Xogħol Mattia Preti F’Ħal Luqa – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Xogħol Mattia Preti F’Ħal Luqa

//Xogħol Mattia Preti F’Ħal Luqa
Xogħol Mattia Preti F’Ħal Luqa 2017-12-31T02:15:52+00:00

Mattia Preti (1613-1699) – Bijografia

indri
Mattia Preti twieled f’Taverna fiI-Provincja ta’ Catanzaro ġewwa l-Kalabrija fl-1613 minn familja nobbli li sintendi setgħet timbuttah’il quddiem faċilment. L-edukazzjoni kattolika u fl-istess ħin privileġġjata tiegħu, bla dubju kienet determinanti fil-karriera artistika tiegħu. Għall-ħabta ta’ 1-1630 telaq lejn Ruma wara esperjenza qasira f’Napli. Hawnhekk nistgħu ngħidu li beda l-fażi ta’ apprendistat fejn fost ħwejjeġ oħra tħarreġ sew fit-teknika ta’ l-iskola Caravaġġeska. Bis-saħħa ta’ kuntatti kontinwi f’ċirkoli ekklesjastiċi u aristokratiċi, irnexxielu jsir Kavallier ta’ l-Ubbidjenza fi ħdan l-Ordni ta’ San Ġwann.

Bejn 1-1644 u 1-1650 ħadem ħafna xogħlijiet fir-reġjun ta’ l-Emilja iżda bla dubju ta’ xejn, l-opri tiegħu fil-Knisja ta’ S. Andrea della Valle ta’ Ruma u l-Knisja ta’ San Biagio ta’ Modena, li okkupawh fis-snin immedjati ta’ wara, kienu ta’ kwalita superjuri. Il-fażi matura tal-Kavallier Kalabriż bdiet biż-żjara tiegħu f’Napli fl-1656, fejn stabbilixxa reputazzjoni kbira u saħansitra kien f’pożizzjoni li jħabbatha mal-pittur famuz kontemporanju Giordano.

Għaldaqstant meta fl-1661, Preti wasal Malta onorat bħala Kavallier tal-Grazzja, nistgħu ngħidu li kien fil-quċċata tal-popolarita tiegħu. L-Ordni, immexxi dak iż-żmien mill-Granmastru Raphael Cottoner, ikkumrnissjonalu rredekorazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Hawnhekk hu għamel ħafna tibdil arkitettoniku minbarra li pinġa s-saqaf maestuż ta’ l-istess Knisja Konventwali, ċertament l-aqwa opra tiegħu f’Malta. Il-Kalabriż kien ukoll responsabbli ta’ bosta xogħlijiet oħra fl-Oratorju ta’ l-Ordni.

Apparti mawra qasira f’pajjiżu fl-l664, Mattia Preti baqa’ jgħix Malta għall-kumplament ta’ ħajtu, soġġorn li tawwal 38 sena sħaħ. Hu baqa’ jaħdem bla waqfien, anzi xi drabi ħtieġlu l-assistenza ta’ aljevi Maltin sabiex ilaħħaq mad-domanda. Minbarra diversi xogħlijiet ikkommissjonati mill-Ordni kif ukoll minn patruni għonja mill-kontinent, ħalla t-talenti tiegħu fuq it-tila ta’ diversi parroċċi Maltin. Hu pinġa l-kwadru titulari tal-Madonna f’Ħal Lija; ta’ San Lawrenz, il-Birgu; ta’ Santa Katerina, iż-Żurrieq; ta’ San Nikola, is-Siġġiewi u ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi. Xogħlijiet oħra tal-Kalabriż jinsabu fost imkejjen oħra, fil-Kappella ta’ Sarria, il-Furjana; fil-Kappella tal-Buskett u fil-Katidral ta’ l-Imdina.

Forsi l-arti tal-Preti f’Malta mhijiex ta’ l-istess livell tekniku tal-fażi Naplitana, madankollu l-kwadri tiegħu baqgħu jirriflettu l-istess qawwa drammatika kemm f’dik li hi kompożizzjoni kif ukoll fl-użu tal-kulur. Il-karriera artistika tiegħu kienet mibnija fuq prinċipji u regoli ċari u fissi, li fija spikkat l-għajn għall-armonija u l-ekwilibrju. Forsi ma kienx wieħed mill-ġġanti iżda kien tajjeb biżżejjed biex il-kritiku Roberto Lenghi sejjaħlu “is-salvatur tal-pittura Naplitana”, li għal dak iż-żmien kienet il-pittura Taljana.

