Żewġ Sunetti Antiki f’Ġieħ Sant’ Andrija – Għaqda Mużikali Sant'Andrija, Luqa, Malta

Żewġ Sunetti Antiki f’Ġieħ Sant’ Andrija

//Żewġ Sunetti Antiki f’Ġieħ Sant’ Andrija
Żewġ Sunetti Antiki f’Ġieħ Sant’ Andrija 2017-12-31T02:15:55+00:00

F’ Il-Ħabbar Malti tal-ĠimgHa, is-6 ta’ Diċembru, 1878, dehru żewġ sunetti, wieħed bil-Malti u l-ieħor bit-Taljan, iddedikati lil Sant’ Andrija Appostlu u Martri, meqjum fil-Parrocca ta’ Ħal Luqa (ref 1). Dawn is-sunetti kienu xogħol is-Sur Klement Mifsud Bonnici minn Ħal Qormi. L-editur tal-ġurnal, il-Markiż Giorgio Crispo-Barbaro di San Giorgio (ref 2), feraħ u faħħar lill-awtur li ‘… mhux biss għaraf juri l-ħila tiegħu fiż-żewġ ilsna, iżda wkoll li xejn ma jonqsu minn dak l-estru illi jagħmel il-veru poeta …’. Is-sunetti ta’ Mifsud Bonnici qalgħu tifħir ukoll mingħand il-Kanonku Ludovik Mifsud Tommasi (ref 3) li fi kliemu stess kien ‘jifraħ u jitgħaxxaq b’kull min tħajjar juri l-ġmiel ta’ lsienna.’ (ref 4)

Crispo-Barbaro, fundatur ta’ l-iskola San Ġorġ, għal xi imien kien ukoll għalliem fl-Universita ta’ Malta. Kien beda joħrog Il-Ħabbar Malti ftit xhur qabel ma dehru dawn iż-żewġ sunetti, sewwasew fl-14 ta’ Ġunju, 1878. F’dan il-ġurnal kienu jikkontribwixxu awturi stabbiliti bħal Ludovik Mifsud Tommasi, Anton Manwel Fenech, u Dwardu Cachia. Il-ġurnal kien jinbiegħ żewġ soldi.

Dwar dan Klement Mifsud Bonnici, li għex fis-snin 1844-87, nafu ftit li xejn. Fl-1940, P.P. Saydon kiteb hekk: “Mifsud Bonnici, Pawlu, Kelment [sic.] u Ċensu … għannew dejjem il-kobor u l-ġmiel tar-Reliġjon.’ (ref 5) Is-sunetti ddedikati lil Sant’ Andrija huma xhieda ta’ dan. Mill-bqija għandna nifumu li fost il-poeti ta’ żmienu kien wieħed mill-minuri. Jidher li l-proża tiegħu kienet aħjar; almenu hekk osservaw l-edituri ta’ Ward ta’ Qari Malti (1936-40), li kienet l-ewwel antologija rappreiżntattiva u sistematika tal-letteratura Maltija.(ref 6) F’din l-antoloġija huma inkludew żewġ saġġi ta’ Mifsud Bonnici – ‘Mard tar-Ruħ’ u ‘Dmirijiet Lejna Nfusna.’ Dawn ix-xogħlijiet, flimkien ma’ ohrajn, kienu dehru oriġinalment fil-perjodiku Ward u Żahar ta’ Dr Cristoforo Frendo Cumbo. Dan il-perjodiku, li kien jinkludi kitbiet letteraji ħfief u xi aħbarijiet tal-ġurnata, kien beda johrog fl-1865. (ref 7)

Fir-Reġistru Elettorali ta’ 1-1870 insibuh jabita f’Nru. 43, Strada Vallone, Ħal Qormi, filwaqt li fir-Reġistru Elettorali ta’ 1-1880 insibuh joqgħod f’Nru. 19, Strada Reale, fl-istess raħal. M’hemm ebda traċċa tiegħu fl-elenku ta’ 1-1890, u dan jikkonferma li qed nitkellmu fuq l-istess persuna. Ma nafux jekk kienx jiġi mill-patrijott u tabib Malti Klement Mifsud Bonnici li kien ipparteċipa bis-sħiħ fl-irvell tal-Maltin kontra l-Franċiżi fis-snin 1798-1800.

Minkejja x-xebh kbir bejn iż-żewġ poeżiji miġjuba hawn taħt, ma nistgħux ngħidu li s-sunett Malti hu traduzzjoni fidila tas-sunett Taljan, li aktarx inkiteb qabel. Mill-bqija jidher ċar li Mifsud Bonniċi, bħall-kittieba kollha ta’ żmienu, kien sa ruħ ommu mgħaddas fil-kultura u l-letteratura Taljana.

