Min Aħna

/Min Aħna
Min Aħna 2018-01-01T00:31:54+00:00

Dawn huma sintesi qasira b’ħarsa l-aktar speċifika tal-ħidma mużikali tal-għaqda tagħna min meta din bdiet tagħti s-sehem tagħha fil-ħajja tal-poplu Ħal Luqi. Żgur li dan l-artiku m’għandux jitqies bħala ta’ referenza peress li issa, aktar min qatt qabel, għandna ktieb dettaljat bħala referenza għal ġrajjiet kollha tal-għaqda tagħna miġbura fil-ktieb, L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – Twelidha u Ġrajjietha ’ ta’ Jesmond Grech.

Ma stajtx ma nagħmilx enfasi fil-bidu ta’ dan l-artiklu dwar il-bidu ta’ din l-għaqda u min fejn oriġinat, peress li kien hawn disgwidi u dubji fuq dan is-suġġett li issa ġew finalment ċċarati. Ta’ min jinnota li artikli dwar l-bidu tal-għaqda tagħna preċedenti għal ktieb ‘L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – Twelidha u Ġrajjietha’ ġew mneħħija min dan is-sit. Kif kiteb tajjeb l-awtur Jesmond Grech,” Fil-kitba ta’ l-istorja d-dokumenti jixbhu lix-xemx f’ġurnata msaħħba; daqqa jinħbew u taqa’ d-dalma, daqqa jitfaċċaw u kollox jidher f’dawl ġdid. Huwa għalhekk li l-kitba ta’ l-istorja qatt ma tista’ tkun defenittiva, għaliex wara li tkun inkitbet tista’ tinqala’ xi ħaġa oħra li toffri verżjoni oħra ta’ kif setgħu seħħew l-affarijiet.”

Dan l-artiklu hu ‘collage’ ta’ tagħrif miġbura minn kotba tal-festa, kotba tal-istorja tal-1951 u 1983, kif ukoll mill- ktieb, “L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – Twelidha u Ġrajjietha ” ta’ Jesmond Grech (2008)

Bernard Cutajar

Jidher li f’Ħal Luqa lejn l-1875 kien hawn ir-rekwiżiti neċċessarji sabiex titwaqqaf għaqda mużikali. Is-Surmast Vincenzo Camilleri kien ilu għomru u żmienu jdoqq ma’ diversi baned fis-servizzi Inglizi. Il-konnessjoni ta’ dan il-mużiċist Belti ma’ Ħal Luqa ġejja miż-żwieġ tiegħu ma’ Marija Grazzja Fava fit-23 ta’ Diċembru 1845. Il-familja Camilleri kellhom residenza tas-sajf f’Ħal Luqa fid-dar numru 100, Triq il-Karmnu. Hemm kien isir xi tagħlim tal-mużika. F’dawn iż-żminijiet kien hawn moviment sabiex titwaqqaf banda ġewwa Ħal Luqa.

Nistgħu ngħidu li l-istorja tal-bidu tas-Soċjetajiet mużikali ma kienetx ċara għal diversi snin biż-żewġ każini jgħidu l-versjoni tagħhom sakemm waqt riċerka li saret għall-ktieb, ‘L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija – Twelidha u Ġrajjietha’ l-awtur Jesmond Grech kellu l-opportunita sabiex jeżamina documenti li jixħtu dawl ġdid fuq x’ġara f’dawn l-ewwel żminijiet.

Dawn huma dokumenti miktubin mill-mibki Noe Ciappara li kien jikteb b’mod assidwu u eżatt fuq diversi aspetti storiċi marbuta ma’ Ħal Luqa. Dawn id-dokumenti kienu miktubin fl-1978. Il-ġenwinita ta’ dan is-sors hija li f’intervista li s-Sur Francis Galea għamel mas-Sur Gerald Vassallo fl-2005, iben Pietru Vassallo, wieħed mill-ewwel bandisti ta’ din l-ewwel għaqda Ħalluqija jikkorabora ma’ dak li kiteb Ciappara fin-noti personali tiegħu snin qabel.

Kull filgħaxija, speċjalment fis-sajf il-familja Camilleri kienu joħorġu barra maġenb id-dar tiegħu u joqogħdu jdoqqu biċċiet ta’ mużika leġġera. Din ix-xena kienet tiġbed l-interess ta’ ħafna rġiel Ħalluqin li kienu jinġabru madwarhom , B’hekk nistgħu ngħidu li twieled l-interess fil-mużika f’dan ir-raħal. It-tagħlim tal-mużika beda jsir min Vincenzo Camilleri u wliedu.

Malajr intgħażlu irġiel biex jiffurmaw kumitat, bdew jiġbru il-flus biex jarmaw il-każin li kienu krew post apposta viċin id-dar tal-familja Camilleri, quddiem it-Triq ta’ Wied il-Knejjes u anki għall-ispejjeż ta’ l-armar li titlob l-orkestra kif ukoll il-banda.

Rivelazjoni interessanti hija li wara li bdew isiru il-laqgħat ta’ dan il-kumitat u xi programme ħfief spissi, xi ħadd minn tal-kumitat, aktarx mastru Pietru Azzopardi, li dak iż-żmien kien prokuratur tal-Ġimgħa l-Kbira, ġietu l-idea li quddiem il-kantuniera li tiġi bejn Triq il-Karmnu u t-triq ta’ Wied il-Knejjes, titwaqqaf statwa ta’ Sant’ Andrija, il-patrun ta’ Ħal Luqa, bħala tifkira ta’ din l-għaqda. F’inqas min sena, l-istatwa kienet lesta bil-pedestall b’kollox. B’hekk intgħażlet ġurnata sajfija tas-sena 1878 biex fiha tiġi mtellgħa din l-istatwa. Dak in-nhar rar-tlugħ ta’ l-istatwa saret festa kbira, il-bandisti bl-istrumenti f’idejhom lesti għal demostrazzjoni memorabbli tal-bidu ta’ din l-għaqda mużikali f’Ħal Luqa.

Mela jidher ċar li fl-1878 kien hemm formazzjoni mużikali li daqqet fl-okkażjoni tat-tqegħid ta’ l-istatwa msemmija bħala kommemorazzjoni tat-twaqqif tagħha. Sabiex banda tkun tista’ ddoqq jeħtieġ żmien ta’ prova u taħriġ. Mela, sabiex setgħu jdoqqu għal dik l-okkażjoni fl-1878, il-bandisti kien ilhom xi żmien, possibilment sena, sentejn, jekk mhux tlieta, jitgħallmu u jikkunċertaw. Kollox jaqa’ bizzilla mat-teorija li fl-1875 beda t-tagħlim tal-mużika bil-ħsieb li titwaqqaf banda.

