kontro-Riforma, il-Madonna tidher maqtugha fl-arja, aktarx wiefqa qalb is-sħab. Idejha jidhru miftuħa beraħ waqt li qed tħares f’estasi lejn is-sema. Ħafna drabi tidher imdawra bl-angli li qed jilqgħuha fil-glorja; f’xi kwadri jitfaċċaw San Mikiel u San Gabriel. Taħtha jidhru l-appostli; xi wħud jibku t-telfa tagħha u xi wħud jgħarrxu ‘l fuq miblugħin. Xi drabi jidher San Tumas jirċievi l-ħżiem mirakoluż tal-Madonna. Fil-qabar jidhru xi fjuri, aktarx ward jew ġilji. Xi kultant jidhru wkoll Marta u Marija jiġbru l-fjuri mill-qabar u anki xi qaddisin oħra fi speċi ta’ Sacra Conversazione. Rari tidher ix-xbieha ta’ Alla l-Missier imdawwar bil-kerubini u s-serafini.

Fil-kwadru Ħalluqi ta’ Arena, la jidher Alla l-Missier, la ż-żewġ arkanġli, u lanqas il-ħżiem ta’ San Tumas. Madankollu jidhru Marta u Marija li xi studjużi qalulna li jirrapprezentaw il-ħajja attiva u l-ħajja kontemplattiva; oħrajn isostnu li jirrapprezentaw il-ġisem u r-ruħ tal-Verġni Mbierka. Fil-kwadru jidhru xi appostli jiftħu l-għatu tal-qabar iżda l-ward, minflok fil-qabar, jidher mifrux fuq liżar abjad f’idejn iż-żewġ nisa twajba. ll-Madonna mhijiex wieqfa jew bilqieghda fuq tron iżda donnha għarkubbtejha fuq is-sħab. Dan jixhed li Arena pprova jitbiegħed mill-konvenzjonijiet tas-soltu.

Id-domma ta’ l-Assunta għandha tradizzjoni qadima ħafna li tmur lura sal-letteratura apokrifa tas-sekli 3 u 4 W.K; madankollu, ma kinetx ifformulata mill-Knisja ufficjalment qabel l-1950 mill-Papa Piju XII.

II-Knisja tat-Twelid tal-Madonna

Din kienet knisja żgħira ddedikata lill-Madonna u li tmiss ma’ dik ta’ Santa Marija tal-Ftajjar u hi magħrufa aħjar bħala tal-Vitorja. Bnieha Bartilmew Buttiġieġ fl-aħħar tas-seklu 15 fuq tliet arkati bħal dik tal-Ftajjar u fi żmien l-Isqof Dusina kienet għadha magħrufa b’ta Buttigieg.

Din il-knisja kienet għal ħafna snin f’idejn nies minn barra mir-raħal. Fl-1618, l-Isqof Gargallo sabha ttraskurata għall-aħħar iżda minkejja t-twissijiet tiegħu baqgħet fl-istess stat tal-biki. Ingħalqet fl-1656 iżda aktar tard reġgħet infetħet u fl-1667 insibuha msewwijja u b’altar ġdid. Il-festa tagħha kienet issir fit- 8 ta’ Settembru, f’liema ġurnata kien jitqassam xi ikel lill-foqra. Fl-1729 kellha zuntier imdawwar b’ħajt u twaqqaf salib fih. Fis-seklu dsatax, tal-Ftajjar u tal-Vitorja beda jagħmel minnhom il-prokuratur tal-Kaxxa ta’ l-Erwieħ minħabba fid-dfin li kien isir fihom. Illum dawn iż-żewġ knejjes jinsabu f’idejn il-prokuratur tal-knisja parrokkjali.

N.B. M’għandniex inħalltu din il-knisja ma’ tal-Vitorja l-oħra li kien hemm Ħal Farruġ qabel il-gwerra

It-Pittura tal-Madonna tal-Karmnu – Lazzaro Pisani

ll-pittur

Lazzaro Pisani twieled Ħaż-Żebbuġ nhar il-15 ta’ Diċembru, 1854. Għal xi żmien kien student ta’ Michele Bellanti u Carlo Ignazio Cortis. FI-1870 telaq lejn Ruma biex ikompli l-istudji tiegħu fl-Accademia di San Luca taħt il-magħruf L. Fontana u fil-British Academy. Wara marda serja u twila rega’ lura Malta, u fl-1878 inħatar assistent tat-tpingija fl-iskejjel tal-Gvem fil-Kottonera. Aktar tard għallem fil-Liċeo kif ukoll fid-Dipartiment ta’ l-Arkitettura ta’ l-Universita’.