(A) Lil Sant’ Andrija Appostlu u Martri
fil-festa tiegħu li bi kbira devozzjoni
u pompa ssir Ħal Luqa
fit-30 ta’ Novembru, 1878 (ref 8)

SUNETT (ref 9)

Mewt, ja Mewt! Fejn hi tiegħek il-ħruxija?
Fejn hu l-minġel ħassad minn tal-bnedmin, (ref 10)
Li bih imżatta trid teqred f’kull ħin
Il-fqir, il-għani, il-kbir u sat-tarbija?

Għaliex mel’issa qed narak merħija,
Għajnejk bil-biża’ wereċ, maqlubin;
Donnok truxa tad-dwell għall-istedin
Li jgħamillek Indri, fjur tal-qdusija?

Isimgħu bħal gwerrier l-iżjed qalbieni,
Fuq is-salib imdendel, jisfidak;
Ma jibża’ minnek xejn, jiddisprezzak!

Smajtek twieġeb: Jien qiegħda mmut bil-pwieni
Għaliex dan il-Qaddis bil-qawwa tiegħu
Għelibni; jien ma flaħtx noħodha miegħu!

(B) Santo Andrea Apostolo Martire
nel sueo di festivo
a Casal Luca
il 30 Novembre 1878

SUNETTO

Inesorabil Morte, cruda invero,
Ov’e l’empia tua falee, onde l’umano
Hai di mietere ognor fiso il pensiero
E pronta ed instancabile la mano?

Io pur ti vidi dall’aspetto fiero,
Forte del tuo potere sovrumano,
Ardita guerreggiar col mondo intero,
Sempre vincendo per valore arcano!

Or ben: perche dunque paventi, 0 Morte,
‘Quegli assalir che in dura croce or pende,’
Quegli che ognor ti sfida, il Santo, il Forte?

Taci!… ma dire it tuo silenzio intende:
Non mi cimento d’assalir Colui,
Che mia possanza omai fu vinta in Lui!

Sunett, sewwasew, hu għamla ta’ poeżija magħmula minn erbatax-il vers, aktarx ta’ ħdax-il sillaba kull wieħed. Fil-forma Taljana (jew Petrarkana) is-sunett hu maqsum fi grupp ta’ tmien versi (ottava) u fi grupp ta’ sitta (sestett). Fil-letteratura Maltija din il-forma laħqet l-aqwa livelli fix-xogħlijiet ta’ Dun Karm Psaila, Karmenu Vassallo, Anton Buttigieg, u Ġorġ Pisani. Iż-żewġ sunetti ta’ Klement Mifsud Bonnici huma preċiżament ta’ din l-għamla. Madankollu, irridu nżidu li f’Malta dan il-ġeneru letterarju kiseb tifsira aktar miftuħa. Fil-fatt, f’sens popolari, sunett jitqies bħala ‘poeżija ftit jew wisq qasira ta’ tifħir, ġeneralment lil xi qaddis fil-festa tiegħu jew f’ġieħ xi ħadd magħruf, stampata fuq karti volanti, ħarir jew drapp irqiq ieħor, ta’ lwien varjati, li jitqassmu jew jitwaddbu f’għadd kbir fejn ikun hemm ġemgħa nies.’ (ref 11)

Referenzi:

1. Il-Ħabbar Malti, 6/12/1878, p. 2.

2. In-Nobbli Giorgio Crispo Barbaro Marchese di San Giorgio (1849-1912) għandu rabta sfiqa ma’ Ħal Luqa għax fis-snin 1886-1900 kien appuntu l-ewwel president onorarju tas-Soċjeta Filarmonika Sant’ Andrija. L-ewwel żjara uffiċjali l-każin tas-Soċjeta kienet dik ta’ Lulju, 1886. Crispo-Barbaro kien ukoll l-ewwel president tas-soċjeta Filarmonika ta’ Bormla u proprju fl-1880, fis-sena li fiha ngħata l-markizat, din is-soċjeta assumiet l-isem ta’ San Giorgio. Ara I-artiklu (anonimu) li deher fuqu fil-programm tal-Festa titulari tas-sena 2004, ippubblikat mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, pp. 135, 137. kif ukoll riprodott fuq dan is-sit fis-sezzjoni ‘L-istorja tagħna’