Din il-formazzjoni tissejjaħ ‘għaqda mużikali’ minħabba li sas-sena 1878 l-iktar li tgħallmu strumenti tal-korda; għalhekk aktar kont tista’ ssejħilha orkestra jew banda… Billi f’ħafna rħula ta’ Malta kienu qegħdin jitwaqqfu l-baned mxew sabiex jitgħaalmu strumenti tar-ram u tal-qasba.

L-orkestra jew banda li kienet teżisti fl-1878 kellha l-isem ta’ La Stella. Fuq dan hemm qbil ma’ dak li ġie rappurtat li kien jgħid Pietru Vassallo, wieħed mill-ewlenin bandisti ta’ din l-għaqda mużikali. Il-Każin kien semmewħ La Stella fejn din kienet l-unika għaqda mużikali Ħal Luqija taħt id-direzzjoni ta’ Gavino Camilleri, wieħed mit-tfal ta’ Vincenzo Camilleri.

Taħt id-direzzjoni ta’ Gavino Camilleri it-tagħlim mexa ġmielu u nistgħu ngħidu li sal-1879 l-għaqda La Stella bil-banda tagħha kienet ffurmata u kompluta b’kollox, sewwa b’numru sabiħ ta’ bandisti, kif ukoll fil-varjeta tal-istrumenti fil-formazzjoni. Dik s-sena sar ukoll standard ċelesti skur u kurċetta fuq stilla bħala standard tal-għaqda mużikali La Stella.

Iċ-ċelest skur ukoll huwa assoċjat ma La Stella u eventwalment mal-Banda Sant’ Andrija li, kif ser naraw hija l-kontinwazzjoni ta’ din is-soċjeta’ bikrija. Il-kulur ċelesti jibqa assoċjat mal-Banda Sant’ Andrija fejn ninnutaw terħa ċelesti ma’ l-istatwa ta’ Malta Gwerriera maħduma fl-1886 kif ukoll l-istilla bir-raġġi fuq l-parti ta’ fuq tal-pedestall.

Il-Każin tal-banda kien l-uniku post fir-raħal fejn in-nies setgħu jiltaqgħu u jiddiskutu. Fejn jiltaqgħu n-nies jitħalltu l-ideat u jitwieldu l-opinjonijiet. Dan huwa oġġett fih innifsu sabiħ iżda, b’xoti hażina, mhux kulħadd huwa matur biżżejjed biex jifhem u jaċċetta l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Għalekk titwieled il-pika li, xi drabi. Iġġib magħha l-firda wkoll.

Jissemma li waħda mill-kawżi tal-firda bejn il-mużiċisti Ħalluqin saret minħabb l-pika li nħolqot bejn il-fazzjoni ta’ Nikol Sammut (L-Ewwel president tal-Banda Unjoni) u ta’ Giuseppe Micallef (L-ewwel president tal-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija). Jidher li kien ġara xi inkwiet fil-festa tal-Kunċizzjoni tal-1879, fejn xi bandisti tat-Triq tal-Karmnu marru jdoqqu għall-istess festa ġewwa Bormla u l-bandisti l-oħra li baqgħu Ħal Luqa kienu min-naħa tal-pjazza u jappoġjaw lil Nikola Sammut. Jidher li f’din l-okkażjoni dawn tal-pjazza wrew ix-xewqa li jinfirdu mill-bandisti ta’ triq il-Karmnu u jiffurmaw banda oħra taħt il-Presidenza ta’ mastru Nikol li għal dik l-okkażjoni ma aċċettax il-proposta.

Fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat tal-każin La Stella li saret f’Diċembru 1879 sar ftehim biex fit-tielet Ħadd ta’ Jannar 1880 issir laqgħa ġenerali tal-kumitat, bandisti u membri, u rġiel oħra min Ħal Luqa biex jitwaqqaf kumitat formali għat-twaqqif sod tal-banda, għall-isem tal-banda, kif ukoll għall-għażla tal-president u tas-surmast tal-banda. Din il-laqgħa x’aktarx ġiet deċiża minħabba li s-sitwazzjoni fil-għaqda ma kienetx feliċi. Il-firda mhux biss kienet imminent imma, fil-prattika saret. Kien jonqosha biss li tiġi sanzjonata f’dik il-laqgħa fil-bidu ta’ Jannar fejn naraw li kienu żewġ persuni li ppreżentaw irwieħhom għall-presidenza, s-sur Giuseppe Micallef u mastru Nikol. Dawn iż-żewġ personalitajiet wasslu għall-żewġ każini u biex miz-zokk ewlieni (La Stella) ħarġet fergħa oħra. Skond id-dokumenti ta’ Noe Ciappara l-elezzjoni ntrebħet minn Giuseppe Micallef fejn is-sostenituri ta’ mastru Nikol li ħafna minnhom stennew din l-okkażjoni sabiex jinfirdu ħarġu l-barra. Għal din l-elezzjoni hemm disgwid ta’ versjoni ma’ dak li jgħidu tal-Banda Unjoni. Sfortunatament evidenza fuq il-voti ta’ dik l-elezzjoni sal-ġurnata tal-lum ma nstabux u ma nistgħux nikkonfermaw min hu korrett. Pero joħroġ punt ċar u indiskuss, li l-president Giuseppe Micallef kellu biżżejjed appoġġ biex La Stella tkompli u li mastru Nikol kellu l-appoġġ biex titwaqqaf banda oħra ġdida.

Fil-kitbiet tal-Banda Unjoni mhux biss ma jaqblux ma min rebaħ l-elezzjoni, lanqas jaqblu fis-sena li fiha saret il-firda! Fil-ktieb ta’ Frans Galea li kien ħareġ f’għeluq il-125 sena mit-twaqqif tal-banda jirreferu għall-1883 bħala s-sena li saret il-firda. F’paġna 57 ta’ dan il-ktieb, Ħal Luqa u l-Banda tagħha Unjoni nsibu li l-firda saret għall-ħabta ta’ Awwissu jew Settembru 1883. Filwaqt li f’paġna 66 naqraw rapport ta’ intervista ta’ Ġerlad Vassallo, iben Pietru Vassallo li fl-1880 il-mużiċisti li kienu jdoqqu bħala orkesta ma Vincenzo Camilleri bejn ħames u seba’ snin qabel ffurmaw banda u semmewha l-Unjone fejn dawk li ma qablux telqu għal rashom u xi tlett snin wara ffurmaw banda. Il-punt prinċipali li joħroġ huwa li l-firda saret fl-1880 u mhux fl-1883. Fuq dan Pietru Vassallo u Noe Ciappara jaqblu, kif ukoll jaqblu li fil-bidu l-Banda Sant’ Andrija kienu jsibuhom bħala La Stella.