assunta
“L-Assunta” 1669

L-aktar xogħol bikri tal-Preti f’ĦaI Luqa hu l-kwadru stupend ta’ l-Assunta, li tlesta fl-1669. Jista’ jkun li l-ispejjeż tħallsu minn Duminku Farruġia peress li kien ħa ħsieb it-twaqqif ta’ l-altar ta’ Santa Marija fuq suġġeriment ta’ l-Isqof Balaguer. (Ref No1) Frangipane jsejjaħ dan il-kwadru xogħol “nobbli”(Ref No2) u sa l-lum għadu fil-kappellun tax-xellug tal-knisja. Mariani jidentifika dan il-kwadru ma’ l-istess ċiklu ta’ xogħlijiet li jinkludu l-kwadri ta’ Sant’Andrija u Il-Viżitazzjoni tal-Madonna li jinsabu ż-Żurrieq. Hu jgħid li t-tila toffri ċerta monumentalita dekorattiva li tidher ukoll fl-opri ta’ artisti oħra bħal Coreggio, Lanfranco, Battistello kif ukoll Caracciolo, speċjalment mill-mod kif massa ta’ figuri timla spazju pjuttost ristrett. Il-kompożizzjoni, madankollu hi tipika ħafna tal-Preti u fiha rrepeta xi motivi li kien diġa wera f’xogħlijiet oħra. Pereżempju,l-istess figura tal-Madonna tidwi dik Ii hu pinġa fis-saqaf tal-Knisja ta’ San Pietru f’Maiella. It-tonalita qawwija tal-kulur u d-daqqiet ħoxnin tal-pinzell joqorbu fl-istess waqt lejn kwadri oħra bħal pereżempju t-tila fl-altar tal-Knisja ta’ Santa Skolastika, il-Birgu, li wkoll turi l-Verġni u xi qaddisin madwarha.(Ref No3) Mariani jagħti impressjoni daqstant iddettaljata tal-kwadru billi jqisu superjuri għat-titular ta’ Sant’ Andrija nnifsu.

Ta’ min igħid li l-prospettiva oriġinali ta’ dal-kwadru kienet tneħħiet biex issir l-arzella bħal dawn tan-navi. Għalhekk, il-kwadru kellu jiċċekken u llum ma jidhirx fl-interita tiegħu.

missieretern
“San Duminku ta’ Sariano” u l-“Missier Etern’ (1678)

F’Ħal Luqa, Mattia Preti pitter ukoll il-kwadru ta’ San Duminku ta’ Sariano, li sfortunatament illum hu mitluf jew għallanqas m’għandniex tracca tiegħu. Meta saru n-navi, l-kwadri ta’ Sant’Anna, San Mikiel, San Ġużepp u dan ta’ San Duminku li qabel kienu fil-knisja tneħħew mill-prospettivi tagħhom u ġew skartati fil-Kappella tal-Ftajjar. “Dawn baqgħu hemm sakemm l-Isqof Don Mauro Caruana rahom fil-Vista Pastorali li għamel fil-parroċċa tagħna. Fuq ordni tiegħu, dawn il-kwadri ttieħdu f’post ieħor barra mill-parroċċa u sal-ġurnata tal-lum qatt ħadd ma sar jaf fejn ħaduhom.”(Ref No4)

Il-kwadru kien pjuttost kbir u kien jillustra d-dehra tal-Madonna flimkien ma’ Santa Marija Madalena u Santa Katerina lil San Duminku, ajk minn Sariano.(Ref No5) Forsi b’kumbinazzjoni u forsi le, ta’ min jgħid li l-Preti kien pitter xi xogħlijiet fil-knisja ta’ l-istess qaddis ġewwa Ruma. Dan il-kwadru tlesta fl-1678 flimkien ma’ altar iddedikat lill-istess qaddis. L-ispejjeż kollha tħallsu mill-benefattur Duminku Barbara.(Ref No6) Preti pittru meta kien diġa mar joqgħod iż-Żurrieq minħabba l-pesta li faqqgħet fl-1676. Dan id-dettall jurina li r-rapport bejn il-Kalabriż u Ħal Luqa ma kienx marbut sostanzjalment mal-fatt li kien joqgħod daqstant viċin ir-raħal. (Il-Preti, kif diġa għidna, pinġa l-Assunta fl1669).