3. Anki I-Kan. Ludovik Mifsud Tommasi (1796-1879) għandu rabta ma’ Ħal Luqa. Fl-1847 kien daħal għall-konkors għall-kappillan tal-parroċċa wara l-mewt tal-Kappillan Sultana, iżda ma ġabhiex żewġ. Mifsud Tommasi, kontributur regolari f’Il-Ħabbar Malti u awtur prolifiku ta’ bosta versi devozzjonali, kiteb ukoll il-kurunella tal-qaddis patrun tar-raħal imsejħa ‘Tifħir u talb lil Sant’ Andrija Appostlu, Titular tal-Parroċċa ta’ Ħal Luqa.’ FI-1845 hu kien xtara qabar fil-knisja parrokkjali ta’ Sant’ Andrija iżda meta miet ma ndifinx hemm. Mifsud Tommasi kien predikatur magħruf, kif ukoll kittieb ta’ letteratura sagra bil-Latin, bit-Taljan, u bil-Malti. Għal tagħrif estensiv fuqu ara x-xogħol ta’ Ġuże’ Cassar Pulliċino, It-Kitba bil-Matti sa l-1870 (PIN, Malta: 2001), pp. 103-105, 113-117, 123-125. Dwar ir-rabta ta’ Mifsud Tommasi ma’ Ħal Luqa ara l-artiklu ta’ Anton Morana f”Leħen il-Parroċċa – Luqa’, Frar 1985, pp. 2,4.

4. Dawn il-kummenti jissemmew ukoll fil-ktieb ta’ Ġuże Cassar-Pullicino Kitbiet Onra tas-Seklu Dsatax (PIN, Malta: 2002), p. 127.

5. Ward ta’ Qari Malti, 3et ktieb, ed. P.P. Saydon & Ġ. Aquilina, Malta: 1940, p. 26.

6. Ward ta’ Qari Malti, 2ni ktieb, ed. P.P. Saydon & Ġ. Aquilina, Malta: 1937, p. ix.

7. Dan il-perjodiku, għall-ewwel, kien joħroġ darbtejn fix-xahar, imbagħad, waqa’ għal darba fix-xahar, sakemm waqaf fl-1872. Fost il-kontributuri nsibu lil Achille Ferris, Annibale Preca, u l-Kan. Paolo Pullicino.

8. Fl-1878 il-parroċċa kienet f’idejn il-Kappillan Ġużeppi Ruġġier Trapani li kien joqgħod f’Nru. 30, Triq San Ġorġ. Nafu wkoll li fl-istess sena u fl-istess triq kien hemm l-iskola primarja, f’żewġt idjar Nru. 22 u 23. Iż-żewġ każini tal-banda kienu għadhom ma twaqqfux. Il-popolazzjoni tar-raħal kienet tħaddan madwar 1,800 ruħ. Ara Joseph Micallef, Ħat Luqa: Niesha u Ġrajjietha Malta: 1975, pp. 225 u 246.

9. Qed inġibu dil-poeżija bl-alfabett kontemporanju ta’ l-Akkademja tal-Malti u mhux kif dehret stampata oriġinalment, b’ortografija differenti, fl-1878. Ninnutaw li l-iskema tar-rima fis-sunett hija a-b-b-a, a-b-b-a, ċ-d-d, ċ-e-e.

10. Qabbel dawn il-versi mas-silta mill-Iskrittura: ‘Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt, in-niggieza tiegħek?’, 1 Kor. 15, 55.

11. Ara (a) Oliver Friggieri, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji (PEG, Malta: 1996), p. 711 u (b) Erin Serracino-Inglott, Il-Miklem Malti, vol. viii (Klabb Kotba Maltin, Malta: 1984), p. 299. skond Serracino-Inglott, it-terminu ‘sunett’ jintuża wkoll sabiex jirreferi għall-karti kkuluriti mqattgħin irqiq ukoll. bla kitba fuqhom, li jitwaddbu jittajru mar-riħ minn twieqi, galleriji, jew kampnari x’ħin tkun għaddejja xi purċissjoni, bħala turija ta’ ferħ.

L-istatwa li tidher bħal ‘Main image’ hija statwa fl-irħam (għolja 450cm) li tinsab fi Pjazza San Pietru faċċata ta’ St Longinus (Bernini) fil – Vatikan. Din l-istatwa hija xogħol Francois Duquesnoy (1597-1643). Din saret bejn l-1629-1633 fuq stil Barokk. L-image hija meħuda min ‘Web Gallery of Art’ (www.gallery.euroweb.hu)

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.