B’din il-firda fisser li l-ebda min dawn iż-żewġ formazzjonijiet ma seta jdoqq peress li l-bandisti nfirxu maż-żewġ għaqdiet. Is-Sur Giuseppe Micallef u s-sostenituri tiegħu baqgħu bħala La Stella bil-każin fi Triq il-Karmnu. Il-bandisti li nfirdu mill-fergħa ewlenija La Stella sabu l-appoġġ ta’ Vincenzo Cermona mlaqqam tal-maxku. Dan kien negozjant u kellu dar kbira fejn kien isiru xi teatrini. Dawn il-bandisti sabu ruħhom idoqqu f’dan it-teatrin li semmewh ‘Teatrin ta’ l-Ajkla’. Din l-għaqda ma dan it-teatrin li l-għaqda l-ġdida ssejħet l-Unjone. Naraw li anke fit-teatrin kien hemm ir-rivalita peress li kien isir ukoll teatrin mill-għaqda La Stella.

Kien fl-1883 li ż-żewġ baned kienu f’pożizzjoni li jeżegwixxu programm mużikali. La Stella kompliet tiffunzjona taħt Giuseppe Micallef u aktar tar dbl-siema Societa Folarmonica San Andrea b’ Mro Tomaso Galea bhala Surmast Direttur tal-Banda. Il-fergħa l-ġdida ssejħet L’Unione għall-bidu u wara L’Unione Vincitrice taħt il-presidenza ta’ mastru Nikol Sammut, b’Maestro Gavino Camilleri bħala surmast direttur.

Tul l-aħħar sittax-il sena tas-seklu dsatax kellha diversi okkażjonijiet fejn fihom stabilixxit ruħha fil-gzejjer tagħna. Il-bidu kien diffiċli u ma kien nieqes minn problemi. Tul dawn is-sittax-il sena l-Banda għaddiet minn taħt idejn xejn anqas minn tmien surmastrijeit li kienu:

Tomaso Galea 1883-1886
Carmelo Abela 1886-1889
Gaetano Grech 1889-1890
Luigi Barbosa 1890-1891
Carmelo Doneo 1891-1892
Gavino Camilleri 1892-1893
Salvatore Spiteri 1893-1896
Spiridione Zammit 1896-1900

Dawn l-ewwel sbatax-il sena ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kienu karaterizzati b’diversi suċċessi. Wara li l-Banda Sant’ Andrija bdiet tieħu sehem fil-festi tar-raħal, dik tal-Madonna taċ-Ċintura fit-30-31 ta’ Awissu 1884 u dik ta’ Sant’ Andrija fit-30 ta’ Novembru 1884, l-Banda daqqet f’diversi postijiet oħra. Fl-Imsida fl-1886 fl-okażjoni tat-tqiegħed ta’ l-ewwel ġebla tal-Knisja Parrokkjali, f’tas-Sliema fl-1892 fil-festa ta’ Stella Maris, f’San Giljan fl-1894, fiż-Żurrieq u fil-Furjana fl-1896, u fil-Belt Valletta fis-sena 1897 fl-okkażjoni tal-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Vittoria.

Tul dawn is-snin il-Kazin ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija kien għadu fi Triq il-Karmnu fl-aktar parti qadima tar-raħal fil-viċinanza ta’ l-istatwa ta’ Sant’
Andrija li għada hemm sal-lum. Fl-1889 kien indaqq Innu lill-Appostlu Sant’Andrija, kompożizzjoni ta’ Mro Gaetano Grech . Fl-1894 ndaqqet ukoll Marcia San
Andrea kompożizzjoni ta’ Mro Salvatore Spiteri. Lejn l-aħħar tas-Seklu Dsatax naraw li twaqqfet kumpanija tat-tejatru bl-isem “La Stella” li jibqa sinonimu ma din l-għaqda tagħna anke wara li l-Banda ssemmiet għal Padrun Sant’ Andrija. Il-Każin jibqa magħruf bħala Casino La Stella u bil-laqam tal-Istilla li għadu jintuża sal-ġurnata tal-lum.

1900
L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija bdiet is-seklu ghoxrin taht il-Presidenza ta’Giovanni Micallef,b’ Mro Antonio Pace Surmast Direttur , sitt membri fil-Kumitat, b’24 Bandist.

1906
F’dan Il-perjodu naraw li numru sabiħ ta’ bandisti tagħlmu strument tal-korda u hekk giet imwaqqfa l-Orkestra Sant’ Andrija, l-mużiċisti kienu kunsidrati wkoll bħala bandisti tal-Banda Sant’ Andrija.

1907
Mro Antonio Cassar maħtur bħala Surmast Direttur.

1908
Mro Paolo Vella maħtur Surmast Direttur.

1913
Mro P Vella irregala lill-Banda l-”Innu Kantata lill-Appostlu Sant’ Andrija” fuq versi bit-taljan ta’ Patri Carmelo Del Bambin Gesu CS. Dan indaqq l-ewwel darba f’dik l-istess sena.

1914
Mro Antonio Miruzzi nħatar bħala Surmast Direttur. Tul iż-żmien li dam bħala Surmast, sa l-1922 dan irregala lill-banda Sant’ Andrija sett ta’ Marċi
Funebri u sett ta’ Marċi Brijużi. Barra dawn hu irregala wkoll l-”Innu tal-Banda Sant’ Andrija”, xogħol mill-isbaħ.

1919
Mro Vincenzo Caruana iben din is-Socjeta jirregala “Innu Marċ lil Malta Gwerriera”.

1920
L-istess Surmast jirregala marcia funebri “Ai Caduti della Patria” b’memorja tal-Maltin li ħallew ħajjithom waqt l-irvelijiet ta’ l-1919.