Fost l-istudenti li tħarrġu miegħu nsemmu lil Ġużeppi M. Caruana u lil Toussant Busuttil. Pisani kien ritrattista mill-aqwa, iżda ma jistax jonqos li l-karriera tiegħu tibqa’ marbuta ma’ l-arti sagra. ll-kwadru tal-Mewt ta’ Abel għadu popolari sa llum. ll-kapulavur tiegħu forsi hu ċ-ċiklu ta’ pitturi fil-Bażilika tan-Nadur, Għawdex, li b’kollox kien jinkludi 240 biċċa xogħol. Pisani beda din l-opra monumentali fl-1915 u dam jahdem fuqha għal madwar 12-il sena. Pitter ukoll is-saqaf tal-knisja tal-Franġiskani Minuri fl-Imgarr, Għawdex (mibdi fl-1929), is-saqaf tal-knisja ta’ San Nikola, is-Siggiewi (mibdi fl-1930), u xi xogħlijiet oħra fil-knisja ta’ Stella Maris, Tas-Sliema.

Miet fil-31 ta’ Awissu, 1932 f’San Pawl il-Baħar meta kien għadu għaddej fuq ix-xogħol tal-knejjes ta’ l-Imgarr u tas-Siġġiewi.

Kif sar il-kwadru f’Ħal Luqa

Dan il-kwadru jinsab fil-kappella tal-Madonna tal-Karmnu li hemm fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Triq id-Dokkiena. Din inbniet fil-ħamsinijiet b’parti mill-flus li l-parroċċa rċeviet bħala kumpens mill-Ministeru ta’ Arju wara li dik oriġinali kienet iġġarrfet matul il-Gwerra fl-1942. Madankollu l-kwadru titulari kien diġa jeżisti fil-kappella l-qadima. Kien sar sewwasew fl-1897 fi żmien ir-rettur Dun Karm Vassallo li ħadem ħafna sabiex ikabbar id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu u ma naqasx li ta’ kull sena jagħmel il-festa tagħha.

Tifsir u Kummenti

Fl-ikonografija sagra, naraw il-Madonna tnewwel il-labtu (jew l-iskapular kannella) lil San Xmun Stokk sabiex jilbsu bħala sinjal ta’ safa tar-ruħ. Skond leġġenda antika, il-Madonna dehret lil dan il-qaddis fuq l-għolja tal-Karmelu, fil-Palestina, nhar is-16 ta’ Lulju (jum il-festa) tas-sena 1251, fejn qaltlu li kull min jilbes l-iskapular jkollu garanzija ta’ l-imħabba u l-ħarsien tagħha.

San Xmun kien eremit Karmelitan li twieled f’Kent, l-Ingilterra. Huwa ħabrek kemm felaħ sabiex l-Ordni jinxtered ma’ I-Ewropa kollha. Miet f’Bordeaux fl-1265. Il-festa tal-Karmnu bdiet issir sa mis-seklu 14 iżda kienet stabbilita uffiċjalment mill-Papa Beneditt XIII fl-1726.

Xi drabi, fi kwadri simili, jidher ukoll il-profeta Elija li għal xi żmien għex fuq l-għolja tal-Karmelu; rari mbagħad jidher il-Papa Gwanni XIII li għen mhux ftit lill-Ordni Karmelitan. Fil-kwadru Ħal Luqi la jidher Elija u lanqas il-Papa.

Referenzi

Buhagiar, Mario. The Iconography of the Maltese Islands: 1400-1900Painting. Malta, 1987

Gullaumier, Alfie. Bliet u Rħula Maltin. Malta, 1972.

Hall, James. Dictionary of Subjects and Symbols in Art. Londra, 1993..

Micallef: Joseph. Hal Luqa: Niesha u Grajjietha. Malta, 1975.

Mifsud Bonniċi, Robbie. Dizzjunarju BijoBibljografiku Nazzjonali. Malta,1962.

Sehiavone, Mario & Seem, Louis (edituri). Maltese Biographies of the Twentieth Century. Malta, 1997.

Kitba – Mario Cassar

NOTA

Dan l-artiklu huwa amalgamazzjoni taż-żewġ artikli tas-Sur Mario Cassar li dheru fil-kotba tal-Festa tal-1997 u 2006.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.