Fuq il-kwadru ta’ San Duminku l-Preti pitter ukoll kwadru zgħir li juri l-Missier Etern u l-Ispirtu s-Santu taħt forma ta’ ħamiema. Dan il-kwadru, li llum jinsab imdendel fis-sagristija tal-knisja, jagħti lemħa lil xogħol ieħor tiegħu bl-istess suġġett li qiegħed fil-knisja ta’ Santa Barbara f’Taverna (raħal twelidu). Il-figura tal-Missier Etern tidher li kienet rikorrenti fl-opra tal-Preti u l-kwadru tiegħu f’Ħal Luqa joqrob tajjeb lejn dak deskritt minn de Domenici: ‘Il Padre Eterno, che in aspetto teribile alza le braccia per lo gran sdegno contro i peccati del mondo” .(Ref No7)

titular
“Il-Martirju ta’ Sant’ Andrija Appostlu” (1687)

II-Kalabriż pitter it-titular ta’ Sant’ Andrija , li sal-lum għadu fil-kor tal-Knisja Parrokkjali, fl-1687, skond kif jidher mid-data ċarissima f’riġlejn il-kwadru. Il-fatt li l-kwadru hu ddatat hu pjuttost kurjuż għaliex din ma kenetx id-drawwa tal-Preti. Mariani jissuspetta li din it-tila tpittret bl-assistenza ta’ xi artist Malti bħal m’għamel f’xi kwadri oħrajn fil-kappella ta’ Sarria. Mariani jsostni li komparattivament, dan hu xogħol pjuttost “debboli”,(Ref No8) filwaqt li Frangipane sejjaħlu “eku mbiegħed” ta’ pittura oħra bl-istess suġġett li Preti ħadem fil-knisja ta’ San Andrea della Valle.(Ref No9) Dan il-kwadru qed jiġi riprodott fil-bidu ta’ dan l-artiklu.

Dokument fil-Mużew tal-Katidral ta’ l-Imdina juri li l-ispejjeż tħallsu mill-flus li ġabru l-Ħal Luqin stess u li l-ġbir beda minn ta’ l-anqas sa minn tliet snin qabel.(Ref No10)

II-kwadru jillustra l-martirju ta’ Sant’ Andrija Appostlu fil-belt Griega ta’ Patras. Fuq nett is-sema jidher miftuħ u jikxef dawl qawwi li jagħmel kuntrast mad-dalma fl-isfond. L-appostlu jokkupa pożizzjoni kważi ċentrali u jidher bħala raġel xiħ, b’wiċċ dinjituż u muskulatura li b’mod estern, tissuġġerixxi saħħa spiritwali daqskemm fiżika. Jassistu ‘l appostlu hemm żewġ anġli, wieħed bil-kuruna tal-glorja u l-ieħor bil-palma tal-martirju, żewg emblemi fissi fl-arti sagra. Żewġ manigoldi tal-ħakem Egea jidhru jorbtu riġlejn lappostlu. Taħt is-salib hemm xi nies iħarsu, aktarx dixxipli tiegħu jew Insara konvertiti tal-post. Il-belt ta’ Patras tidher fil-bogħod.

II-pittura hi ta’ l-iskola tenebrista u tirrifletti t-teknika ferm invoga tal-kjaroskur (logħob bid-dellijiet u d-dwal) fit-tradizzjoni ta’ Caravaggio u s-surmastrijiet Venezjani bħal Tiziano u Tintorello. Mariani jispjega li stilistikament, il-pittura tmur lura lejn id-dekorazzjoni tas-saqaf ta’ l-Oratorju ta’ San Ġwann fejn il-kulur ma jibqax daqstant vivaċi biex jivvantaġġja tonalita aktar skura.

Mistoqsija nteressanti marbuta mat-titular hi x’kien hemm qabel il-prospettiva preżenti għaliex din saret fl-1694, jiġifieri seba’ snin wara li tpitter il-kwadru. Nistgħu nispekulaw li l-Preti seta’ kellu sehem f’dil-biċċa xogħol ukoll.