1922
Mro Salvatore Spiteri, minn Ħal Luqa jiħatar Surmast Direttur.

1923
Mro Vincenzo Caruana jirregala l-”Inno Stabat Mater Dolorosa”.

1924
Fl-20 ta’ April, tkun imżanżna uniformi ġdida tal-Banda ta’ kulur abjad. Fl-istess okkażjoni jiżżanzan palk ġdid għall-Banda, sett qniepen u xi strumenti ġodda oħra tad-Ditta Boosey & Hawks. F’dik l-okkazjoni kien sar programm mużikali f’Misraħ il-Knisja.

1930
F’din is-sena naraw li l-Banda Sant’ Andrija kienet komposta minn 40 bandist kollha bl-uniformi u beritta. L-Banda kienet tieħu sehem lejlet u nhar il-festa
Titulari ta’ Sant’ Andrija, fil-Ġimgħa l-Kbira u fi programmi oħra kemm f’Ħal Luqa u anke barra r-raħal.

1932
Fil-15 ta’ Settembru rtira mill-kariga tieghu bħala surmast direttur Mro Salvu Spiteri. Floku ngħażel Mro Anton Muscat Azzopardi. Nhar il-Hadd 27 ta’ Novembru l-Banda Sant’ Andrija esgwiet l-ewwel programm mużikali tagħha taħt id-direzzjoni tas-suramst il-ġdid. Għal dan il-programm kien preżenti l-Prim Ministru ta’Malta Sir Ugo P Mifsud. Mro Anton Muscat Azzopardi dam jidderieġi l-Banda Sant’ Andrija sa l-1978.

1935
Fis-6 ta’ Marzu, l-Banda Sant’ Andrija ħadet sehem fl-isfilata ġewwa l-Belt Valletta fl-okkazjoni tal-Ġublew tal-Fidda tar-Re Gorg V. Għamlet ukoll marċ
mit-tarf tar-raħal sal-Pjazza Sant’ Andrija. 8 ta’ Ġunju l-Banda Sant’ Andrija laqgħet lill-Legat tal-Papa, l-Kardinal Alessio Lepicier bid-daqq ta’ l-Innu tal-Papa
fejn il-Bieb tal-Bombi. Fil-festa ta’ Sant’ Andrija s-solo kurunettista Carmelo Fenech daqq il-”Carnevale di Venezia” flimkien mal-Banda. F’dan l-istess żmien
ħafna bandisti tal-Banda Sant’ Andrija ngħaqdu mal-Banda ta’ l-Iscouts ta’ Ħal Luqa.

1940
Dik is-sena l-festa ta’ Sant’ Andrija ma saritx iżda l-bandisti li kienu jagħmlu parti mill-Banda ta’ l-Iscouts flimkien ma’ xi bandisti ta’ l-Army daqqew xi marċi mar-raħal.

1943
L-Banda Sant’ Andrija fl-20 ta’ Ġunju sellmet lir-Re Ġorġ VI bid-daqq tal-God Save f’tarf ir-raħal f’egħluq iż-żjara tiegħu f’pajjiżna fl-okkażjoni ta’ l-għoti tal-George Cross lil pajjiżna.

1944
L-Banda Sant’ Andrija għamlet marċ mat-toroq ta’ Ħal Luqa biex ikun ċelebrat id-dħul ta’ l-Allejati f’Ruma. Wara sar programm mużikali fil-Pjazz Sant’Andrija. Dik is-sena l-Banda Sant’ Andrija kienet mistiedna ddoqq fl-Mqabba għall-festa ta’ Santa Marija u l-Isla għall-festa tal-Vitorja.

1947
Ghall-ewwel laqgha li saret biex titwaqqaf il-Malta Band Clubs Association, is-Sinjuri Gio Batta Caruana u Antonio Micallef nħatru bħala delegati ta’ l-Għaqda
Mużikali Sant’ Andrija.

1952
Nhar il-Gimgha 27 ta’ Ġunju ngħata bidu għal-festi kbar li saru fl-okkażjoni tas-70 Anniversrju mit-twaqqif ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Ta’signifikat speċjali kienet il-Bandalora bl-arma tal-Belt ta’ Amalfi fl-Italja li kienet ġiet irregalata lill-Banda Sant’ Andrija mill-Concerto Bandistico di Amalfi u l-Kallotta mingħand Monsinjor Angelo Rossini Arcivescovo di Amalfi.

1953
Għall-okkażjoni ta’ l-inkurunazjoni tar-Regina Elizabetta II l-Banda Sant’Andrija ħadet sehem b’karru fl-isfilata li saret fil-belt Valletta. Il-Banda Sant’ Andrija bdiet tieħu sehem fil-festa tal-Vitorja fix-Xagħra Għawdex u baqgħet tagħmel hekk sa l-1959.

1957
Wara decizjoni li kienet ittiehdet mill-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien fejn il-Banda l-oħra tar-raħal ġiet vantaġjata, l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li ma tihux sehem fil-festa sakemm tibqa’ ssir preferenza bejn il-baned tar-raħal. Dan kien żmien difficli ferm kemm għall-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u kifukoll għar-raħal kollu.

1958
Fit-28 ta’ Settembru l-Banda Sant’ Andrija esegwiet Progaramm Mużikali fil-Pjazza tal-Palazz fil-belt Valletta u kien imfaħħar hafna. Fil-festa titulari l-Banda Sant’Andrija reġgħet ma partecipatx.

1959
Fl-20 ta’ Settembru kien inawgurat il-plancier artistiku tal-Banda. Ix-xogħol fuqu kien inbdeda fl-1954. Dan kien inawgurat minn Sir Luigi Camilleri ex-President tal-Qorti u tbierek mill-Isqof Galea. F’dik l-istess okażjoni l-Banda Sant’ Andrija esegwiet Programm Mużikali fuq l-istess planċier biex tfakkar egħluq il-25 sena mill-ħatra ta’ Mro. Anton Muscat Azzopardi bħala Surmast Direttur tal-Banda. Dak inhar fost is-siltiet li ndaqqu nsibu l-Overture 1812 li ndaqqet flimkien mal-kor. Dik is-sena l-Banda Sant’ Andrija ħadet sehem fil-festa titulari bħal turija ta’ rieda tajba u għamlet l-istess fis-snin 1960-1962.

1960
Nhar il-25 ta’ Lulju l-Banda Sant’ Andrija sellmelil-Legat tal-Papa fil-Pjazza tal-Knisja, li kien gie Malta għall-Festi Ċentinarji tan-Nawfragju ta’San Pawl.

1964
Fl-okkażjoni ta’ l-għoti ta” l-Indipendenza lil pajjizna l-Banda Sant’ Andrija fid-19 ta’ Settembru laqgħet id-Duka ta’ Edinburgh bl-innu Ingliz fil-bypass ta’ Ħal Luqa u wara għamelt marċ mat-toroq tar-raħal u daqqet l-Innu Malti fil-Pjazza tal-Knisja.

1965
Il-Banda Sant’ Andrija għamelt marċ u programm fil-belt Valletta nhar id-9 ta’ Settembru fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali.

1967
Fl-okkazjoni taż-żjara tar-Regina Elizabetta f’pajjiżna l-Banda Sant’ Andrija daqqet marci brijuzi fil-bypass ta’ Ħal Luqa.

1971
F’din is-sena fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied, l-istudenti tal-Banda flimkien ma’ xi bandisti oħra għamlu programm mużikali f’Misraħ il-Knisja taħt id-direzzjoni ta’ l-Asst. Surmast is-Sur Johnny Calleja. Dan kien il-bidu ta’ dan il-programm li l-Banda Sant’ Andrija għada tesegwixxi ta’ kull sena nhar il-Milied filghodu.

1972
Dik is-sena bdiet id-drawa li s-sett tal-marċi l-ġodda li jkun ser indaqqu għall-festa Titulari jkunu kollha komposizzjoni ta’ surmastrijiet u bandisti ta’ l-istess Banda. Drawwa li għada ssir sal-ġurnata tal-lum.

1973

Fil-festa titulari s-sur Johnny Calleja rregala lill-Banda Sant’ Andrija “Innu Popolari lill-Patrun tal-Banda Sant’ Andrija”, b’versi tas-sur PP Theuma.

1974
Il-Banda Sant’ Andrija kienet komposta minn 36 bandist Ħalluqi.

1978
Wara 46 sena bħala Surmast Direttur tal-Banda Sant’ Andrija, Chev Anton
Muscat Azzopardi kellu jirtira minn din il-kariga minhħbba saħħtu. Hekk
fil-festa ta’ dik is-sena, Mro Anton Muscat Azzopardi għadda l-bakketta tad-direzzjoni
lis-surmast Paul Schembri, iben Ħal Luqa u l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija. Mro
Paul Schembri għadu jokkupa din il-kariga.

1979
Fit-8 ta’ Diċembru tħabbret il-mewt ta’ Chev. Anton Muscat Azzopardi.
Il-Banda Sant’ Andrija flimkien mal-Banda L’Isle Adam tar-Rabat Malta li tagħha
wkoll kien surmast direttur akkumpanjawh fil-funeral li sarlu fid-9 ta’ Diċembru
fir-Rabat u f’Ħal Luqa.
Fit-13 ta’ Diċembru, l-Banda Sant’ Andrija kellha l-unur li tirrapreżenta l-Baned
Maltin fl-okkazjoni tal-Ħames anniversarju ta’ Jum ir-Repubblika b’daqq ta’
marċi brijużi minn Misraħ Gavino Gulia sal-Monument ta’ Jum il-Ħelsin fil-Birgu.

1981

Dik is-sena s-Surmast Paul Schembri irregala l-Innu Marc lill-Banda Sant’
Andrija b’lirika tiegħu stess. Dan l-innu għadu popolari ferm mal-partitarji
kollha.

1983
Is-sena Ċentinarja ta’ l-Għaqda Muzikali Sant’ Andrija (1883-1983). Biex
jitfakkar dan l-anniversarju hekk importanti saru divesi attivitajiet mifruxa
tul is-sena kollha, li laħqu l-qofol tagħhom fix-xahar ta’ Ġunju.

1984

Fl-1884 l-Banda Sant’ Andrija ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa ta’ Sant’
Andrija u dak inhar fost is-siltiet li ndaqqu kien hemm Selection mit-Traviata.
Din is-sena biex jitfakkar dan l-anniversarju l-Banda Sant’ Andrija fil-programm
tal-festa nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju esegwiet l-istess Selection mit-Traviata.

1986
Fil-festa ta’ dik is-sena ndaqq l-”Inno Al Martire Sant’ Andrea Appostlo” ta’
Mro Tommaso Galea, innu li ndaqq għall-ewwel darba mitt sena qabel 1886.

1987
Din is-sena rat il-bidu tal-Banda taż-Żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda Mużikali
Sant’ Andrija. Fost l-impenji li kellha wieħed isemmi programm mużikali
f’Ħas-Serh, s-sehem tagħhom waqt quddiesa organizzata għall-barranin residenti
f’Malta f’San Ġwann u l-programm mużikali li esegwew barra quddiem San Gwann u
anke l-parteċipazjoni tagħhom fi programm għall-jiem tal-Milied fiċ-ċentru
tas-Sależjani f’Hal Luqa.
F’dik is-sena wkoll l-Banda Sant’ Andrija kienet ħadet sehem f’konkors imniedi
mill-Ministeru tal-Kultura fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika fejn il-Banda Sant’
Andrija nhar il-11 ta’ Dicembru, kisbet it-tieni post u ġiet irregalata bi
trofew mill-Ministru Dr.A. Sciberras Trigona. L-konkors kien sar fit-Teatru
Manoel fil-belt Valletta. Dak inhar il-Banda Sant’ Andrija kienet ġiet imfaħra
għall-mod kif kien esrgwit programm mużikali hekk diffiċli.

1988

Titwaqqfet b’mod uffiċjali l-Banda Żgħażagh Sant’ Andrija fi ħdan l-Għaqda
Muzikali Sant’ Andrija. Matul din is-sena dawn iż-żgħażagħ daqqew fil-Vittoriosa
Lawn Tennis Club, fl-Istitut Kattoliku fil-Furjana u anke f’okażjonijiet privati.
Il-Banda Sant’ Andrija kienet komposta minn 48 bandist tal-post.

1989
Il-Banda Sant’ Andrija ħadet sehem b’marċ fil-belt Valletta u l-Furjana
f’egħluq il-25 sena minn meta Malta saret Indipendenti.

1990
Din is-sena l-Banda Sant’ Andrija ġiet mistiedna biex iddoqq fil-festa ta’
Marija Bambina fix-Xagħra Għawdex. L-Banda Sant’ Andrija kienet tagħmel servizz
simili fis-snin ħamsin.