Meta Mariani żar il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa fl-aħħar tas-snin għoxrin, sab il-kwadru f’kundizzjoni ħażina ferm, sewdieni u mibdul kompletament mill-effett oriġinal tieghu.(Ref No11) Madankollu, irridu ngħidu li l-kwadru tnaddaf mill-Professur Oscar Testa, restawratur tal-Musei Vaticani fl-1956.(Ref No12)

Apprezzament Estetiku tat-Titular

(a) Karatteristiċi Akkademiċi

Uħud mill konvenzjonijiet akkademiċi jidhru ċari fil-kompożizzjoni tal-K wadru. Pereżempju, l-akkademiċi kienu jinsistu li fil-pittura għandu jkun hemm grupp primarju u grupp sekondarju. Hawnhekk il-grupp primarju jikkonsisti fil-qaddis, iż-żewġ manigoldi u ż-żewġ anġli filwaqt li l-grupp sekondarju jikkonsisti fin-nies ta’ Patras. Pittura akkademika trid tistabbilixxi proporzjon bejn il-partijiet mudlama u l-partijiet imdawla. Il-kwadru preżenti fil-fatt għandu tonalita mħallta, jiġifieri jibbaża fuq distribuzzjoni ekwilibrata ta’ dawl u dellijiet. L-akkademinżmu jitlob lil-kulur iġorr effett emozzjonali. Hawnhekk il-kulur hu ta’ l-iskola tenebrista li bla dubju jħalli impatt mill-aktar drammatiku. L-istruttura piramidika hu l-aktar mod utli kif tpinġi grupp skond ir-regoli akkademiċi. Hawnhekk in-nies u l-manigoldi jinsabu fil-pjan t’isfel, il-qaddis jokkupa pożizzjoni ċentrali filwaqt li l-anġli jimlew il-pjan ta’ fuq, struttura li tissuġġerixxi ġerarkija spiritwali. (Ta’ min jinnota wkoll li l-irjuż tal-manigoldi u ras l-appostlu jiffurmaw ieħor). Preti madankollu injora n-norma akkademika li kienet tesiġi li l-figura ċentrali m’għandhiex tkun eżattament fin-nofs.Il-kwadru fil-fatt għandu kompożizzjoni ċentralizzata li tagħtih dehra kalma u solenni filwaqt li tipprununzja l-glorja tal-qaddis.

(b) Simetrija u Asimetrija

Il-kompożizzjoni tal-kwadru hi pjuttost simetrika. Iż-żewġ għudiet dijagonali tas-salib jaqsmu l-kwadru f’erba’ partijiet li jkomplu joħolqu impressjoni aktar stabbli. L-angli fit-truf ta’ fuq tas-salib jibbilanċjaw iż-żewġ manigoldi f’riglejn is-salib. Il-pożizzjoni tal-martri nnifsu hi simetrika. Biex jikkontrolla l-monotonija li tista’ tispikka minħabba din is-simetrija pjuttost konxja, il-pittur jagħmel xi varjazzjonijiet f’waqthom. Pereżempju, il-manigold fuq ix-xellug għandu saqajh wara l-għuda tas-salib filwaqt li qed jinforza l-ħabel ‘l isfel. Minnaħa l-oħra, il-manigold fuq il-lemin għandu saqajh quddiem l-għuda filwaqt li qed jiġbed il-ħabel ‘l fuq. Filwaqt li wieħed mill-angli jidher fi profil, l-ieħor jidher b’wiċċ frontali. Il-grupp ta’ nies fuq ix-xellug m’huwiex ripetut fuq il-lemin iżda fin-nofs (għalkemm jerġa’ jitfaċċa d-doppjaġġ rikorrenti tal-kwadru). Dawn id-dettalji huma kollha strateġiji sabiex il-kompożizzjoni tinfeda minn riġidita żejda u jinħoloq sens ta’ moviment fi kwadru li altrimenti hu aktarx stabbli.

Mario Cassar

Riferenzi

1 Micallef, G. Ħal Luqa, Niesha u Ġrajjietha, Malta, 1975, pp.1l6-1l7
2 Frangipane, A., Mattia Preti: Il Cavalier Calabrese, Milano, Alpes, 1929, p.143
3 Mariani, V. Mattia Preti a Malta, Roma, Biblioteca d’ Arte, 1929, pp.62-63
4 Ciappara, N., Il-Bini tan-Navi, fl-‘Leħen il-Parroċċa – Luqa”, Awissu, 1975, p.4
5 AK, Inventarju għas-sena 1725, p.237
6 Micallef, op. cit., p.113
7 de Domenici, B., Notiziedella vita del Cavalier Fra Mattia Preti, Malta, 1864, p.110
8 Mariani, op. cit., p.63
9 Frangipane, op. cit., p. 143
10 Micallef op. cit., p.1l7
11 Mariani, op. cit., p. 63
12 Zammit, K., Gwida Storika u Deskrittiva tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa,
‘Leħen il-Parroċċa – Luqa”, Lulju, 1979, p.6

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.