1994
Il-Ħadd 16 ta’ Jannar l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ħadet sehem waħedha
fil-programm televiziv ‘Il-Ħadd mal-Maltin” fuq l-istazzjon tat-television
nazzjonali. F’dan il-programm il-Banda Żgħażagħ Sant’ Andrija esegwiet live xi
siltiet muzikali fis-sala principali tal-każin. Dan il-programm kien segwit minn
udjenza kbira madwar Malta kollha u kien ta’ unur kbir għas-Soċjeta tagħna li
b’impenn sħiħ proġettat stampa sabiħa u pożittiva tar-rahal tagħna.
Il-Ġimgha 21 ta’ Jannar il-Banda Żgħażagħ Sant’ Andrija ħadet sehem fil-Festival
tal-Baned taż-żgħażagħ Maltin organizzat ghall-ewwel darba mill-Għaqda Kazini
tal-Baned Maltin. Għal dan il-programm il-Banda kienet magħmula minn madwar 35
bandist żagħżugħ tal-post u esegwiet programm mill-isbaħ u bi preċiżjoni kbira,
tant li kien imfahhar minn dawk kollha preżenti. Il-Banda taż-żgħażagħ baqgħet
tippartecipa kull sena f’dan il-Festival.

1995

Minn din is-sena l-istudenti tal-Mużika fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija
bdew jiġu preparati biex jersqu għall-eżamijiet tat-tejorija u prattika mill-Għaqda
Każini tal-Baned Maltin.

1996
Din is-sena għall-ewwel darba l-Banda Sant’ Andrija kompost minn bandisti
tal-post esegwiet programm mużikali f’Misrah il-Knisja nhar l-Gid il-Kbir
filghodu. Il-Banda kienet taht id-direzzjoni ta’ l-Asst. Surmast tagħha Mro
Raymond Fenech.

1997
Nhar is-SIbt 22 ta’ Frar, għar-raba darba, l-Banda Żgħażagħ Sant’ Andrija
ippartecipat fil-Festival tal-Baned Żgħażagħ. Fil-programm li kien esegwit
spikkaw is-siltiet Csardas bi Christopher Camilleri bħala solista fuq
il-klarinett u l-Carnival of Venice b’Michael Pulis solista bil-kurunetta li
flimkien mal-bandisti l-oħra kollha tal-post , deher ċar kemm l-bandisti
żgħazagħ fi ħdan l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija huma ta’ livell għoli u li
kellhom futur mill-isbah fil-qasam muzikali.
Din is-sena tibqa’ mfakkra ghax fiha nkitbet pagna ohra fl-istorja ta’ l-Ghaqda
Mużikali Sant’ Andrija u ta’ Ħal Luqa, meta l-Banda Sant’ Andrija kienet l-ewwel
banda Ħalluqija li kienet mistiedna biex iddoqq barra minn xtutna, eżatament
f’Taormina fi Sqallija u fil-Belt ta’ Amalfi l-Italja. Din iż-żjara saret bejn
is-16 u l-21 ta’ Settembru u kienet suċċess kbir. L-Banda Sant’ Andrija esegwiet
programmi mużikali f’dawn iż-żewġt ibliet u kienet preżentata b’diversi rigali
mis-sindki tagħhom. L-Arcisqof ta’ Amalfi wkoll preżenta rigal sabiħ lill-Banda.
B’din iz-zjara l-Banda Sant’ Andrija issiġilat l-ħbiberija tagħha ma’ din il-belt,
liema ħbiberija mbdiet 45 sena qabel fl-1952.

1998
Il-Banda Żghażagħ fi ħdan il-Banda Sant’ Andrija barra li ħadet sehem fil-Festival
għall-Baned taż-Żgħażagħ, kienet mistiedna wkoll mic-Chairperson u l-Kumitat tal-Malta
Union Club biex tesegwixxi programm mużikali fis-sala principali tal-Club
tagħhom. Dan il-Kunċert sar nhar il-Ħamis 15 ta’ Ottubru u kien success kbir.
Il-Banda kellha kliem ta’ tifhir minn dawk kollha preżenti u saħansita fil-ħarġa
tal-ġurnal ta’ l-istess Club kienet dedikata faċċata għal dan il-kunċert.
Is-Sezzjoni Żgħażagħ fakkret egħluq il-5 snin mit-twaqqif tagħha u l-Banda
Żgħazagħ ipparteċipat b’marċ fis-swali ta’ St. Vincent de Paule, u fil-Quddiesa
ta’ ringrazzjament fil-Knisja Parrokkjhali.
Fil-festa tfakkar egħluq l-20 sena ta’ Mro Paul Schembri bħala Surmast Direttur
tal-Banda.

1999
Il-Banda Żgħażagħ ħadet sehem fil-Festival tal-Baned taz-Zghazagh fit-30 ta’
Jannar u kienet komposta minn madwar 35 bandist tal-post u esegwiet programm
strumentali mill-aqwa fejn indaqqu fost l-oħrajn, l-Overture Orfeo al Inferno ta’
J Offenbach u Sonatina La Tromba Magica tas-surmast P Schembri.
Nhar il-Ħamis 30 ta’ Dicembru l-Banda Sant’ Andrija flimkien ma’ Disa’ Baned
Maltin ohra kienet magħżula biex tirrapreżenta l-Baned Maltin kollha b’marċ mat-toroq
tal-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-bidu tal-Millenju l-ġdid.

2000
Is-sena elfejn sabet lill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija popolari aktar minn
qatt qabel, mimlija entużjażmu u ħeġġa biex tkompli tgħolli isimha u isem Ħal
Luqa ‘l fuq. Sabet Banda kbira b’isem il-Patrun tar-Raħal, b’Surmast iben l-istess
Għaqda u iben Ħal Luqa. Matul di is-sena il-Banda
Sant’ Andrija esegwiet diversi programmi kemm f’Ħal Luqa u anke f’irħula oħra
fosthom f’Ħaż-Żebbuġ, Ħal Kirkop, il-Marsa u Raħal Ġdid.

2001
Il-Banda Sant’ Andrija ħasbet biex tippreżenta Programm Mużiklai taħt id-direzzjoni
ta’ Mro Paul Schembri, fis-Sala Sir Temi Zammit fl-Universita ta’ Malta taħt
il-Patroċinju tal-President ta’ Malta l-ET l-Professur Guido De Marco fil-bidu
ta’ l-ewwel sena ta’ Seklu u Millenju Ġdid. Fost is-siltiet li ndaqqu wieħed irid isemmi s-Sinfonija “From the New World” ta’ Antonin Dvorak liema sinfornia ndaqqet kollha. X’aktarx li
din kienet l-ewwel darba li din is-sinfonia ndaqqet kollha minn banda f’Malta.

2002
Fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju mill-ftuħ uffiċjali ta’ Palazz Bethsaida bħala
s-sede ta’ l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija f’Misraħ il-Knisja, l-Banda Sant’
Andrija esegwiet program vokali u strumentali fuq il-planċier tagħha fl-ewwel
jum tat-tridu tal-festa Titulari taħt il-Patronċinju ta’ L-eċċ. Tiegħu
l-President ta’ Malta l-Profs. Dr. Gudio de Marco.
Mal-Banda ħadu sehem il-vuċijiet flimkien mal-Kor Amadeus taħt id-direzzjoni ta’
Mro Brian Cefai u fost is-siltiet li ndawwu nsibu ‘Carmina Burana’ ta’ Carl Orff
li ndaqqet flimkien mal-kor.

2003
Din is-sena tfakkar egħluq il-25 sena mill-ħatra ta’ Mro Paul Schembri bħal
Surmast Direttur tal-Banda Sant’ Andrija. Biex jitfakkar dan ittelgħa Programm
Strumentali fit-tejatru Metanoia f’Ħal Luqa mill-Banda Sant’ Andrija fejn kien
esegwiti siltiet mużikali li huma kollha kompożizzjoni ta’ dan is-surmast. F’din
l-okkażjoni ndaqqet għall-ewwel darba sinfonija bl-isem Bethsaida li kienet
irregalata lis-Soċjeta f’din l-istess okkazjoni mill-istess surmast biex
jitfakkar dan l-anniversarju. Is-Soċjeta min-naħa tagħha preżentat lis-surmast
plakka bl-arma tas-Soċjeta maħduma fil-fidda b’iskrizzjoni li tfakkar dan l-anniversarju.
|
2004
Fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-wirja Miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju 2004 grupp ta’ bandisti
tal-post ingħaqdu f’żewg sezzjonijiet kwartett tal-qasba u grupp tal-brass li
separatament esegwew siltiet ta’ mużika da camera, inizjattiva li ntlaqgħet ferm
tajjeb.
Fil-festa Liturgika ta’ Sant’ Andrija kienet mfakkra b’pompa akbar mis-soltu
mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija, propju biex jitfakkar li 120 sena ilu
fl-1884 kient ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa Titulari ta’ Sant’ Andrija . Għal
dan il-għan saru diversi attivitajiet fosthom Programm Muzikali mill-Banda
komposta minn bandisti tagħha taħt id-direzzjoni ta’ l-Asst. Surmast Mro Michael
Pulis.

2005
Fl-okkażjoni tal-ftuh tal-wirja Miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju 2005 grupp ta’ bandisti
tal-post inghaqdu taħt it-tmexxija tal-Asst Surmast Michael Pulis sabiex daqqew arranġamenti tal-istess assistent surmast, fosthom bil-Preludio tar-‘Rigoletto’ u l-‘Adagio’ ta’ Samuel Barber. Tħabbret il-mewt tas-Surmast Carmelo Caruana, iben l-għaqda tagħna bil-banda takkompanja korteo funebri bid-daqq tal-marċi ġewwa Ħal Luqa.

Fl-okkażjoni tal-Festa Liturġika l-Banda Sant’ Andrija daqqet diversi siltiet mill-Innijiet tagħha sabiex tagħti gieħlil Padrun tagħna Sant’ Andrija. Din is-serata bis-sehem tal-Banda kienet f’ġieħ żewġ personalitajiet Ħalluqin, it-Tenur Andrew Sapiano u il-kittieb Ħal Luqi Juann Mamo.

2006
F’din is-sena l-għaqda tagħna sofriet telfa oħra ta’ persuna li ħadmet snin twal sabiex ikattar it-tagħlim mużikali, dan kien is-Sur Carmelo Baldacchino, l-għalliem tal-aljievi. Ma naqasx li l-banda ddoqq fil-koreto funebri b’apprezzament għax-xogħol siewi li wettaq din is-Sur Karm.
Il-ftuħtal-wirja Miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju 2006 sar b’aktar pompa mis-soltu billi tnaddaf u nfetaħ ix-xelter tal-pjazza miż-żgħażagħ tal-għaqda tagħna. Il-Banda tagħt is-sehem tagħha bi programm fil-pjazza quddiem il-każin.
Għal festa Liturġika ta’ Sant’ Andrija f’Novembru 2006 il-Banda tellgħet kunċert sinfoniku ġewwa t-Teatru Metanoia fejn rajna lis-Solista tal-banda fuq l-Althorn is-Sur Robert Sultana jdoqq capricc fantastiku ta’ Hartmann kif ukoll is-Surmast Paul Schembri jirregala lill-Banda xogħol ieħor mużikali oriġinali bl-isem ta’ Dance Splendour’.

2007
L-Banda bdiet l’impenji tagħha billi daqqet għall-ewwel darba b’marċ f’Jum Ħal Luqa, taħt l-inizjattiva tal-kunsill Lokali bi ftehim bejn iż-żewġ baned fejn kull waħda talterna dan is-servizz ta’ kull sena. Din is-sena ukoll l-Banda daqqet programm mużikali fil-pjazza quddiem il-każin għal ftuħ tal-Wirja miċ-Ċenaklu sal-Kalvarju.
Sfortunatament din is-sena kella tkun sena oħra fejn il-banda titlef persuna lit ant ħadmet u daqqet fl-isetss banda. Is-Sur Gian Mari Busuttil, bandist veteran, jmut fil-ġimgħa tal-Festa ta’ Sant’ Andrija ġurnata qabel il-programm tal-Festa. Il-banda akkumpanjat bil-marċi funebri il-korteo funebri u b’turija ta’ rispett ħassret il-programm mużikali tal-Festa għal dik is-sena.
Għal festa Liturġika ta’ Sant’ Andrija f’Novembru 2007 il-Banda tellgħet kunċert sinfoniku ġewwa t-Teatru Metanoia fejn jispikkaw l-arranġament li ndaqqu għal banda tal-bandisti u surmastrijiet Andrew Calleja u Michael Pulis. Jkun Andrew Calleja li f’dan il-kunċert jdoqq solo fuq it-trumbun b’arranġament tiegħu stess.

2008
Din is-sena kienet waħda ferm mistennija mill-għaqda fejn din għalqet 125 sena min meta ssemiet għal Patrun tar-raħal tagħna Sant’ Andrija. Il-banda kienet mpenjattiva ferm f’din is-sena fejn daqqet xejn aktar minn 23 servizz. Sfortunatament fosthom ukoll kellna żewġ funerali tas-Sur Carmelo Magri u s-Sur Francis Fava. Mro Andrew Calleja jinħatar assistent surmast. Ħarġet 3 cds, ta’ marċi funebri, brijjużi b’marċijiet kollha ta’ surmastrijiet u bandisti tagħha, kif ukoll ieħor bil-kompożizzjonijiet kollha oriġinali rregalati lil banda min Mro Paul Schembri propju fis-sena fejn is-surmast tagħna kien qed jiċċelebra t-30 sena min meta nħatar surmast. Daqqejna marċ fil-belt Valletta fejn il-Banda wasslet lil kumitat għal preżentazzjoni tal-ktieb tal-istorja tal-għaqda lil President ta’ Malta, fejn daqqejna l-Innu Malti fil-preżenza tal-President ġewwa l-bitħa tal-Palazz.
Il-Qofol tal-ħidma tal-banda ssarfet fi tlett programm kbar fejn il-banda uriet il-kapaċitajiet tagħha fl-att ta’ eżekuzzjoni u direzzjoni mis-surmast maħbub tagħna. Memorabbli l-akkademja ‘Al Martire San Andrea Apostolo mtellgħa fil-knisja parrokjali f’April. Hawn il-banda daqqet l-innijiet kollha l-kbar li għanda f’ġieħil-qaddis. Kient ukoll okkażjoni fejn is-surmast rregala xogħol ieħor mill-isbaħ bil-Poema – Sant’ Andrija, b’kitba ta’ Ġorġ Peresso għal banda, kor, Tenur u Sopran. Mill-aqwa l-programm tal-Banda ġimgħa qabel il-festa titulari fejn f’din l-okkażjoni bħal fl-akkademja l-banda kienet akkumpanjata bil-kor Amadeus taħt id-direzzjoni tas-Surmast Brian Cefai, s-Sopran Rosabelle Bianchi u t-Tenur Charles Vincenti
Okkażjoni oħra mill-isbaħ mill-banda fejn ġie mtellgħa Kunċert Sinfoniku fit-Teatru Nazzjonali, t-Teatru Manoel, fl-okkażjoni ta’ Santa Ċeċilja bħala l-mistiedna tal-Għaqda Każini tal-Banda. Il-banda daqqet biċċiet mpenjattivi fosthom id-Die Moldau ta’ Smetana, Hungarian Rhapsody No2 ta’ Liszt u żewġ kompożizzjonijiet ta’ Mro Paul Schembri , ‘Ċentinaria’ u ‘Bethsaida’. Dan kien għeluq mill-isbaħ tal-festi tal-Anniversarju tal-125 sen min meta twaqqfet uffiċjalment l-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija u b’tifkira tat-twaqqif ta’ l-ewwel għaqda mużikali f’Ħal Luqa 130 sena ilu mill-antenati tagħna li semmewha La Stella.

Il-banda tagħmel marċ madwar it-toroq ta’ Ħal Luqa nhar il-Ħadd 30 ta’ Novembru fil-Festa liturġika sabiex tagħti bidu għaċ¬-ċelebrazzjonijiet li matul l-2009 jwasslu biex nfakkru it-375 Sena mit-twaqqif ta’ Ħal Luqa bħala parroċċa.

Bla tlaqlieq u esitazzjoni nistqarru li l-2008 kienet waħda mill-aqwa jew mhux l-aktar sena li fiha l-għaqda mużikali tagħna għamlet attivitajiet mużikali b’xejn anqas min tlett programme grandjużi li żgur għollew isem ir-raħal tagħna, isem l-għaqda tagħna u fuq kollox tajna ġieħ u tifħir lill-Appostlu Padrun tagħna Sant’ Andrija

2009
J’Alla li f’din is-sena nkomplu fuq dak li bnejna fis-snin kollha l-imgħoddija. Nħarsu l-quddiem b’ottimiżmu lejn il-ġejjieni b’fiduċja fin-nies, il-membri, li fl-aħħar mill-aħħar huma dak li jgħamlu s-soċjeta’ tagħna sħiħa. Avveniment mill-isbaħ żgur li ser jkun l-programm fuq il-planċier artistiku tagħna peress li din is-sena dan jgħalaq 50 sena minn meta ġie inawgurat. Dan il-planċier hu wieħed minn tal-ewwel tax-xorta tiegħu li saru fil-gżejjer Maltin u għadu meqjus fost l-isbaħ li hawn.

TIFĦIR LILL-BANDA ĦAL-LUQAIJA
Li ġġib l-Arma u l-Isem SANT’ANDRIJA

F’dan il-jum kbir u solenni
F’dina l-festa ta’ l-Appostlu
Tifħir imorru nroddu
Lil min bil-wisq jistħoqlu.

Dik il-banda li ġġib l-arma
Ta’ l-Appostlu S. Andrija
Li f’qalbna llum tnissel
L-akbar ferħ u l-allergrija.

Bħala stilla tirrisplendi
F’din il-ġurnata l-arma tagħha
Ir-raġġi tagħha f’qalbna titfa
Biex ilkoll ningħaqdu magħha.

Dina l-arma li qiegħed insemmi
Bla xejn inġibu idejiet
Tikkonsisti, Salib, Kuruna
Imdawrin biż-żewġ palmiet.

Dina l-arma tal-banda tagħna
Biha ninsabu wisq kburin
Jekk xi Ħal-Luqi ma sellimx lilha
Ma jkunx min-nisel ta’Ħal-Luqa

Dina l-arma ġo Ħal-Luqa
Ta’ bil-fors iġġiblek għira
Arma oħra ġo pajjiżna
Ħdejn ta’ l-Appostlu hija żgħira.

Għaliex b’dik l-arma ta’ l-Appostlu
Li hemm fil-fidi tal-magħmudija
Lil kulħadd immorru nuru
Li aħna ulied ta’ Sant’Andrija.

Dana l-isem ta’ din il-banda
Fost l-oħrajn huwa l-aħjar
Huwn l-Isem ta’ Sant’Andrija
Ta’ Ħal-Luqa it-Titular.

Viva ngħidu ‘l Qaddis tagħna
Il-Kbir Appostlu Sant’Andrija
Viva dejjem dik il-Banda
Li għalih hija msemmija.

Bir-raġun o Banda tagħna
Miegħek nibqgħu mgħaqudin
Għax il-kbir Ismek S. Andrija
Huwa l-għaxqa ta’ Ħal-Luqin.